LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 1/15 pp. 21-25
  • Għallem Dak li l-Bibbja Tgħallem Verament

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għallem Dak li l-Bibbja Tgħallem Verament
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Jimpurtah?
  • Għala Ninsabu Hawn?
  • X’Jiġrilna Meta Mmutu?
  • Ktieb Ġdid biex Nużawh
  • Kun Grat għall-​Privileġġi Imprezzabbli Tiegħek
  • Tixtieq tkun taf il-​verità?
    Tixtieq Tkun Taf il-Verità?
  • X’Inhi l-​Verità dwar Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 1/15 pp. 21-25

Għallem Dak li l-​Bibbja Tgħallem Verament

“Agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom.”​—MATTEW 28:​19, 20.

1. X’nistgħu ngħidu dwar id-​disponibbiltà tal-​Bibbja?

IL-​KELMA TAʼ ĠEĦOVA, il-​Bibbja Mqaddsa, hija wieħed mill-​eqdem u l-​iktar kotba mqassmin fid-​dinja. Minn taʼ l-​inqas parti minnha ġiet tradotta b’iktar minn 2,300 lingwa. Iktar minn 90 fil-​mija mill-​abitanti taʼ l-​art għandhom il-​Bibbja disponibbli bi lsien pajjiżhom.

2, 3.(a) Għala hemm taħwid dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Miljuni taʼ nies jaqraw silta mill-​Bibbja kuljum. Xi wħud qrawha mill-​bidu sa l-​aħħar diversi drabi. Eluf taʼ gruppi reliġjużi jsostnu li jibbażaw it-​tagħlim tagħhom fuq il-​Bibbja, imma huma ma jaqblux bejniethom dwar dak li tgħallem. Biex iżżid mat-​taħwid, hemm ukoll nuqqas taʼ qbil kbir bejn membri taʼ l-​istess reliġjon. Xi wħud huma superstizzjużi dwar il-​Bibbja, l-​oriġini tagħha, u l-​valur tagħha. Ħafna jħarsu lejha bħala ktieb qaddis li jintuża biss fiċ-​ċerimonji taż-​żwieġ biex isiru l-​wegħdi u fil-​proċeduri tal-​qorti meta ssir xi ħalfa biex jgħidu l-​verità.

3 Fil-​fatt, il-​Bibbja fiha l-​messaġġ jew il-​kelma qawwija t’Alla għall-​umanità. (Ebrej 4:​12) Għalhekk, aħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova rridu li n-​nies jitgħallmu dwar dak li tgħallem il-​Bibbja. Aħna ferħanin li qed inwettqu l-​inkarigu li Ġesù Kristu ta lis-​segwaċi tiegħu meta qal: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom.” (Mattew 28:​19, 20) Fil-​ministeru pubbliku tagħna aħna nsibu nies taʼ qalb onesta li jkunu inkwetati minħabba t-​taħwid reliġjuż li hu mifrux mad-​dinja kollha. Huma jridu jkunu jafu l-​verità dwar il-​Ħallieq tagħna u jixtiequ jitgħallmu x’tgħid il-​Bibbja dwar it-​tifsir tal-​ħajja. Ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet li jinkwetaw lil ħafna nies. F’kull każ, aħna se ninnotaw x’jgħidu l-​mexxejja reliġjużi b’mod żbaljat, u mbagħad se nirrivedu x’tgħallem il-​Bibbja verament. Il-​mistoqsijiet huma: (1) Alla jimpurtah minna? (2) Għala ninsabu hawn? (3) X’jiġrilna meta mmutu?

Alla Jimpurtah?

4, 5. In-​nies għala jaħsbu li Alla ma jimpurtahx minna?

4 Ejja nibdew bil-​mistoqsija, Alla jimpurtah minna? B’sogħba, ħafna nies jaħsbu li t-​tweġiba hija le. Għala jħossuhom hekk? Raġuni waħda hi li huma jgħixu f’dinja kollha mibegħda, gwerer, u tbatija. Huma jirraġunaw, ‘Kieku Alla tassew jimpurtah, kieku żgur li ma kienx se jippermetti li jseħħu affarijiet traġiċi bħal dawn.’

