Fehma Tajba tal-Bibbja—X’Se Jgħinek Tiksibha?
“INT ħbejt sew dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali, u kxifthom liċ-ċkejknin.” (Luqa 10:21) Dan il-kliem li Ġesù indirizza lil Missieru tas-sema jindika li biex ikollna fehma tajba tal-Bibbja, irid ikollna attitudni xierqa. L-għerf taʼ Ġeħova jidher mill-fatt li pprovda ktieb li nies umli u li huma lesti jitgħallmu biss jistgħu tassew jifhmuh.
Għal ħafna minna m’huwiex faċli li nuru l-umiltà. Ilkoll writna t-tendenza li nkunu kburin. Flimkien maʼ dan, aħna ngħixu “fl-aħħar jiem,” fost nies li “jħobbu lilhom infushom, . . . rashom iebsa, [u] imkabbrin.” (2 Timotju 3:1-4) Dawn huma attitudnijiet li jtellfuna milli niksbu fehma tajba tal-Kelma t’Alla. B’dispjaċir, sa ċertu punt ilkoll niġu influwenzati minn dak li jiġri madwarna. Għalhekk, kif tistaʼ tikseb l-attitudni li hemm bżonn biex tifhem il-Bibbja?
Inħejju l-Qalb u l-Moħħ
Esdra, mexxej tal-poplu t’Alla tal-qedem, “ħejja qalbu biex ifittex il-liġi tal-Mulej.” (Esdra 7:10, Saydon) Hemm xi mod li bih aħna nistgħu nħejju qalbna? Iva. Nistgħu nibdew billi jkollna ħarsa xierqa lejn l-Iskrittura. Lill-Kristjani sħabu, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Meta rċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, ma lqajtuhiex bħala lkelma tal-bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-kelma t’Alla.” (1 Tessalonikin 2:13) Għalkemm intużaw il-bnedmin biex jiktbu lIskrittura, dak li nkiteb kien mingħand Ġeħova. Jekk nagħrfu dan il-fatt vitali se nkunu iktar lesti naċċettaw dak li naqraw.—2 Timotju 3:16.
Mod ieħor kif nistgħu nħejju qalbna hu permezz tat-talb. Ladarba l-Bibbja kienet ispirata mill-ispirtu qaddis, se nifhmu l-messaġġ tagħha bl-għajnuna taʼ dan l-ispirtu. Għandna nitolbu għal din l-għajnuna. Innota kif is-salmista kien interessat f’dan meta qal: “Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek u nagħmilha b’qalbi kollha.” (Salm 119:34) Għandna nitolbu mhux biss għall-abbiltà mentali biex nifhmu dak li hemm miktub imma anki biex ikollna attitudni xierqa tal-qalb li se tħallina naċċettawh. Sabiex nifhmu l-Bibbja, għandna noqogħdu attenti għal dak li hu veru.
Hekk kif timmedita sabiex ikollok attitudni xierqa, ikkunsidra kif l-istudju tal-Bibbja jistaʼ jgħinek. Għandna ħafna raġunijiet eċċellenti għala għandna naqraw il-Kelma t’Alla, imma l-iktar waħda importanti hi li tgħinna nersqu eqreb lejn Alla. (Ġakbu 4:8) Hekk kif naqraw dwar kif Ġeħova jirreaġixxi għal ċirkustanzi differenti, kif japprezza lil dawk li jħobbuh, u kif jittratta maʼ dawk li jitilquh, nistgħu naraw x’tip taʼ persuna hu. Meta naqraw il-Bibbja, il-motiv primarju tagħna għandu jkun biex insiru nafu aħjar lil Alla, u b’hekk insaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu.
Ostakli li Jfixklu l-Attitudni x-Xierqa
X’jistaʼ jfixkilna milli nifhmu l-Kelma t’Alla? Ostaklu wieħed hu lealtà barra minn lokha. Per eżempju, forsi għandek stima għolja lejn it-twemmin u l-opinjonijiet taʼ ċerti wħud. Però, x’se tagħmel jekk dawn l-individwi ma jżommux mal-verità tal-Kelma t’Alla jew ma jqisuhiex taʼ valur? F’ċirkustanzi bħal dawn, jistaʼ jkun taʼ sfida li nifhmu dak li l-Bibbja tgħallem verament. B’hekk, il-Bibbja tinkuraġġina biex neżaminaw bir-reqqa dak li ġejna mgħallmin.—1 Tessalonikin 5:21.
Marija, omm Ġesù, iffaċċjat sfida bħal din. Hi trabbiet skond it-tradizzjoni Lhudija. Hi osservat bir-reqqa l-Liġi Mosajka u mingħajr dubju kienet tmur is-sinagoga. Iktar tard f’ħajjitha rrikonoxxiet li l-mod taʼ qima li kienu għallmuha l-ġenituri tagħha ma kienx għadu aċċettabbli għal Alla. B’riżultat taʼ dan, Marija aċċettat it-tagħlim taʼ Ġesù u kienet fost l-ewwel membri tal-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 1:13, 14) B’dan ma kinitx qed turi diżrispett lejn il-ġenituri tagħha jew lejn it-tradizzjonijiet tagħhom; minflok, kienet qed turi l-imħabba tagħha għal Alla. Jekk aħna rridu nibbenefikaw mill-Bibbja, bħal Marija aħna għandna nkunu leali lejn Alla qabel ma nkunu leali lejn kwalunkwe persuna oħra.
