“Agħżel il-Ħajja biex Tgħix”
“Il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix.” —DEWTERONOMJU 30:19.
1, 2. Il-bniedem b’liema mod kien maħluq fuq ix-xbieha t’Alla?
“ĦA NAGĦMLU l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” Din l-istqarrija divina hija mniżżla fl-ewwel kapitlu tal-Bibbja. Għalhekk, “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu,” jgħid Ġenesi 1:26, 27. B’hekk, l-ewwel bniedem kien differenti mill-ħlejjaq kollha l-oħra fuq l-art. Hu kien jixbah lill-Ħallieq tiegħu, kien kapaċi jimita l-mod kif Alla kien jirraġuna, billi juri l-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Kellu l-fakultà tal-kuxjenza biex tgħinu jieħu deċiżjonijiet li kienu se jkunu taʼ benefiċċju għalih u jogħġbu lil Missieru tas-sema. (Rumani 2:15) Fil-qosor, Adam kellu l-libertà taʼ l-għażla. Hekk kif osserva l-mod kif ibnu fuq l-art ġie disinjat, Ġeħova qal dan dwar xogħol idejh: “Ara, kollox [hu] tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31; Salm 95:6.
2 Bħala d-dixxendenti taʼ Adam, aħna wkoll maħluqin fuq is-sura u x-xbieha t’Alla. Madankollu, għandna verament għażla f’dak li nagħmlu? Għalkemm Ġeħova għandu l-abbiltà biex minn qabel ikun jaf x’se jiġri, hu ma jiddeterminax minn qabel l-azzjonijiet u d-destin tagħna individwalment. Hu qatt ma jħalli lil uliedu fuq l-art jiġu maħkumin mill-predestinazzjoni. Sabiex jgħinna nifhmu l-importanza taʼ li neżerċitaw il-libertà taʼ l-għażla tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, ejja l-ewwelnett nitgħallmu lezzjoni mill-ġens taʼ Iżrael.—Rumani 15:4.
Il-Libertà taʼ l-Għażla f’Iżrael
3. Liema kien l-ewwel mill-Għaxar Kmandamenti, u l-Iżraelin leali kif għażlu li jobduh?
3 “Jiena l-Mulej li ħriġtek mill-art taʼ l-Eġittu, minn dar il-jasar,” qal Ġeħova lill-Iżraelin. (Dewteronomju 5:6) Fl-1513 Q.E.K., il-ġens taʼ Iżrael esperjenza ħelsien mirakoluż mill-jasar Eġizzjan, u għalhekk ma kellux għalfejn jiddubita dan il-kliem. Fl-ewwel mill-Għaxar Kmandamenti, Ġeħova permezz tal-kelliemi tiegħu Mosè ddikjara: “Ma jkollokx allat oħra għajri.” (Eżodu 20:1, 3) F’din l-okkażjoni, il-ġens taʼ Iżrael għażel li jobdi. Minn jeddu ta lil Ġeħova d-devozzjoni esklużiva tiegħu.—Eżodu 20:5; Numri 25:11.
4. (a) Mosè liema għażla poġġa quddiem Iżrael? (b) Liema għażla għandna llum?
4 Xi 40 sena wara, Mosè b’konvinzjoni fakkar ġenerazzjoni oħra taʼ Iżraelin dwar l-għażla li kellhom quddiemhom. “Nsejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom,” hu ddikjara, “il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek.” (Dewteronomju 30:19) B’mod simili llum, aħna wkoll nistgħu nagħżlu. Iva, nistgħu nagħżlu li naqdu lil Ġeħova lealment b’ħajja taʼ dejjem quddiemna, jew nistgħu nagħżlu li ma nobduhx u nsofru l-konsegwenzi. Ikkunsidra żewġ eżempji taʼ wħud li għamlu għażliet differenti ħafna.
5, 6. Liema għażla għamel Ġożwè, u x’kien ir-riżultat?