5 Raġuni oħra għala n-​nies jaħsbu li Alla ma jimpurtahx minnhom hi li l-​mexxejja reliġjużi ġagħluhom iħossuhom b’dan il-​mod. X’jgħidu spiss il-​membri tal-​kleru meta sseħħ xi traġedja? Meta waħda mara tilfet liż-​żewġ uliedha ċkejknin f’aċċident bil-​karozza, il-​qassis tagħha qalilha: “Kienet ir-​rieda t’Alla. Alla kellu bżonn żewġ anġli oħrajn.” Meta l-​membri tal-​kleru jagħmlu kummenti bħal dawn, huma fil-​fatt ikunu qed iwaħħlu f’Alla għall-​affarijiet ħżiena li jseħħu. Madankollu, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Meta jkun qed jiġi mġarrab, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed iġarrabni.’ Għax Alla ma jistax jiġi mġarrab b’affarijiet ħżiena u lanqas ma jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:​13) Alla Ġeħova qatt ma jikkaġuna dak li hu ħażin. Tabilħaqq, “ma jistax ikun li Alla jagħmel id-​deni.”​—Ġob 34:10.

6. Min hemm wara l-​ħażen u t-​tbatija taʼ din id-​dinja?

6 Allura, għala hawn daqshekk ħażen u tbatija? Raġuni waħda hi li l-​bnedmin in ġenerali ċaħdu lil Alla bħala Ħakkiem, għaliex ma jridux jissottomettu ruħhom għal-​liġijiet u l-​prinċipji ġusti tiegħu. Mingħajr ma jafu, il-​bnedmin issottomettew ruħhom lejn Satana, l-​Avversarju t’Alla, minħabba li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:​19) Il-​fatt li nkunu nafu dwar dan jgħinna nifhmu iktar faċilment għala jeżistu sitwazzjonijiet ħżiena. Satana hu mill-​agħar, kollu mibegħda, qerq, u kattiv. Allura għandna nistennew li d-​dinja tirrifletti l-​personalità tal-​ħakkiem tagħha. Mhux taʼ b’xejn li hawn daqshekk ħażen!

7. Liema huma xi raġunijiet għat-​tbatija li nġarrbu?

7 L-​imperfezzjoni umana hija raġuni oħra għat-​tbatija li nġarrbu. Il-​bnedmin midinbin għandhom it-​tendenza li jissieltu biex jiddominaw, u dan spiss iġib il-​gwerer, il-​moħqrija, u t-​tbatija. Koħèlet 8:9 bix-​xieraq jgħid: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” Raġuni oħra għat-​tbatija hija “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:​11) In-​nies spiss jesperjenzaw l-​għawġ minħabba li jkunu fil-​post żbaljat fil-​ħin żbaljat.

8, 9. Kif nafu li Ġeħova tassew jimpurtah minna?

8 Huwa taʼ faraġ li nitgħallmu li Ġeħova ma jikkaġunax it-​tbatija. Imma Alla tassew jimpurtah minn dak li jseħħ f’ħajjitna? It-​tweġiba li tqawwi l-​qalb hija iva! Aħna nafu li Ġeħova jimpurtah minħabba li fil-​Kelma ispirata tiegħu hu jgħidilna għala ppermetta li l-​bnedmin jaqbdu triq ħażina. Ir-​raġunijiet t’Alla jinvolvu żewġ kwistjonijiet: is-​sovranità tiegħu u l-​integrità tal-​bnedmin. Minħabba li hu l-​Ħallieq li jistaʼ kollox, Ġeħova m’huwiex obbligat li jgħidilna għala jippermetti t-​tbatija. Madankollu, hu jgħidilna minħabba li jimpurtah minna.

9 Ikkunsidra iktar evidenza li turi li Alla jimpurtah minna. Hu “sewwed qalbu” meta l-​ħażen infirex fuq l-​art fi żmien Noè. (Ġenesi 6:​5, 6) Illum Alla jħossu b’mod differenti? Le, għaliex hu ma jinbidilx. (Malakija 3:6) Hu jistmerr l-​inġustizzja u jobgħod jara lin-​nies ibatu. Il-​Bibbja tgħallem li Alla dalwaqt se jneħħi l-​ħsara kollha li rriżultat mill-​ħakma umana u mill-​influwenza tax-​Xitan. M’hijiex din prova konvinċenti li Alla jimpurtah minna?

10.Ġeħova kif iħossu dwar it-​tbatija tal-​bnedmin?

