Imxi bil-Fidi, Mhux b’Dak li Jaraw Għajnejk!
“Aħna nimxu bil-fidi, mhux b’dak li jaraw għajnejna.”—2 KORINTIN 5:7.
1. X’juri li l-appostlu Pawlu mexa bil-fidi, mhux b’dak li raw għajnejh?
HIJA s-sena 55 E.K. Għaddew xi 20 sena minn mindu raġel li kien jismu Sawl, persekutur tal-Kristjani, ħaddan il-Kristjanità. Ma ħalliex iż-żmien idgħajjiflu jew inaqqaslu l-fidi tiegħu f’Alla. Għalkemm ma rax l-affarijiet fis-smewwiet b’għajnejn fiżiċi, hu żamm sod fil-fidi. Meta kiteb lill-Kristjani midlukin, li kellhom it-tama għas-sema, l-appostlu Pawlu qal: “Aħna nimxu bil-fidi, mhux b’dak li jaraw għajnejna.”—2 Korintin 5:7.
2, 3. (a) Kif nuru li qed nimxu bil-fidi? (b) Xi jfisser li nimxu b’dak li jaraw għajnejna?
2 Biex nimxu bil-fidi hemm bżonn li nafdaw għalkollox fl-abbiltà t’Alla biex jidderieġi ħajjitna. Għandna nkunu konvinti bis-sħiħ li hu tassew jaf dak li hu l-aħjar għalina. (Salm 119:66) Hekk kif nieħdu deċiżjonijiet f’ħajjitna u naġixxu fuqhom, nikkunsidraw “realtajiet li ma nistgħux naraw.” (Ebrej 11:1, The New English Bible) Dawn jinkludu l-wegħda għal “smewwiet ġodda u art ġdida.” (2 Pietru 3:13) Mill-banda l-oħra, li nimxu b’dak li jaraw għajnejna jfisser li nfittxu ħajja gwidata biss minn dak li nagħrfu bis-sensi fiżiċi tagħna. Dan hu perikoluż għax jistaʼ jwassalna biex ninjoraw ir-rieda t’Alla għalkollox.—Salm 81:13 (81:12, NW); Koħèlet 11:9.
3 Kemm jekk aħna parti mill-“merħla żgħira,” bis-sejħa għas-smewwiet, u kemm jekk aħna min-“nagħaġ oħrajn,” bit-tama għall-art, kull wieħed u waħda minna għandu jieħu bis-serjetà l-parir biex jimxi bil-fidi mhux b’dak li jaraw għajnejh. (Luqa 12:32; Ġwanni 10:16) Ejja naraw kif jekk insegwu dan il-parir ispirat se niġu protetti milli nsiru vittma tat-“tgawdija temporanja tad-dnub,” min-nassa tal-materjaliżmu, u milli ma nibqgħux inżommu t-tmiem taʼ din is-sistema dinjija f’moħħna. Se neżaminaw ukoll il-perikli taʼ li nimxu b’dak li jaraw għajnejna.—Ebrej 11:25.
Nirrifjutaw “it-Tgawdija Temporanja tad-Dnub”
4. Mosè liema għażla għamel, u għala?
4 Immaġina l-ħajja li Mosè, bin Għamram, setaʼ jgawdi. Imrobbi fost il-familja rjali fl-Eġittu tal-qedem, Mosè kellu l-potenzjal li jikseb setgħa, għana, u awtorità. Mosè setaʼ jirraġuna: ‘Jien ġejt mgħallem tajjeb fl-għerf stmat ħafna taʼ l-Eġittu, u jien setgħan fil-kliem u fl-għemil. Jekk nibqaʼ qrib il-familja rjali, nistaʼ nuża l-pożizzjoni tiegħi biex ngħin lil ħuti Ebrej li huma maħqurin!’ (Atti 7:22) Minflok, Mosè għażel li jiġi “trattat ħażin mal-poplu t’Alla.” Għala? X’qanqal lil Mosè jagħti dahru lil dak kollu li kellu x’joffri l-Eġittu? Il-Bibbja twieġeb: “Bil-fidi [Mosè] telaq mill-Eġittu u ma beżax mir-rabja tas-sultan, imma baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebrej 11:24-27) Il-fidi taʼ Mosè fil-premju ċert taʼ Ġeħova għas-sewwa għenitu jirreżisti d-dnub u jżomm lura milli jieħu sehem fil-pjaċiri temporanji tiegħu.