5 Fl-1473 Q.E.K., Ġożwè mexxa lill-Iżraelin fl-Art Imwiegħda. Fi twissija qawwija li ta qabel mewtu, Ġożwè bil-ħrara qal lill-ġens kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, [agħżlu] illum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat taʼ l-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru.” Imbagħad, billi rrefera għal familtu, hu kompla: “Imma jien u dari naqdu l-Mulej.”—Ġożwè 24:15.
6 Iktar kmieni, Ġeħova kien ħeġġeġ lil Ġożwè biex ikun qalbieni u sod, u tah l-istruzzjoni biex ma jiżvijax milli jobdi l-Liġi t’Alla. Minflok, billi qara l-ktieb tal-Liġi taħt l-ilsien lejl u nhar, Ġożwè kien se jirnexxilu jkollu suċċess. (Ġożwè 1:7, 8) U hekk ġara. L-għażliet taʼ Ġożwè wasslu għal barkiet. “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-Mulej lid-dar taʼ Iżrael,” Ġożwè ddikjara. “Kollox seħħ!”—Ġożwè 21:45.
7. Fi żmien Isaija, liema għażla għamlu xi Iżraelin, u b’liema konsegwenzi?
7 B’kuntrast, ikkunsidra s-sitwazzjoni f’Iżrael xi 700 sena wara. Sa dan iż-żmien, ħafna mill-Iżraelin kienu qed isegwu drawwiet pagani. Per eżempju, fl-aħħar jum tas-sena, in-nies kienu jinġabru madwar mejda li kienet mifruxa b’varjetà taʼ ikel bnin u nbid ħelu. Din ma kinitx xi laqgħa soċjali tal-familja. Kienet ċerimonja reliġjuża li fiha kienu jiġu onorati żewġ allat pagani. Il-profeta Isaija niżżel bil-miktub il-ħarsa t’Alla lejn din iż-żlealtà: “Intom li tlaqtu lill-Mulej, li nsejtu l-għolja mqaddsa tiegħi, li lestejtu mejda għal Gad, u mlejtu l-inbid għal Meni.” Huma kienu jemmnu li l-ħsad tas-sena kien jiddependi, mhux milli jkollhom il-barka taʼ Ġeħova, imma milli jferrħu lil “Gad,” l-alla tal-Fortuna u lil “Meni,” l-alla tad-Destin. Però, fir-realtà, ir-ribelljoni tagħhom u l-għażla li għamlu minn jeddhom iddeterminaw it-tmiem tagħhom. Ġeħova ddikjara: “Jien għax-xabla kkundannajtkom, u lkoll kemm intom tmilu għall-qatla. Għax jien sejjaħtilkom, u intom ma weġibtux; tkellimt, u ma smajtux. Għamiltu l-ħażin f’għajnejja, u għażiltu dak li ma jogħġobnix.” (Isaija 65:11, 12) L-għażla bla għaqal tagħhom ġabet qerda fuqhom, u l-allat tad-Destin u tal-Fortuna ma kellhomx qawwa biex jeħilsuhom.
Nagħmlu l-Għażla t-Tajba
8. Skond Dewteronomju 30:20, x’hemm bżonn biex nagħmlu għażla tajba?
8 Meta Mosè ħeġġeġ lill-Iżraelin biex jagħżlu l-ħajja, hu indika tliet passi li għandhom jieħdu: ‘Billi jħobbu lill-Mulej, Alla tagħhom, u jisimgħu l-kelma tiegħu, u jorbtu qalbhom miegħu.’ (Dewteronomju 30:20) Ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn il-passi ħalli nagħmlu għażla tajba.