10 Il-​mexxejja reliġjużi jirrappreżentaw ħażin lil Alla meta jgħidu li t-​traġedji li nesperjenzaw huma r-​rieda tiegħu. Għall-​kuntrarju, Ġeħova jixxennaq biex itemm it-​tbatija tal-​bnedmin. “Hu jimpurtah minnkom,” jgħid l-​1 Pietru 5:7. Hekk tgħallem il-​Bibbja verament!

Għala Ninsabu Hawn?

11. Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja spiss x’jgħidu dwar il-​ħajja umana fuq l-​art?

11 Issa ejja nikkunsidraw it-​tieni mistoqsija li ħafna jaħsbu dwarha, Għala ninsabu hawn? Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja spiss iwieġbu li l-​bniedem qiegħed fuq l-​art għal ftit żmien biss. Huma jaraw il-​globu tagħna sempliċement bħala post fejn nagħmlu waqfa qasira, jew bħala mezz biex nagħmlu progress, fi triqitna lejn ħajja xi mkien ieħor. Xi membri tal-​kleru jgħallmu b’mod falz li Alla xi darba se jeqred lil din il-​pjaneta. Minħabba tagħlim bħal dan, ħafna nies ikkonkludew li jkun aħjar għalihom jekk jieħdu l-​aħjar mill-​ħajja issa waqt li jistgħu għaliex kulma għandhom quddiemhom hija l-​mewt. Il-​Bibbja x’tgħallem verament dwar għala ninsabu hawn?

12-14. Il-​Bibbja x’tgħallem rigward l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​umanità?

12 Alla għandu skop meraviljuż għall-​art u għall-​umanità. Hu “ma ħalaqhiex [l-art] għall-​baħħ” imma “sawwarha biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Iktar minn hekk, Ġeħova ‘waqqaf l-​art fuq is-​sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.’ (Salm 104:5) Meta nitgħallmu dawn l-​affarijiet dwar l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​umanità, aħna nistgħu niġu megħjunin nifhmu għala ninsabu hawn.

13 Ġenesi kapitli 1 u 2 juru li Ġeħova qagħad attent ħafna biex iħejji l-​art ħalli tiġi abitata mill-​bnedmin. Fi tmiem il-​perijodu tal-​ħolqien li involva l-​globu tagħna, kollox kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:​31) Alla poġġa lill-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva, fil-​ġnien mill-​isbaħ taʼ l-​Għeden u tahom abbundanza taʼ ikel tajjeb. Lill-​ewwel koppja umana ntqalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha.” Huma kellhom inisslu tfal perfetti, ikabbru l-​konfini tal-​ġnien li kien id-​dar tagħhom biex ikopri d-​dinja kollha, u jaħkmu fuq l-​annimali bl-​imħabba.​—Ġenesi 1:​26-​28.

14 L-​iskop taʼ Ġeħova huwa li jkollu familja umana perfetta tgħix fuq l-​art għal dejjem. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Iva, l-​umanità kellha tgawdi l-​ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-​art. Dan hu l-​iskop t’Alla, u hekk tgħallem il-​Bibbja verament!

X’Jiġrilna Meta Mmutu?

15. Ħafna mir-​reliġjonijiet tad-​dinja x’jgħallmu dwar dak li jiġrilna meta mmutu?

15 Issa ejja niddiskutu t-​tielet mistoqsija li tinkwieta lil ħafna wħud: X’jiġrilna meta mmutu? Ħafna mir-​reliġjonijiet tad-​dinja jgħallmu li xi ħaġa fil-​persuna tibqaʼ ħajja wara li jmut il-​ġisem. Xi gruppi reliġjużi għadhom jemmnu li Alla jikkastiga lill-​ħżiena billi jibgħathom f’infern tan-​nar għal tbatija eterna. Imma hija din il-​verità? Il-​Bibbja x’tgħallem verament dwar il-​mewt?

16, 17. Skond il-​Bibbja, x’inhi l-​kundizzjoni tal-​mejtin?

16 Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-​mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom.” Ladarba l-​mejtin “ma jafu xejn,” huma ma jistgħux jisimgħu, jaraw, jitkellmu, iħossu, jew jaħsbu. Lanqas m’għadhom jaqilgħu xi ħlas. Kif jistgħu? Huma lanqas biss jistgħu jaħdmu! Iktar minn hekk, “l-​imħabba tagħhom, il-​mibegħda u l-​għira li kellhom, issa ntemmu,” għaliex ma jistgħu jesprimu ebda emozzjoni.​—Koħèlet 9:​5, 6, 10.