5. L-eżempju taʼ Mosè kif jinkuraġġina?
5 Aħna wkoll spiss ikollna niffaċċjaw il-bżonn li nieħdu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet bħal: ‘Għandi nieqaf nipprattika ċerti prattiċi jew drawwiet li m’humiex kompletament fi qbil mal-prinċipji Bibliċi? Għandi naċċetta impjieg li jidher li għandu vantaġġi materjali imma li se jtellef il-progress spiritwali tiegħi?’ L-eżempju taʼ Mosè jinkuraġġina biex ma niħdux deċiżjonijiet li jirriflettu l-ħarsa tad-dinja li tara l-affarijiet taʼ dak il-ħin; minflok, għandna neżerċitaw fidi fl-għerf li jara bil-quddiem taʼ “Dak li hu inviżibbli”—Alla Ġeħova. Bħal Mosè, jalla ngħożżu l-ħbiberija taʼ Ġeħova iktar minn kwalunkwe ħaġa li din id-dinja għandha x’toffri.
6, 7. (a) Għesaw kif wera li pprefera jimxi b’dak li raw għajnejh? (b) Liema eżempju taʼ twissija nistgħu naraw f’Għesaw?
6 Ara l-kuntrast bejn Mosè u Għesaw, bin il-patrijarka Iżakk. Għesaw ipprefera gratifikazzjoni taʼ dak il-ħin. (Ġenesi 25:30-34) Minħabba li ‘m’apprezzax l-affarijiet sagri,’ Għesaw ċaħad id-drittijiet tiegħu bħala l-ewwel imwieled “għal ikla waħda.” (Ebrej 12:16) Hu naqas li jikkunsidra kif id-deċiżjoni tiegħu biex ibigħ id-drittijiet tiegħu bħala l-ewwel imwieled kienet se teffettwa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova jew x’influwenza kien se jkollhom l-azzjonijiet tiegħu fuq uliedu. Ma kellux ħarsa spiritwali. Għesaw għalaq għajnejh għall-wegħdi prezzjużi t’Alla, billi qieshom taʼ valur żgħir. Hu mexa b’dak li raw għajnejh, mhux bil-fidi.
7 Għesaw jipprovdi eżempju taʼ twissija għalina llum. (1 Korintin 10:11) Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet, kemm jekk kbar u kemm jekk żgħar, m’għandniex niġu mħajrin mill-propaganda tad-dinja taʼ Satana, li tgħid li għandek tieħu dak li trid meta trid. Nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed nuri tendenzi bħal taʼ Għesaw meta nieħu deċiżjonijiet? Jekk insus wara dak li rrid issa se nispiċċa nwarrab l-interessi spiritwali? Qegħdin l-għażliet tiegħi jipperikolaw il-ħbiberija tiegħi m’Alla u l-premju li hemm jistennieni fil-futur? X’tip t’eżempju qed nagħti lil oħrajn?’ Jekk l-għażliet tagħna jirriflettu apprezzament għall-affarijiet sagri, Ġeħova se jberikna.—Proverbji 10:22.
Nevitaw in-Nassa tal-Materjaliżmu
8. Liema twissija rċivew il-Kristjani mil-Laodiċija, u dan għala hu taʼ interess għalina?
8 F’rivelazzjoni lill-appostlu Ġwanni lejn it-tmiem taʼ l-ewwel seklu, Ġesù Kristu glorifikat wassal messaġġ lill-kongregazzjoni li tinsab fil-Laodiċija, l-Asja Minuri. Kien messaġġ taʼ twissija kontra l-materjaliżmu. Għalkemm kienu għonja materjalment, il-Kristjani mil-Laodiċija kienu falluti spiritwalment. Minflok ma komplew jimxu bil-fidi, huma ħallew l-affarijiet materjali jagħmuhom spiritwalment. (Rivelazzjoni 3:14-18) Il-materjaliżmu għandu effett simili llum. Idgħajjef il-fidi tagħna u jġagħalna nieqfu “niġru bis-sabar it-tiġrija” għall-ħajja. (Ebrej 12:1) Jekk ma noqogħdux attenti, il-“pjaċiri taʼ din il-ħajja” jistgħu jieħdu post attivitajiet spiritwali sal-punt li “jinħonqu għalkollox.”—Luqa 8:14.
9. Il-kuntentizza u l-apprezzament għall-ikel spiritwali kif jipproteġuna?
9 Ċavetta għall-protezzjoni spiritwali hi l-kuntentizza minflok l-użu taʼ din id-dinja bis-sħiħ u l-għana materjali. (1 Korintin 7:31; 1 Timotju 6:6-8) Meta nimxu bil-fidi u mhux b’dak li jaraw għajnejna, insibu ferħ fil-ġenna spiritwali li ngawdu issa. Hekk kif nieħdu minn ikel spiritwali tant nutrittiv, ma nitqanqlux biex ‘ngħannu bl-hena [“bil-kundizzjoni tajba,” NW] taʼ qalbna’? (Isaija 65:13, 14) Iżjed minn hekk, aħna nitgħaxxqu fis-sħubija tagħna maʼ dawk li juru l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Kemm hu vitali li nsibu sodisfazzjon u serħan f’dak li Ġeħova jipprovdi b’mod spiritwali!
10. Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?
10 Xi mistoqsijiet li nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna huma: ‘X’post għandhom l-affarijiet materjali f’ħajti? Qed nuża l-affarijiet materjali li għandi biex ngħix ħajja taʼ pjaċiri jew biex nippromwovi l-qima vera? Xi jġibli l-akbar sodisfazzjon? Huwa l-istudju tal-Bibbja u s-sħubija fil-laqgħat Kristjani, jew is-Sibtijiet u l-Ħdud ’il bogħod mir-responsabbiltajiet Kristjani? Inħalli tmiem il-ġimgħa għar-rikreazzjoni minflok ma nuża dan il-ħin għall-ministeru taʼ l-għalqa u għall-attivitajiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-qima pura?’ Li nimxu bil-fidi jfisser li nibqgħu beżlin fix-xogħol tas-Saltna, b’fiduċja sħiħa fil-wegħdi taʼ Ġeħova.—1 Korintin 15:58.
Żomm it-Tmiem f’Moħħok
11. Il-fatt li nimxu bil-fidi kif jgħinna nżommu t-tmiem f’moħħna?
11 Jekk nimxu bil-fidi se niġu megħjunin biex inwarrbu l-idea li għandha d-dinja li t-tmiem jinsab fil-bogħod jew li mhux ġej. Għall-kuntrarju taʼ dawk ix-xettiċi li jmaqdru l-profeziji tal-Bibbja, aħna nagħrfu kif il-ġrajjiet tad-dinja jwettqu dak li bassret il-Kelma t’Alla għal żmienna. (2 Pietru 3:3, 4) Per eżempju, l-attitudni u l-imġiba tan-nies in ġenerali ma jagħtux evidenza li qed ngħixu “fl-aħħar jiem”? (2 Timotju 3:1-5) Bl-għajnejn tal-fidi, aħna naraw li l-ġrajjiet dinjin kurrenti m’humiex biss ripetizzjoni tal-passat. Minflok, huma jifformaw “is-sinjal tal-preżenza [taʼ Kristu] u taʼ tmiem is-sistema.”—Mattew 24:1-14.
12. Il-kliem taʼ Ġesù li jinsab f’Luqa 21:20, 21 kif twettaq fl-ewwel seklu?
12 Ikkunsidra ġrajja fl-ewwel seklu taʼ l-Era Komuni tagħna li għandha xebh fi żmienna. Meta kien fuq l-art, Ġesù Kristu wissa lis-segwaċi tiegħu: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha.” (Luqa 21:20, 21) Bħala twettiq taʼ din il-profezija, l-armati Rumani taħt il-kmand taʼ Ċestju Gallu assedjaw lil Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. Imma l-armati rtiraw ħabta u sabta, billi taw is-sinjal u l-opportunità lill-Kristjani hemmhekk biex “jaħarbu lejn il-muntanji.” Fis-sena 70 E.K., l-armati Rumani rritornaw, attakkaw il-belt taʼ Ġerusalemm, u qerdu t-tempju tagħha. Ġużeppi Flavju jirrapporta li iktar minn miljun Lhudi nqatlu, u 97,000 ittieħdu bħala lsiera. Dik is-sistema Lhudija esperjenzat ġudizzju divin. Dawk li mxew bil-fidi u taw kas it-twissija taʼ Ġesù skansaw il-qerda.
13, 14. (a) Liema ġrajjiet dalwaqt se jseħħu? (b) Għala għandna nibqgħu konxji tat-twettiq tal-profezija tal-Bibbja?
13 Xi ħaġa simili se sseħħ fi żmienna. Ħa jkun hemm xi elementi fil-Ġnus Magħquda li se jkunu involuti fl-esekuzzjoni taʼ ġudizzju divin. Hekk kif l-armati Rumani taʼ l-ewwel seklu suppost kienu hemm biex iżommu l-Pax Romana (Il-Paċi Rumana), il-Ġnus Magħquda taʼ llum suppost qed iżżomm il-paċi. Għalkemm l-armati Rumani pprovaw iżommu sigurtà madwar id-dinja taʼ dak iż-żmien, huma kienu l-uħud li qerdu lil Ġerusalemm. Bl-istess mod illum, il-profezija tal-Bibbja tindika li forzi mħarrġin għal gwerra tal-Ġnus Magħquda se jaraw ir-reliġjon bħala element li jqanqal l-inkwiet u se jieħdu passi biex jeqirdu lil Ġerusalemm taʼ żmienna—il-Kristjaneżmu—flimkien mal-kumplament taʼ Babilonja l-Kbira. (Rivelazzjoni 17:12-17) Iva, l-imperu dinji kollu kemm hu tar-reliġjon falza qed joqrob lejn il-qerda.
14 Il-qerda tar-reliġjon falza se timmarka l-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira. Fl-aħħar parti tat-tribulazzjoni, l-aħħar elementi taʼ din is-sistema mill-agħar se jinqerdu. (Mattew 24:29, 30; Rivelazzjoni 16:14, 16) Il-fatt li nimxu bil-fidi jżommna konxji tat-twettiq tal-profezija tal-Bibbja. Aħna ma niġux imqarrqin naħsbu li xi aġenzija magħmula mill-bniedem bħall-Ġnus Magħquda hija l-mezz li se juża Alla biex iġib paċi u sigurtà vera. Għalhekk, m’għandux il-mod taʼ ħajja tagħna juri l-konvinzjoni li għandna li “l-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib”?—Sofonija 1:14.
Kemm Hu Perikoluż li Timxi b’Dak li Jaraw Għajnejk?
15. Minkejja li esperjenza l-barka t’Alla, liema nassa waqaʼ fiha l-ġens taʼ Iżrael?
15 L-esperjenzi taʼ Iżrael tal-qedem juru l-perikli li jiġu jekk timxi b’dak li jaraw għajnejk, u b’hekk tiddgħajjef il-fidi. Minkejja li raw l-għaxar kastigi li umiljaw l-allat foloz taʼ l-Eġittu u mbagħad esperjenzaw il-ħelsien spettakolari mill-Baħar l-Aħmar, l-Iżraelin b’diżubbidjenza għamlu għoġol tad-deheb u bdew jaqduh. Tilfu l-paċenzja u ddejqu jistennew lil Mosè, li “ddawwar ma niżel minn fuq il-muntanja.” (Eżodu 32:1-4) In-nuqqas taʼ paċenzja qanqalhom jagħtu qima lil idolu li setgħu jaraw b’għajnejhom. Il-fatt li mxew b’dak li raw b’għajnejhom insulta lil Ġeħova u wassal għall-mewt taʼ madwar “tlitt elef ruħ.” (Eżodu 32:25-29) Kemm hu taʼ niket meta qaddej taʼ Ġeħova llum jieħu deċiżjonijiet li jindikaw nuqqas taʼ fiduċja f’Ġeħova u nuqqas t’assiguranza fl-abbiltà tiegħu biex iwettaq il-wegħdi tiegħu!
16. L-Iżraelin għala ġew effettwati mill-apparenza taʼ barra?
16 L-apparenzi taʼ barra effettwaw lill-Iżraelin b’mod negattiv f’oqsma oħra. Il-fatt li mxew b’dak li raw b’għajnejhom ġagħalhom jirtogħdu bil-biżaʼ minħabba l-għedewwa tagħhom. (Numri 13:28, 32; Dewteronomju 1:28) Ġagħalhom jisfidaw l-awtorità li Alla ta lil Mosè u jgergru dwar it-tip taʼ ħajja li kellhom. Dan in-nuqqas taʼ fidi wassal biex jippreferu iktar l-Eġittu, kontrollat mid-demonji, milli l-Art Imwiegħda. (Numri 14:1-4; Salm 106:24) Min jaf kemm ħassu mweġġaʼ Ġeħova hekk kif ra d-diżrispett kbir li wrew niesu lejn is-Sultan inviżibbli tagħhom!
17. X’ġagħal lill-Iżraelin jiċħdu l-gwida taʼ Ġeħova fi żmien Samwel?
17 Għal darb’oħra lura fi żmien Samwel, il-ġens magħżul taʼ Iżrael inqabad fin-nassa li jimxi b’dak li jaraw għajnejh. Il-poplu beda jixtieq sultan li setaʼ jara. Avolja Ġeħova kien wera li hu kien is-Sultan tagħhom, dan ma kienx biżżejjed biex iqanqalhom jimxu bil-fidi. (1 Samwel 8:4-9) Għall-ħsara tagħhom stess, huma bi bluha ċaħdu l-gwida perfetta taʼ Ġeħova, u ppreferew li jkunu bħan-nazzjonijiet taʼ madwarhom.—1 Samwel 8:19, 20.
18. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu dwar il-perikli li nimxu b’dak li jaraw għajnejna?
18 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova llum, aħna ngħożżu r-relazzjoni tajba tagħna m’Alla. Aħna ħerqanin nitgħallmu u napplikaw lezzjonijiet taʼ valur minn ġrajjiet fil-passat f’ħajjitna. (Rumani 15:4) Meta l-Iżraelin imxew b’dak li raw għajnejhom, huma nsew li Alla kien qed jidderiġihom permezz taʼ Mosè. Jekk ma noqogħdux attenti, aħna wkoll nistgħu ninsew li Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, Mosè Akbar, qed jidderieġu l-kongregazzjoni Kristjana taʼ llum. (Rivelazzjoni 1:12-16) Għandna noqogħdu attenti li ma nadottawx ħarsa umana lejn il-parti taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tinsab fuq l-art. Jekk nagħmlu hekk jistaʼ jkollna spirtu taʼ tgergir u ma napprezzawx ir-rappreżentanti taʼ Ġeħova flimkien maʼ l-ikel spiritwali li jipprovdi “l-ilsir leali u għaqli.”—Mattew 24:45.
Kun Determinat li Timxi bil-Fidi
19, 20. X’int determinat li tagħmel, u għala?
19 Il-Bibbja tgħid: “Aħna ma nissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.” (Efesin 6:12) L-għadu ewlieni tagħna hu Satana x-Xitan. Il-mira tiegħu hi li jeqirdilna l-fidi tagħna f’Ġeħova. Hu se juża kull tip taʼ persważjoni li jistaʼ biex jipprova jġagħalna nbiddlu d-deċiżjoni tagħna li naqdu lil Alla. (1 Pietru 5:8) X’se jipproteġina milli niġu mqarrqin mill-apparenza taʼ barra tas-sistema taʼ Satana? Il-fatt li nimxu bil-fidi, u mhux b’dak li jaraw għajnejna! Fiduċja fil-wegħdi taʼ Ġeħova se tgħassisna milli nesperjenzaw ‘nawfraġju fil-fidi tagħna.’ (1 Timotju 1:19) Għalhekk, ejja nkunu determinati li nkomplu nimxu bil-fidi, u nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jberikna. U jalla nkomplu nitolbu li naħarbu l-affarijiet kollha li se jseħħu fil-futur qarib.—Luqa 21:36.
20 Hekk kif nimxu bil-fidi, u mhux b’dak li jaraw għajnejna, għandna Xempju mill-aħjar. Il-Bibbja tgħid: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nkomplu nimxu bħalma mexa hu.
Tiftakar Int?
• X’tgħallimt mill-eżempji taʼ Mosè u Għesaw dwar li timxi bil-fidi, mhux b’dak li tara b’għajnejk?
• X’inhi ċavetta waħda biex tevita l-materjaliżmu?
• Il-fatt li nimxu bil-fidi kif jgħinna nevitaw il-ħarsa li t-tmiem hu fil-bogħod?
• Għala hu taʼ periklu li nimxu b’dak li jaraw għajnejna?
[Stampa f’paġna 17]
Mosè mexa bil-fidi
[Stampa f’paġna 18]
Ir-rikreazzjoni spiss iżżommok milli tagħmel attivitajiet teokratiċi?
[Stampa f’paġna 20]
Il-fatt li tagħti kas il-Kelma t’Alla kif jipproteġik?