9. Kif nistgħu nuru l-imħabba tagħna għal Ġeħova?
9 Billi nħobbu lil Alla tagħna Ġeħova: Aħna nagħżlu li naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Jekk nagħtu kas l-eżempji taʼ twissija fi żmien Iżrael, aħna nirreżistu t-tentazzjonijiet kollha biex nikkommettu l-immoralità u aħna nwarrbu mod taʼ ħajja li jistaʼ jġagħalna niġu influwenzati min-nassa tal-materjaliżmu li hemm fid-dinja. (1 Korintin 10:11; 1 Timotju 6:6-10) Aħna naqbdu qabda soda maʼ Ġeħova u nżommu mar-regoli tiegħu. (Ġożwè 23:8; Salm 119:5, 8) Qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè ħeġġiġhom: “Araw, jien għallimtkom liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-Mulej, Alla tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus . . . kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha.” (Dewteronomju 4:5, 6) Issa huwa l-waqt li nuru l-imħabba tagħna lejn Ġeħova billi nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna. Aħna żgur se niġu mberkin jekk nagħżlu li nagħmlu dan.—Mattew 6:33.
10-12. X’lezzjonijiet nitgħallmu meta nikkunsidraw dak li ġara fi żmien Noè?
10 Billi nisimgħu mill-kelma t’Alla: Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Kważi n-nies kollha li kienu fuq l-art qabel id-Dilluvju kienu aljenati u “ma tawx kas” it-twissijiet taʼ Noè. X’kienu l-konsegwenzi? “Ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.” Ġesù wissa li żmienna, matul “il-preżenza taʼ Bin il-bniedem,” kien se jkun simili. Dak li ġara fi żmien Noè jservi bħala twissija qawwija għan-nies illum li jagħżlu li ma jagħtux kas il-messaġġ t’Alla.—Mattew 24:39.
11 Dawk li jirridikolaw it-twissijiet divini li jagħmlu l-qaddejja moderni t’Alla għandhom jirrealizzaw dak li se jiġri jekk ma jagħtux kas it-twissijiet. Dwar dawn ir-ridikolaturi, l-appostlu Pietru stqarr: “Skond ix-xewqa tagħhom, huma jagħlqu għajnejhom għal dan il-fatt, li kien hemm smewwiet mill-qedem u art solida żżomm f’wiċċ l-ilma u f’nofs l-ilma bil-kelma t’Alla; u permezz taʼ dawn, id-dinja taʼ dak iż-żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-ilma. Imma bl-istess kelma, is-smewwiet u l-art t’issa huma merfugħin għan-nar u qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 3:3-7.
12 Qabbel dan maʼ l-għażla li għamel Noè flimkien maʼ familtu. “Bil-fidi Noè, wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-biżaʼ t’Alla u bena arka.” Il-fatt li semaʼ mit-twissija ġab ħelsien għal dawk taʼ daru. (Ebrej 11:7) Jalla nkunu ħfief biex nisimgħu dwar il-messaġġ t’Alla, u mbagħad b’ubbidjenza napplikawh.—Ġakbu 1:19, 22-25.
13, 14. (a) Għala huwa vitali li ‘norbtu qalbna’ maʼ Ġeħova? (b) Kif għandna nħallu lil Ġeħova, “il-fuħħari” tagħna, isawwarna?
13 Billi norbtu qalbna maʼ Ġeħova: Sabiex ‘nagħżlu l-ħajja biex ngħixu,’ mhux biss għandna nobdu lil Ġeħova u nisimgħu minnu, imma għandna wkoll ‘norbtu qalbna’ maʼ Ġeħova, jiġifieri, nibqgħu nagħmlu r-rieda tiegħu. Ġesù qal: “Bis-sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Luqa 21:19) Fil-fatt, l-għażla li nagħmlu f’dan ir-rigward tikxef dak li hemm f’qalbna. Proverbji 28:14 jgħid: “Hieni l-bniedem li dejjem jibżaʼ minn Alla! Imma min iwebbes qalbu jiġi fl-għali.” Il-Fargħun taʼ l-Eġittu tal-qedem kien eżempju taʼ dan. Hekk kif kull wieħed mill-Għaxar Kastigi waqaʼ fuq l-Eġittu, il-Fargħun webbes qalbu minflok ma wera l-biżaʼ t’Alla. Ġeħova ma sforzax lill-Fargħun biex jobdi, imma ħalla lil dak il-ħakkiem kburi jagħżel. Kien x’kien il-każ, ir-rieda taʼ Ġeħova twettqet, kif l-appostlu Pawlu spjega rigward il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-Fargħun: “Għal dan l-istess skop ħallejtek tibqaʼ, biex permezz tiegħek nuri l-qawwa tiegħi u ismi jixxandar fl-art kollha.”—Rumani 9:17.
14 Sekli wara l-ħelsien taʼ Iżrael minn taħt il-ħakma tal-Fargħun, il-profeta Isaija ddikjara: “Mulej, int missierna; aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.” (Isaija 64:7 [64:8, NW]) Hekk kif inħallu lil Ġeħova jsawwarna permezz taʼ l-istudju persunali tagħna u l-applikazzjoni tal-Kelma tiegħu, aħna maż-żmien nilbsu l-personalità l-ġdida. Insiru iktar ġwejdin u flessibbli, u b’hekk ikun eħfef għalina biex nibqgħu lealment qrib taʼ Ġeħova għax sinċerament inkunu rridu nogħġbuh.—Efesin 4:23, 24; Kolossin 3:8-10.
“Għallimhom”
15. Skond Dewteronomju 4:9, Mosè fakkar lil Iżrael dwar liema żewġ responsabbiltajiet?
15 Hekk kif kienu se jidħlu fl-Art Imwiegħda, lill-ġens miġbur taʼ Iżrael Mosè qallu: “Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha taʼ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek.” (Dewteronomju 4:9) Sabiex ikollhom il-barka taʼ Ġeħova u jiffjorixxu fl-art li kienu se jirtu, il-poplu kellu jwettaq żewġ responsabbiltajiet quddiem Ġeħova Alla tagħhom. Ma kellhomx jinsew l-affarijiet meraviljużi li Ġeħova kien wettaq quddiem għajnejhom, u kellhom jgħallmuhom lill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Bħala l-poplu t’Alla llum, aħna għandna nagħmlu l-istess jekk irridu ‘nagħżlu l-ħajja biex ngħixu.’ X’rajna b’għajnejna stess li Ġeħova wettaq għalina?
16, 17. (a) Missjunarji li ġew imħarrġin f’Gilgħad xi rnexxielhom iwettqu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna? (b) Liema eżempji taf int taʼ wħud li ż-żelu tagħhom ma naqasx?
16 Aħna ferħanin immens meta naraw kif Ġeħova bierek ix-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. Minn mindu bdiet l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fl-1943, il-missjunarji kienu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli f’ħafna pajjiżi. Sa llum il-ġurnata, uħud li ggradwaw fil-bidu taʼ din l-iskola għad għandhom żelu għall-ippridkar tas-Saltna avolja li huma mdaħħlin fiż-żmien u wħud minnhom huma limitati minħabba limitazzjonijiet fiżiċi. Eżempju wieħed mill-aqwa hu taʼ Mary Olson, li ggradwat minn Gilgħad fl-1944. Hi qdiet bħala missjunarja l-ewwel fl-Urugwaj, imbagħad fil-Kolombja, u issa f’Puerto Rico. Għalkemm hi daqsxejn limitata minħabba problemi fiżiċi li ġew bl-età avanzata, Oħtna Olson għad għandha l-entużjażmu tagħha għall-ippridkar. Peress li tgħallmet l-Ispanjol, hi twarrab ftit ħin kull ġimgħa biex tieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa maʼ pubblikaturi lokali.
17 Nancy Porter, li issa hija armla, iggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad fl-1947 u għadha taqdi fil-Baħamas. Hija missjunarja oħra li għadha bieżla fix-xogħol taʼ l-ippridkar. “Il-ferħ li nikseb milli ngħallem il-verità tal-Bibbja lil oħrajn ma nistax infissru,” tgħid Oħtna Porter fil-bijografija tagħha.a “Dan iġagħalni nżomm rutina spiritwali tajba li tgħinni nkun organizzata u stabbli.” Meta Oħtna Porter u qaddejja leali oħra jħarsu lura, ma jinsewx dak li Ġeħova għamel għalihom. Xi ngħidu għalina? Inħarsu b’apprezzament lejn il-mod kif Ġeħova bierek ix-xogħol tas-Saltna fl-inħawi tagħna?—Salm 68:12 (68:11, NW).
18. X’nistgħu nitgħallmu hekk kif naqraw il-bijografiji tal-missjunarji?
18 Aħna nifirħu meta naraw x’wettqu u x’għadhom iwettqu dawn l-uħud li ilhom jaqdu lil Ġeħova. Nistgħu nħossuna inkuraġġiti meta naqraw il-bijografiji tagħhom għaliex meta naraw dak li Ġeħova għamel għal dawn l-uħud leali, id-determinazzjoni li naqdu lil Ġeħova tissaħħaħ. Taqra regolarment rakkonti kommoventi bħal dawn li jkunu pubblikati fit-Torri taʼ l-Għassa, u timmedita fuqhom?
19. Il-ġenituri Kristjani kif jistgħu jagħmlu użu tajjeb mill-bijografiji mniżżlin fit-Torri taʼ l-Għassa?
19 Mosè fakkar lill-Iżraelin li ma kellhomx jinsew dak kollu li Ġeħova kien għamel għalihom u li dawk l-affarijiet qatt ma kellhom jitilqu minn qalbhom. Imbagħad żied pass ieħor: “Għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek.” (Dewteronomju 4:9) Stejjer veri għandhom appell speċjali. Żgħażagħ li jkunu qed jikbru għandhom bżonn eżempji tajbin. Aħwa nisa mhux miżżewġin jistgħu jitgħallmu lezzjonijiet mill-eżempju leali t’aħwa nisa iktar imdaħħlin fiż-żmien li l-bijografiji tagħhom ikunu miktubin fit-Torri taʼ l-Għassa. Servizz f’territorju taʼ lingwa barranija f’pajjiżhom stess joffri l-opportunità lill-aħwa rġiel u nisa biex ikunu beżlin fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Ġenituri Kristjani, għala ma tużawx l-esperjenzi taʼ missjunarji leali taʼ Gilgħad, kif ukoll t’oħrajn, biex tipprovdu inċentiv għal uliedkom ħalli jagħżlu ħajja taʼ servizz full-time?
20. X’għandna nagħmlu biex ‘nagħżlu l-ħajja’?
20 Għalhekk, kif jistaʼ kull wieħed u waħda minna ‘jagħżel il-ħajja’? Billi nużaw l-għotja meraviljuża tal-libertà taʼ l-għażla biex nuru lil Ġeħova li aħna nħobbuh u billi nkomplu nagħmlu l-almu tagħna fis-servizz tiegħu sakemm hu jħallina b’dan il-privileġġ. “Għax,” bħalma Mosè ddikjara, Ġeħova hu “ħajtek u t-tul taʼ jiemek.”—Dewteronomju 30:19, 20.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Ferħana u Grata Avolja b’Qalbi Maqsuma,” pubblikat fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 2001, paġni 23-7.
Tistaʼ Tiftakar?
• X’tgħallimt mill-eżempji t’għażliet differenti li kkunsidrajna?
• X’passi għandna nieħdu sabiex ‘nagħżlu l-ħajja’?
• Liema żewġ responsabbiltajiet aħna mħeġġin biex inwettqu?
[Stampa f’paġna 26]
‘Il-ħajja u l-mewt jien qegħedt quddiemek’
[Stampa f’paġna 29]
Minħabba li semgħu mill-kelma t’Alla, Noè u familtu salvaw
[Stampa f’paġna 30]
Mary Olson
[Stampa f’paġna 30]
Nancy Porter