17 Dak li tgħid il-​Bibbja dwar dan is-​suġġett huwa ċar u tond​—il-​mejtin ma jibqgħux jgħixu xi mkien ieħor. M’hemm xejn li joħroġ minn ġisimna fil-​mewt u li jibqaʼ jgħix sabiex jerġaʼ jitwieled f’xi ġisem ieħor, bħalma jgħidu dawk li jemmnu fir-​riinkarnazzjoni. Nistgħu nagħtu eżempju taʼ dan b’dan il-​mod: Il-​ħajja li ngawdu hija bħal fjamma taʼ xemgħa. Meta l-​fjamma tintefa, din ma tmur imkien. Sempliċement ma tibqax teżisti.

18. Meta student tal-​Bibbja jitgħallem li l-​mejtin m’huma konxji taʼ xejn, għal liema konklużjonijiet jistaʼ jasal?

18 Aħseb dwar xi tfisser din il-​verità sempliċi imma qawwija. Meta student tal-​Bibbja jitgħallem li l-​mejtin m’huma konxji taʼ xejn, hu għandu jikkonkludi faċilment li minkejja kemm kienu rrabjati l-​antenati mejtin tiegħu matul ħajjithom, huma ma jistgħux jagħtuh fastidju. Hu għandu wkoll jifhem malajr il-​punt li l-​maħbubin mejtin tiegħu la għadhom jisimgħu, jaraw, jitkellmu, iħossu, u lanqas jaħsbu. Għalhekk, ma jistax ikun li qed iġarrbu solitudni insopportabbli fil-​purgatorju jew li qed ibatu f’xi post taʼ turment fin-​nar. Madankollu, il-​Bibbja tgħallem li l-​mejtin li jinsabu fil-​memorja t’Alla se jiġu rxoxtati. X’tama meraviljuża!​—Ġwanni 5:​28, 29.

Ktieb Ġdid biex Nużawh

19, 20. Bħala Kristjani, liema responsabbiltà għandna, u liema għodda għall-​istudji tal-​Bibbja hija mfassla speċjalment biex nużawha fil-​ministeru tagħna?

19 Aħna kkunsidrajna biss tliet mistoqsijiet li ħafna nies jaħsbu dwarhom. F’kull waħda rajna li dak li tgħallem il-​Bibbja huwa ċar u dirett. Kemm nifirħu meta naqsmu veritajiet bħal dawn maʼ dawk li jridu jkunu jafu x’tgħallem il-​Bibbja! Imma hemm ħafna mistoqsijiet importanti oħrajn li wħud taʼ qalb onesta għandhom bżonn tweġibiet sodisfaċenti għalihom. Bħala Kristjani, aħna għandna r-​responsabbiltà li ngħinuhom isibu t-​tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn.

20 Huwa taʼ sfida li tgħallem il-​verità Skritturali b’mod li hu ċar u li jilħaq lill-​qalb. Biex jgħinna niffaċċjaw din l-​isfida, “l-​ilsir leali u għaqli” ħejja ktieb li hu mfassal speċjalment biex nużawh fil-​ministeru Kristjan tagħna. (Mattew 24:​45-​47) Dan il-​ktieb li fih 224 paġna jismu Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

21, 22. Liema huma xi aspetti taʼ min jinnotahom fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

21 Dan il-​ktieb, li ħareġ fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova “Ubbidjenza Lejn Alla” fl-​2005/06, fih diversi aspetti taʼ min jinnotahom. Per eżempju, dan fih daħla taʼ ħames paġni li hija tassew utli biex jinbdew studji tal-​Bibbja fid-​djar. X’aktarx li se ssibha faċli li tiddiskuti l-​istampi u l-​iskritturi li jinsabu fid-​daħla. Tistaʼ wkoll tuża l-​materjal f’din is-​sezzjoni biex turi lill-​istudenti kif jistgħu jsibu l-​kapitli u l-​versi Bibliċi.