B’dispjaċir, ħafna nies ftit iqisuha taʼ valur il-verità tal-Bibbja. Xi wħud huma kuntenti jsegwu tradizzjonijiet reliġjużi li huma bbażati fuq gideb. Oħrajn bid-diskors u l-mod taʼ ħajja tagħhom juru li ma jqisux il-verità bħala li hi importanti. B’hekk, li naċċettaw il-verità tal-Bibbja jirrikjedi xi sagrifiċċji: Jekk nagħmlu dan, forsi jikkaġuna nuqqas taʼ qbil maʼ sħabek, mal-ġirien, maʼ dawk taʼ fuq ix-xogħol, u anki maʼ tal-familja. (Ġwanni 17:14) Minkejja dan, ir-raġel għaqli kiteb: “Ixtri s-sewwa u terġax tbigħu.” (Proverbji 23:23) Jekk tqis il-verità bħala importanti ħafna, Ġeħova se jgħinek tifhem il-Bibbja.
Ostaklu ieħor biex nifhmu l-messaġġ tal-Bibbja hu li ma nkunux lesti napplikaw dak li tgħid. Ġesù qal lid-dixxipli: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-sigrieti sagri tas-saltna tas-smewwiet, imma lilhom le. Għax qalb dan il-poplu bbieset; saru tqal biex jisimgħu b’widnejhom.” (Mattew 13:11, 15) Il-maġġuranza minn dawk li Ġesù ppridkalhom ma wiġbux b’mod favorevoli; ma ridux jinbidlu. X’kuntrast maʼ dak il-merkant li jivvjaġġa li Ġesù tkellem dwaru f’tixbiha! X’ħin sab perla taʼ valur għoli, il-merkant mill-ewwel biegħ dak kollu li kellu biex jixtriha. Fehma tajba tal-veritajiet tal-Bibbja għandha tkun daqstant prezzjuża għalina.—Mattew 13:45, 46.
L-Isfida taʼ li Tiġi Mgħallem
Jekk ma tkunx lest li tiġi mgħallem se jkun diffiċli li tikseb fehma tajba tal-Bibbja. Individwu jistaʼ jsibha diffiċli jaċċetta ideat ġodda mingħand xi ħadd li forsi jidher li hu taʼ livell inqas fis-soċjetà. Madankollu, l-appostli taʼ Ġesù kienu rġiel “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Pawlu spjega għala meta kiteb: “Ħuti, tistgħu taraw mis-sejħa tagħkom stess li Alla ma sejjaħx ħafna għorrief skond il-laħam, jew ħafna li huma setgħanin, jew ħafna li huma taʼ twelid nobbli; imma Alla għażel lill-boloh tad-dinja biex lill-għorrief iġagħalhom jistħu.” (1 Korintin 1:26, 27) Jekk int issibha diffiċli turi l-umiltà meta tiġi mgħallem minn persuna taʼ livell iktar baxx minnek, ftakar li hu, jew hi, huma biss mezz li Alla qed juża biex jgħallmek. Xi privileġġ akbar jistaʼ jkollok milli tiġi mgħallem minn Ġeħova, l-“Istruttur Grandjuż” tagħna?—Isaija 30:20, NW; 54:13.
Nagħman, il-kmandant militari Sirjan, kien wieħed li sabha diffiċli jaċċetta istruzzjoni minn xi ħadd taʼ livell inqas minn tiegħu. Kien qed ifittex fejqan għall-ġdiem tiegħu, u għalhekk mar jara lil Eliżew, il-profeta taʼ Ġeħova. Imma l-istruzzjonijiet t’Alla għal fejqan ngħataw lil Nagħman permezz taʼ qaddej. Il-messaġġ u l-mod kif ġie preżentat kienu taʼ sfida għall-umiltà taʼ Nagħman, tant li għall-ewwel irrifjuta li jobdi l-kelma tal-profeta t’Alla. Iktar tard, Nagħman biddel l-attitudni tiegħu u ġie mfejjaq. (2 Slaten 5:9-14) Aħna niffaċċjaw sfida simili meta nduru lejn il-Bibbja. Forsi nitgħallmu li sabiex infiqu spiritwalment u moralment, ikollna nsegwu mod ġdid taʼ ħajja. Se nkunu umli biżżejjed biex inħallu lil xi ħadd jgħallimna dak li rridu nagħmlu? Dawk biss li huma lesti li jitgħallmu jistgħu jgawdu fehma tajba tal-Bibbja.
Raġel fil-poter taħt Kandaċe, sultana taʼ lEtjopjani, wera attitudni mill-aqwa. Kien qed jirritorna lejn l-Afrika fil-karru tiegħu meta d-dixxiplu Filippu ġera ħdejh u kellmu. Filippu staqsa lir-raġel jekk kienx qed jifhem dak li kien qed jaqra. L-uffiċjal kien umli biżżejjed biex iwieġeb: “Kif nistaʼ nifhem, jekk xi ħadd ma jiggwidanix?” Hekk kif kiseb fehma tal-Kelma t’Alla, dan ir-raġel tgħammed. Wara dan, “baqaʼ sejjer ferħan fi triqtu.”—Atti 8:27-39.
B’mod ġenerali, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma nies ordinarji. Kull ġimgħa jikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar maʼ iktar minn sitt miljun individwu. Ladarba l-Bibbja tgħallem l-aħjar mod taʼ ħajja, tispjega l-unika tama ċerta għall-umanità, u tgħidilna kif insiru nafu lil Alla, miljuni sabu li studju tal-Bibbja u fehma tajba taʼ dak li tgħid huma pjaċir li ma jitqabbel maʼ xejn. Xi ħaġa li int tistaʼ tgawdi.
[Stampa f’paġna 7]
Nagħman sabha diffiċli biex jaċċetta istruzzjonijiet minn ilsir taʼ livell baxx
[Stampa f’paġna 7]
Fehma tajba tal-Bibbja tferraħna