Melito taʼ Sardi Ddefenda Hu l-Veritajiet tal-Bibbja?
KULL sena l-Kristjani veri josservaw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fid-data li tikkorrispondi maʼ l-14 taʼ Nisan skond il-kalendarju Lhudi. Huma qed jobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Fil-fatt, kien f’dak il-jum fis-sena 33 E.K. li Ġesù, wara li osserva l-Qbiż, stabbilixxa t-Tifkira tal-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju. Hu miet qabel ma ntemm dak il-jum.—Luqa 22:19, 20; 1 Korintin 11:23-28.
Matul it-tieni seklu E.K., xi wħud bdew jibdlu ż-żmien tal-kommemorazzjoni u l-mod kif issir. Id-data tal-mewt taʼ Ġesù baqgħet tintuża fl-Asja Minuri. Madankollu, bħalma juri xogħol wieħed taʼ referenza, “id-drawwa f’Ruma u Lixandra kienet li l-irxoxt jiġi osservat il-Ħadd taʼ wara,” li ġie msejjaħ il-Qbiż taʼ l-Irxoxt. Grupp magħruf bħala l-Kwartodeċimani (L-Uħud taʼ l-Erbatax) iddefenda l-osservanza tal-mewt taʼ Ġesù Kristu fl-14 taʼ Nisan. Melito taʼ Sardi kien jaħsibha bl-istess mod. Min kien Melito? B’liema mod iddefenda din il-verità tal-Bibbja u veritajiet Bibliċi oħra?
‘Dawwâl Qawwi’
Fl-aħħar tat-tieni seklu, skond Ewsebju taʼ Ċesarija fil-kitba tiegħu Ecclesiastical History (L-Istorja Ekkleżjastika), Polikrates t’Efesu bagħat ittra Ruma biex jiddefendi l-osservanza taʼ “l-erbatax-il jum tal-Qbiż skond l-Evanġelju, mingħajr żvijar, imma biex issir skond ir-regola tal-fidi.” Skond din l-ittra, Melito—Isqof taʼ Sardi, f’Lidja—kien wieħed minn dawk li appoġġaw id-data taʼ l-14 taʼ Nisan bħala dik li għandha tiġi osservata. L-ittra kienet tgħid li l-kontemporanji tiegħu kkunsidraw li Melito kien fost dawk meqjusin bħala ‘dawwala qawwijin li mietu.’ Polikrates qal li Melito ma żżewwiġx u li hu “għex kompletament fl-Ispirtu Qaddis u jinsab [midfun] f’Sardi jistenna ż-żjara mis-sema meta se jqum mill-mewt.” Dan jistaʼ jfisser li Melito kien fost dawk li kienu jemmnu li l-irxoxt ma kienx se jseħħ qabel il-miġja lura taʼ Kristu.—Rivelazzjoni 20:1-6.
Għalhekk, milli jidher, Melito kien raġel kuraġġuż u determinat. Fil-fatt, hu kiteb Apology (Apoloġija) għall-Kristjani, waħda mill-ewwel li qatt saru, indirizzata lil Marku Awrelju, li kien Imperatur Ruman mis-sena 161 sas-sena 180 E.K. Melito ma kienx jibżaʼ jiddefendi l-Kristjanità u jakkuża lil dawk li kienu ħżiena u rgħiba. Dawn l-uħud fittxew diversi ordnijiet imperjali bħala skużi biex jippersegwitaw jew jikkundannaw b’mod inġust lill-Kristjani ħalli jisirqulhom ġidhom.
Melito, bil-kuraġġ kollu, kiteb lill-imperatur: “Inġibulek din ir-rikjesta waħda biss, sabiex int teżamina lil dawk li huma l-kaġun taʼ dan l-inkwiet [il-Kristjani], u tiġġudika b’mod ġust jekk jistħoqqilhomx il-mewt u l-kastig jew is-sigurtà u l-ħelsien mill-akkużi. Imma jekk dan il-parir u d-digriet ġdid, li lanqas ma jixraq lill-għedewwa barbari, m’huwiex ġej minnek, nitolbuk b’iktar u iktar ħerqa biex ma tinjoraniex fost din l-inġustizzja aggressiva minn dawk li jippersegwitawna.”
Juża l-Iskrittura biex Jiddefendi l-Kristjanità
Melito wera interess kbir fl-istudju taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. M’għandniex il-lista kompleta tal-kitbiet tiegħu, però, xi titli juruna l-interess li wera f’suġġetti Bibliċi. Xi wħud minnhom huma On Christian Life and the Prophets, On the Faith of Man, On Creation, On Baptism and Truth and Faith and Christ’s Birth, On Hospitality, The Key, u On the Devil and the Apocalypse of John, (Dwar il-Ħajja Kristjana u l-Profeti, Dwar il-Fidi tal-Bniedem, Dwar il-Ħolqien, Dwar il-Magħmudija u l-Verità u l-Fidi u t-Twelid taʼ Kristu, Dwar l-Ospitalità, Iċ-Ċavetta, u Dwar ix-Xitan u l-Apokalissi taʼ Ġwanni).