22 Il-​ktieb hu miktub b’mod sempliċi u ċar. Sar sforz biex tintlaħaq il-​qalb taʼ l-​istudent billi jiġi involut kulmeta jkun possibbli. Kull kapitlu fih diversi mistoqsijiet bħala introduzzjoni u kaxxa fl-​aħħar bit-​titlu “Dak li Tgħallem il-​Bibbja.” Il-​kaxxa fiha t-​tweġibiet Skritturali għall-​mistoqsijiet taʼ l-​introduzzjoni. L-​istampi mill-​isbaħ u l-​kitba li jkun hemm magħhom kif ukoll it-​tixbihat imniżżlin f’din il-​pubblikazzjoni se jgħinu lill-​istudent biex jifhem ideat ġodda. Għalkemm il-​kitba prinċipali tal-​ktieb inżammet kemm jistaʼ jkun sempliċi, hemm appendiċi li se jippermettilek tikkunsidra 14-il suġġett importanti iktar fil-​fond jekk l-​istudent jeħtieġ iktar informazzjoni.

23. Liema suġġerimenti huma offruti rigward l-​użu tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? fuq l-​istudji tal-​Bibbja?

23 Il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? huwa disinjat biex jgħinna ngħallmu lin-​nies li għandhom livelli differenti t’edukazzjoni u li ġejjin minn diversi sfondi reliġjużi. Jekk student m’għandux għarfien tal-​Bibbja, jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ iktar minn sessjoni waħda taʼ studju biex jiġi studjat kapitlu wieħed. Tgħaġġilx biex tkopri l-​materjal, imma stinka biex tilħaq il-​qalb taʼ l-​istudent. Jekk ma jifhimx xi tixbiha li tintuża fil-​ktieb, spjegaha jew uża xi tixbiha oħra. Ipprepara sew, agħmel l-​almu tiegħek biex tuża l-​ktieb b’mod effettiv, u itlob għall-​għajnuna t’Alla sabiex “timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.”​—2 Timotju 2:​15.

Kun Grat għall-​Privileġġi Imprezzabbli Tiegħek

24, 25. Ġeħova ta liema privileġġi imprezzabbli lill-​poplu tiegħu?

24 Ġeħova ta privileġġi imprezzabbli lill-​poplu tiegħu. Hu tana l-​opportunità li nitgħallmu l-​verità dwaru. Qatt m’għandna nuru nuqqas taʼ gratitudni għal dan il-​privileġġ! Wara kollox, Alla ħeba l-​iskopijiet tiegħu mill-​kburin u kixifhom lill-​umli. Dwar dan, Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-​sema u l-​art, għax int ħbejt dawn l-​affarijiet mill-​għorrief u l-​intellettwali u kxifthom liċ-​ċkejknin.” (Mattew 11:25) Huwa unur rari li tkun magħdud fost l-​umli li jaqdu lis-​Sovran Universali, Ġeħova.

25 Alla tana wkoll il-​privileġġ li ngħallmu lil oħrajn dwaru. Ftakar li hu ġie rappreżentat ħażin minn dawk li għallmu l-​gideb dwaru. Għalhekk, ħafna nies għandhom impressjoni ħażina għall-​aħħar dwar Ġeħova, għaliex jaħsbu li hu bla qalb u ma jimpurtahx. Tinsab lest int, iva, saħansitra ħerqan li tgħin biex tikkoreġi din il-​fehma ħażina? Trid int li n-​nies taʼ qalb onesta kullimkien isiru jafu l-​verità dwar Alla? Mela agħmel kulma tistaʼ biex turi li int ubbidjenti lejn Alla billi tippriedka biż-​żelu u billi tgħallem lil oħrajn dak li tgħid l-​Iskrittura dwar suġġetti vitali. Dawk li jfittxu l-​verità għandhom bżonn jitgħallmu dak li l-​Bibbja tgħallem verament.

Int Kif Twieġeb?

• Kif nafu li Alla jimpurtah minna?

• Għala ninsabu hawn fuq l-​art?

• X’jiġrilna meta mmutu?

• Liema aspetti tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? issib li huma utli b’mod speċjali?

[Stampi f’paġna 22]

Il-​Bibbja tgħallem li t-​tbatija se tintemm

[Sorsi]

Fuq lemin, tifla: © Bruno Morandi/age fotostock; xellug, mara: AP Photo/Gemunu Amarasinghe; isfel lemin, refuġjati: © Sven Torfinn/Panos Pictures

[Stampa f’paġna 23]

Il-​ġusti se jgħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-​art

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja