Fehma Tajba tal-Bibbja—Xi Ħaġa li Int Tistaʼ Tgawdi
IL-BIBBJA fiha veritajiet prezzjużi mingħand Alla. Tgħidilna dwar l-iskop tal-ħajja, il-kaġun tas-sofferenza tal-bniedem, u l-futur taʼ l-umanità. Tgħallimna kif insibu l-ferħ, kif nagħmlu l-ħbieb, u kif nittrattaw il-problemi b’suċċess. Iżjed minn hekk, nitgħallmu dwar il-Ħallieq tagħna u Missierna tas-sema, Ġeħova. Għarfien bħal dan iferraħna u jagħtina skop f’ħajjitna.
Il-Bibbja tqabbel il-fatt li tieħu l-għarfien dwar Alla maʼ li tiekol. Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4; Ebrej 5:12-14) Bħalma hu neċessarju li kuljum nieklu ikel nutrittiv biex nibqgħu ħajjin, l-istess huwa neċessarju li naqraw il-Kelma t’Alla regolarment biex nibbenefikaw mill-wegħda t’Alla għal ħajja taʼ dejjem.
Aħna nieħdu pjaċir nieklu minħabba l-mod kif ġejna maħluqin u għaliex l-ikel jissodisfa bżonn bażiku. Madankollu, jekk irridu nkunu ferħanin għandna nieħdu ħsieb bżonn bażiku ieħor. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Huwa possibbli li nkunu ferħanin għaliex il-bżonn spiritwali tagħna jistaʼ jiġi sodisfat permezz taʼ fehma tajba tal-Kelma t’Alla.
Huwa minnu li xi wħud isibuha diffiċli biex jifhmu l-Bibbja. Per eżempju, forsi jkollok bżonn għajnuna b’siltiet li jirreferu għal drawwiet mhux familjari jew li jużaw espressjonijiet figurattivi. Ukoll, hemm profeziji miktubin b’lingwa simbolika li jistgħu jiġu mifhumin biss billi tirreferi għal siltiet Bibliċi oħra li jitkellmu dwar l-istess suġġett. (Danjel 7: 1-7; Rivelazzjoni 13:1, 2) Minkejja dan, int tassew tistaʼ tikseb fehma tajba tal-Bibbja. Kif tistaʼ tkun ċert minn dan?
Xi Ħaġa li Kulħadd Jistaʼ Jgawdi
Il-Bibbja hija l-Kelma t’Alla. Fiha Alla jgħidilna dwar ir-rieda tiegħu. Sejjer Alla jipprovdi ktieb li huwa impossibbli biex nifhmuh jew li nies b’edukazzjoni għolja biss jistgħu jifhmuh? Le, Ġeħova hu qalbu tajba. Ġesù Kristu qal: “Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Jew jekk jitolbu wkoll bajda, jagħtih skorpjun? Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Luqa 11:11-13) Għalhekk, int tistaʼ tkun ċert li huwa possibbli li tikseb fehma tajba tal-Bibbja u li jekk titlob lil Alla bis-sinċerità, hu se jagħtik l-għajnuna li għandek bżonn biex tifhem il-Kelma tiegħu. Fil-fatt, it-tagħlim bażiku tal-Bibbja jistaʼ jiġi mifhum saħansitra mit-tfal!—2 Timotju 3:15.
Għalkemm jirrikjedi sforz biex nifhmu l-Bibbja, li nagħmlu dan jistaʼ jkollu effett kbir u inkuraġġanti fuqna. Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher lil tnejn mid-dixxipli tiegħu u kellimhom dwar profeziji Bibliċi. Ir-rakkont taʼ Luqa jgħid: “Beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura kollha.” X’kien ir-riżultat? Dik il-lejla, hekk kif ħasbu dwar dak li kienu tgħallmu, id-dixxipli qalu lil xulxin: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?” (Luqa 24:13-32) Fehma tajba tal-Kelma t’Alla ferrħithom għaliex saħħet il-fidi tagħhom fil-wegħdi t’Alla u tathom ħarsa pożittiva lejn il-futur.
Minflok ma hi taʼ piż, fehma tajba tal-Kelma t’Alla hija interessanti u taʼ benefiċċju, xi ħaġa li tistaʼ tgawdi bħal meta tiekol ikla sodisfaċenti. X’għandek tagħmel biex tikseb din il-fehma? L-artiklu li jmiss jurik kif tistaʼ tgawdi “t-tagħrif [jew, l-għarfien] taʼ Alla.”—Proverbji 2:1-5.
[Stampa f’paġna 4]
Bħal missier kollu mħabba, Ġeħova jagħtina l-ispirtu qaddis biex jgħinna nifhmu l-Bibbja