Melito vvjaġġa personalment lejn pajjiżi tal-Bibbja biex jagħmel riċerka dwar l-ammont eżatt taʼ kotba fl-Iskrittura Ebrajka. Dwar dan hu kiteb: “Meta mort fil-Lvant kont fil-post fejn dawn l-affarijiet ġew pridkati u prattikati, u wara li tgħallimt bir-reqqa l-kotba tat-Testment il-Qadim u niżżilt bil-miktub il-fatti, jien bgħatthom lilek.” Din il-lista ma ssemmix il-kotba taʼ Neħemija u Ester, madankollu hija l-eqdem lista tal-kotba kanoniċi taʼ l-Iskrittura Ebrajka f’kitbiet taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani.
Waqt ir-riċerka tiegħu Melito ġabar serje taʼ versi meħudin mill-Iskrittura Ebrajka li kien fihom il-profeziji dwar Ġesù. Xogħol Melito, imsejjaħ Extracts (Siltiet), juri li Ġesù kien il-Messija tant mistenni u li l-Liġi Mosajka u l-Profeti kienu jirreferu bil-quddiem għal Kristu.
Jiddefendi l-Valur tal-Fidwa
Kien hemm komunità Lhudija kbira fil-bliet importanti taʼ l-Asja Minuri. Il-Lhud f’Sardi, fejn kien jgħix Melito, osservaw il-Qbiż Lhudi fl-14 taʼ Nisan. Melito kiteb priedka intitolata The Passover (Il-Qbiż) li wriet kemm hu korrett il-Qbiż skond il-Liġi u ddefendiet l-osservanza Kristjana taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fl-14 taʼ Nisan.
Wara li kkummenta fuq Eżodu kapitlu 12 u wera li l-Qbiż issimbolizza bil-quddiem is-sagrifiċċju taʼ Kristu, Melito spjega għala ma kienx jagħmel sens għall-Kristjani li josservaw il-Qbiż. Dan kien minħabba li Alla ġab fix-xejn il-Liġi Mosajka. Imbagħad hu wera għala s-sagrifiċċju taʼ Kristu kien neċessarju: Alla qiegħed lil Adam fil-ġenna taʼ l-art sabiex ikun jistaʼ jgħix ħajja hienja. Imma l-ewwel bniedem kien diżubbidjenti lejn il-kmand biex ma jikolx mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Għalhekk qamet il-ħtieġa għal fidwa.
Melito kompla jispjega li Ġesù ntbagħat fuq l-art u miet fuq zokk biex iħallas il-prezz tal-fidwa u jeħles mid-dnub u l-mewt lill-bnedmin li jemmnu. Huwa interessanti li Melito uża l-kelma Griega ksilon, li tfisser “injama,” meta kiteb dwar iz-zokk li miet fuqu Ġesù.—Atti 5:30; 10:39; 13:29.
Melito ma kienx biss magħruf fl-Asja Minuri. Tertuljanu, Klement taʼ Lixandra, u Oriġene kienu familjari mal-kitbiet tiegħu. Madankollu, l-istudjuż taʼ l-istorja Raniero Cantalamessa jgħid: “Melito beda jitlef il-fama, li ftit ftit wasslet biex il-kitbiet tiegħu sparixxew, meta—wara li ġiet stabbilita d-drawwa li l-Qbiż jiġi ċelebrat il-Ħadd—il-Kwartodeċimani bdew jiġu kunsidrati bħala li huma eretiċi.” Fl-aħħar mill-aħħar, il-kitbiet taʼ Melito kważi ntilfu għalkollox.
Kien Hu Vittma taʼ l-Apostasija?
Wara l-mewt taʼ l-appostli, l-apostasija mbassra daħlet fil-Kristjanità vera. (Atti 20:29, 30) Jidher ċar li din effettwat lil Melito. L-istil elaborat tal-kitbiet tiegħu jidher li jirrifletti l-kitbiet tal-filosofija Griega u tad-dinja Rumana. Forsi kien għalhekk li Melito sejjaħ lill-Kristjanità “l-filosofija tagħna.” Hu kkunsidra wkoll l-integrazzjoni taʼ l-hekk imsejħa Kristjanità maʼ l-Imperu Ruman bħala “l-akbar evidenza . . . tat-tajjeb.”
Melito żgur li ma tax kas il-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.” Għalhekk, waqt li sa ċertu punt Melito ddefenda l-veritajiet tal-Bibbja, hu abbandunahom f’ħafna affarijiet.—Kolossin 2:8.
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù stabbilixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fl-14 taʼ Nisan