LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 1/15 pp. 26-30
  • Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Int Tistaʼ Tibda Studju tal-​Bibbja
  • Metodi taʼ Tagħlim li Huma l-​Iktar Effettivi
  • Għin lill-​Istudenti tal-​Bibbja Jsiru Għalliema
  • ‘Salva Kemm Lilek Innifsek u Kemm lil Dawk li Jisimgħuk’
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-Ktieb Għarfien
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—It-Tieni Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 1/15 pp. 26-30

Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-​Bibbja

“Rigward dawk li waqgħu f’ħamrija tajba, dawn huma dawk li, wara li jisimgħu l-​kelma b’qalb nobbli u tajba, iżommuha u jagħtu l-​frott bis-​sabar.”​—LUQA 8:​15.

1, 2. (a) Għal liema skop ġie mfassal il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? (b) F’dawn l-​aħħar snin, Ġeħova kif bierek l-​isforzi tan-​nies tiegħu biex jagħmlu dixxipli?

“IL-​KTIEB huwa sempliċement mill-​aqwa. L-​istudenti tiegħi tassew jogħġobhom. Jien jogħġobni ħafna wkoll. Dan il-​ktieb jagħmilhielek possibbli li tibda studji tal-​Bibbja man-​nies fuq l-​għatba tal-​bieb tagħhom.” Hekk qalet pijuniera fil-​ministeru full-time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova dwar il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? a Meta kien qed jirreferi għall-​istess pubblikazzjoni, proklamatur tas-​Saltna full-time mdaħħal fiż-​żmien qal: “Kelli l-​privileġġ ngħin lil ħafna nies isiru jafu lil Ġeħova fil-​50 sena li ili attiv fil-​ministeru. Imma jkolli ngħid li din il-​pubblikazzjoni tassew tispikka. It-​tixbihat u l-​istampi mentali li jġagħluk taħseb huma tassew pjaċevoli.” Tħossok hekk int dwar il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Din l-​għodda biex jinbdew studji tal-​Bibbja ġiet imħejjija sabiex tgħinek twettaq il-​kmand taʼ Ġesù: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”​—Mattew 28:​19, 20.

2 Żgur li qalb Ġeħova tifraħ hekk kif jara madwar 6,600,000 ruħ li huma Xhieda tiegħu minn jeddhom jobdu d-​direzzjoni taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli. (Proverbji 27:11) Jidher ċar li Ġeħova qed ibierek l-​isforzi tagħhom. Per eżempju, matul l-​2005 l-​aħbar tajba ġiet pridkata f’235 pajjiż u, bħala medja, ġew kondotti iktar minn 6,061,500 studju tal-​Bibbja. Minħabba f’hekk, ħafna nies ‘semgħu l-​kelma t’Alla u, ma laqgħuhiex bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla.’ (1 Tessalonikin 2:​13) Matul is-​sentejn li għaddew, iktar minn nofs miljun dixxiplu ġdid ġabu ħajjithom fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova u ddedikaw ħajjithom lil Alla.

3. Liema mistoqsijiet rigward kif nużaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? se jiġu eżaminati f’dan l-​artiklu?

3 Dan l-​aħħar esperjenzajt int il-​ferħ li jiġi meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ xi ħadd? Madwar id-​dinja, għad hemm individwi li għandhom “qalb nobbli u tajba” li malli jisimgħu l-​kelma t’Alla “jżommuha u jagħtu l-​frott bis-​sabar.” (Luqa 8:​11-​15) Ejja nikkunsidraw kif int tistaʼ tuża l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? fix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli. Id-​diskussjoni tagħna se teżamina tliet mistoqsijiet: (1) Kif tistaʼ tibda studju tal-​Bibbja? (2) Liema metodi taʼ tagħlim huma l-​iktar effettivi? (3) Kif tistaʼ tgħin lil individwu biex isir mhux biss student imma wkoll għalliem tal-​kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja?

Kif Int Tistaʼ Tibda Studju tal-​Bibbja

4. Xi wħud għala għandhom mnejn joqogħdu lura milli jistudjaw il-​Bibbja, u kif tistaʼ tgħinhom ma jaqtgħux qalbhom?

4 Kieku xi ħadd kellu jitolbok taqsam xmara wiesgħa f’qabża waħda, x’aktarx li int tirrifjuta. Imma kieku jkun hemm biżżejjed ġebel fil-​wiċċ biex int taqbeż minn waħda għall-​oħra, x’aktarx li tkun iktar lest li tipprova taqsamha. Bl-​istess mod, persuna li għandha ħafna x’tagħmel għandha mnejn toqgħod lura milli tistudja l-​Bibbja. L-​inkwilin għandu mnejn jaħseb li hemm bżonn wisq ħin u sforz biex jistudjaha. Kif tistaʼ tgħinu ma jaqtax qalbu? Billi tikkonduċi serje taʼ diskussjonijiet qosra u informattivi, int tistaʼ tuża l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? biex twassal lill-​individwu għal studju regulari tal-​Kelma t’Alla. Jekk int tipprepara sew, kull żjara lura fuq l-​individwu se tkun pass ’il quddiem fil-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.

5. Għala għandek bżonn taqra l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem?

5 Madankollu, qabel ma tkun tistaʼ tgħin lil ħaddieħor jibbenefika mill-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem?, l-​ewwel trid issir taf sew x’fih int stess. Qrajtu l-​ktieb mill-​bidu sa l-​aħħar? Koppja waħda ħadu l-​pubblikazzjoni magħhom meta marru fuq btala u bdew jaqrawha waqt li kienu qed jistrieħu ħdejn il-​baħar. Waħda mara lokali li kienet tbigħ xi affarijiet lit-​turisti resqet lejhom u nnotat li t-​titlu kien Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Hi qalet lill-​koppja li ftit sigħat qabel, hi kienet għadha kif talbet eżatt dwar dik l-​istess mistoqsija, u talbet lil Alla biex iwiġibha. Il-​koppja bil-​qalb kollha taw kopja tal-​ktieb lil din il-​mara. Qiegħed int ‘tuża l-​ħin bl-​aħjar mod’ biex taqra din il-​pubblikazzjoni, forsi għat-​tieni darba, waqt li tkun qed tistenna għal xi appuntament jew fil-​brejk tax-​xogħol jew taʼ l-​iskola? (Efesin 5:​15, 16) Jekk tagħmel hekk, se ssir familjari maʼ din l-​għodda għall-​istudji tal-​Bibbja u tistaʼ wkoll toħloq opportunitajiet biex titkellem m’oħrajn dwar dak li fiha.

6, 7. Kif tistaʼ tuża l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? biex tibda studji tal-​Bibbja?

6 Meta toffri l-​ktieb fil-​ministeru pubbliku, uża b’mod effettiv it-​tixbihat, l-​iskritturi, u l-​mistoqsijiet f’paġni 4, 5, u 6. Per eżempju, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi, “Meta tara l-​problemi kollha li qed tiffaċċja l-​umanità llum, liema taħseb li hu sors taʼ gwida li tistaʼ toqgħod fuqu?” Wara li tismaʼ b’attenzjoni t-​tweġiba taʼ l-​individwu, aqra t-​2 Timotju 3:​16, 17, u spjega li l-​Bibbja toffri soluzzjoni vera għall-​problemi taʼ l-​umanità. Imbagħad idderieġi l-​attenzjoni taʼ l-​inkwilin lejn paġni 4 u 5, u staqsi: “Mill-​kundizzjonijiet kollha li qed tara f’dawn il-​paġni, liema waħda tnikktek l-​iktar?” Meta l-​inkwilin jgħid liema waħda, ħallih iżommlok il-​ktieb hekk kif taqralu l-​iskrittura mill-​Bibbja tiegħek li hi marbuta maʼ dak li għażel. Imbagħad, aqra paġna 6, u staqsi lill-​inkwilin, “Mis-​sitt mistoqsijiet imsemmijin hawn isfel f’din il-​paġna, għal liema waħda tixtieq tkun taf it-​tweġiba?” Meta l-​individwu jagħżel waħda, urih il-​kapitlu li jwieġeb din il-​mistoqsija, ħallilu l-​ktieb, u agħmel arranġamenti speċifiċi biex terġaʼ tmur u tiddiskuti din il-​mistoqsija.

7 Il-​preżentazzjoni li għadna kif semmejna tieħu xi ħames minuti biex tagħmilha. Madankollu, f’dawn il-​ftit minuti int se ssir taf x’jikkonċerna lill-​inkwilin, se tkun qrajt u applikajt żewġ skritturi, u ħejjejt bażi għal żjara lura. Il-​konversazzjoni qasira tiegħek maʼ l-​inkwilin x’aktarx li tkun l-​iktar esperjenza inkuraġġanti u taʼ faraġ li kellu reċentement. Minħabba f’hekk, anki individwu li jkollu ħafna x’jagħmel x’aktarx li se jħares ’il quddiem biex iqattaʼ ftit iktar minuti miegħek hekk kif tgħinu jagħmel il-​pass li jmiss fit-​‘triq li tieħu għall-​ħajja.’ (Mattew 7:​14) Maż-​żmien, hekk kif jiżviluppa l-​interess taʼ l-​inkwilin, l-​istudju jistaʼ jibda jsir iktar fit-​tul. Dan jistaʼ jsir billi toffrilu li tpoġġu bil-​qiegħda u tistudjaw għal perijodu speċifiku iktar fit-​tul.

Metodi taʼ Tagħlim li Huma l-​Iktar Effettivi

8, 9. (a) Kif tistaʼ tipprepara lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek biex ikampa maʼ l-​ostakli u l-​provi li x’aktarx se jiffaċċja? (b) Fejn jistaʼ jinstab il-​materjal li jibni fidi qawwija u li jiflaħ għan-​nar?

8 Ladarba individwu jibda jobdi dak li tgħallem il-​Bibbja, hu x’aktarx li se jiffaċċja ostakli li jistgħu jfixklu l-​progress spiritwali tiegħu. L-​appostlu Pawlu qal: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:​12) Pawlu qabbel dawn il-​provi maʼ nar li jeqred materjal tal-​bini li hu inferjuri imma li ma jagħmilx ħsara lil materjal bħad-​deheb, il-​fidda, u l-​ħaġar prezzjuż. (1 Korintin 3:​10-​13; 1 Pietru 1:​6, 7) Biex tgħin lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek jiżviluppa l-​kwalitajiet meħtieġa biex ikun jiflaħ għall-​provi li jistaʼ jiffaċċja, int trid tgħinu billi tibni b’materjal li jiflaħ għan-​nar.

9 Is-​salmista jxebbah “kliem il-​Mulej” maʼ “fidda mgħoddija min-​nar, sebaʼ darbiet imsoffija mit-​trab.” (Salm 12:7 [12:​6, NW]) Tabilħaqq, il-​Bibbja fiha l-​materjal prezzjuż kollu li jistaʼ jintuża biex tinbena fidi qawwija. (Salm 19:​8-​12 [19:​7-​11, NW]; Proverbji 2:​1-6) U l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? jurik kif tkun effettiv meta tuża l-​Iskritturi.

10. Kif tistaʼ tiffoka l-​attenzjoni taʼ l-​istudent fuq il-​Bibbja?

10 Matul l-​istudju, iffoka l-​attenzjoni taʼ l-​istudent fuq l-​iskritturi provduti f’kull kapitlu li tkunu qed tiddiskutu. Uża xi mistoqsijiet biex tgħin lill-​istudent jifhem il-​versi prinċipali mill-​Bibbja u japplikahom personalment. Oqgħod attent li ma tgħidlux int x’għandu jagħmel. Minflok imita l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta raġel li kien midħla tal-​Liġi għamillu xi mistoqsijiet, Ġesù wieġbu: “X’hemm miktub fil-​Liġi? Kif taqraha?” Ir-​raġel wieġbu mill-​Iskrittura, u Ġesù għenu jara kif japplika l-​prinċipju għalih innifsu. Permezz taʼ tixbiha, Ġesù għen lir-​raġel ukoll jara kif it-​tagħlim għandu jeffettwah. (Luqa 10:​25-​37) Il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? fih ħafna tixbihat sempliċi li tistaʼ tużahom biex tgħin lil student japplika l-​pariri Skritturali għalih innifsu.

11. Kemm għandek tkopri materjal f’kull sessjoni taʼ studju?

11 Il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? juża kliem sempliċi u dirett biex jispjega l-​Kelma t’Alla, sewwasew bħalma Ġesù esprima ideat komplikati b’termini sempliċi. (Mattew 7:​28, 29) Segwi l-​eżempju tiegħu. Għaddi l-​informazzjoni b’mod sempliċi, ċar, u preċiż. Tgħaġġilx biex tkopri l-​materjal. Minflok, ħalli ċ-​ċirkustanzi u l-​abbiltà taʼ l-​istudent jiddeterminaw l-​għadd taʼ paragrafi li tiddiskutu matul kull sessjoni taʼ studju. Ġesù kien jaf bil-​limitazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu u m’għabbihomx b’iktar informazzjoni milli kellhom bżonn dakinhar.​—Ġwanni 16:12.

12. Kif għandu jintuża l-​appendiċi?

12 Il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? fih appendiċi dwar 14-il suġġett. Skond il-​bżonnijiet taʼ l-​istudent, int bħala l-​għalliem tiegħu għandek tkun tistaʼ tiddetermina kif tistaʼ tuża dan il-​materjal bl-​aħjar mod. Per eżempju, jekk student iħoss li xi suġġett huwa diffiċli biex jifhmu jew għandu xi mistoqsijiet dwar suġġetti speċifiċi minħabba t-​twemmin li kellu qabel, jistaʼ jkun biżżejjed li tidderieġi l-​attenzjoni tiegħu lejn is-​sezzjoni adattata taʼ l-​appendiċi u tħallih jikkunsidra s-​suġġett waħdu. Mill-​banda l-​oħra, il-​bżonnijiet taʼ l-​istudent jistgħu jirrikjedu li tgħaddi l-​materjal miegħu. L-​appendiċi fih is-​suġġetti Skritturali neċessarji, bħal “‘Ruħ’ u ‘Spirtu’​—Xi Jfissru Tassew Dawn it-​Termini?” u “Nidentifikaw lil ‘Babilonja l-​Kbira.’” Għandek mnejn tkun trid tiddiskuti dawn is-​suġġetti maʼ l-​istudent tiegħek. Ladarba ebda mistoqsija m’hi provduta għas-​suġġetti li jiġu diskussi fl-​appendiċi, ikollok bżonn tkun familjari maʼ l-​informazzjoni sabiex tifformula mistoqsijiet sinifikanti.

13. It-​talb kif isaħħaħ il-​fidi?

13 “Jekk il-​Mulej ma jibnix id-​dar, għalxejn jitħabtu l-​bennejja,” jgħid Salm 127:1. Għalhekk, hekk kif tipprepara biex tikkonduċi studju tal-​Bibbja, itlob għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Ħalli t-​talb li tgħid fil-​bidu u fl-​aħħar taʼ kull studju jirrifletti r-​relazzjoni kollha mħabba li għandek maʼ Ġeħova. Ħeġġeġ lill-​istudent jitlob lil Ġeħova għall-​għerf biex jifhem il-​Kelma Tiegħu u għas-​saħħa biex japplika l-​pariri li hemm fiha. (Ġakbu 1:5) Jekk jagħmel hekk, l-​istudent jiġi msaħħaħ biex jissaporti l-​provi u jkompli jitqawwa fil-​fidi.

Għin lill-​Istudenti tal-​Bibbja Jsiru Għalliema

14. Liema progress għandhom bżonn jagħmlu l-​istudenti tal-​Bibbja?

14 Jekk l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna se jobdu “dak kollu” li Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu, huma għandhom bżonn jagħmlu progress biex minn studenti tal-​Kelma t’Alla jsiru għalliema tagħha. (Mattew 28:​19, 20; Atti 1:​6-8) X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil student jagħmel dan it-​tip taʼ progress spiritwali?

15. Għala għandek tinkuraġġixxi lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek biex jattendi l-​laqgħat Kristjani?

15 Mill-​ewwel studju, stieden lill-​istudent biex jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni miegħek. Spjegalu li l-​laqgħat huma l-​post fejn int tirċievi t-​taħriġ tiegħek bħala għalliem tal-​Kelma t’Alla. Għal xi ftit ġimgħat, ħu ftit minuti fl-​aħħar taʼ kull studju tal-​Bibbja biex tispjegalu l-​programm taʼ istruzzjoni spiritwali li tirċievi fid-​diversi laqgħat u assembleat. Tkellem b’entużjażmu dwar il-​benefiċċji li tikseb f’dawn l-​okkażjonijiet. (Ebrej 10:​24, 25) Ladarba l-​istudent jibda jattendi l-​laqgħat regolarment, hu x’aktarx li jsir għalliem tal-​Kelma t’Alla.

16, 17. Liema huma xi miri li student tal-​Bibbja jistaʼ jagħmel u jilħaqhom?

16 Għin lill-​istudent tal-​Bibbja biex jistabbilixxi miri li jistaʼ jilħaqhom. Per eżempju, ħeġġu biex jaqsam dak li qed jitgħallem maʼ xi ħabib jew maʼ xi ħadd mill-​qraba. Ukoll, issuġġerilu jagħmel il-​mira li jaqra l-​Bibbja kollha. Jekk tgħinu jistabbilixxi u jżomm rutina taʼ qari tal-​Bibbja regulari, din id-​drawwa se tibqaʼ tkun taʼ benefiċċju għalih ħafna wara li jitgħammed. Barra minn hekk, għala ma tissuġġerix li l-​istudent jagħmilha mira li jiftakar minn taʼ l-​inqas vers wieħed mill-​Bibbja li jwieġeb mistoqsija prinċipali minn kull kapitlu tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Jekk tagħmel hekk, hu jsir ‘ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi jimmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.’​—2 Timotju 2:​15.

17 Minflok ma tgħallem lil student sempliċement biex jirripeti l-​iskritturi jew jagħraf jgħidhom fi kliemu, inkuraġġih jispjega kif ċerti versi tal-​Bibbja japplikaw għal xi suġġett li jkun qed jiġi diskuss hekk kif jipprovdi tweġiba lil dawk li jitolbuh raġuni għall-​fidi tiegħu. Sessjonijiet qosra li fihom tagħmlu dan fil-​prattika jistgħu jkunu t’għajnuna, forsi billi int tilgħab il-​parti tal-​qarib jew is-​sieħeb tax-​xogħol li jistaqsih biex jispjegalu t-​twemmin tiegħu. Hekk kif l-​istudent iwieġeb, urih kif iwieġeb “bil-​ħlewwa u b’rispett profond.”​—1 Pietru 3:​15.

18. Meta student tal-​Bibbja jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed, liema għajnuna tistaʼ tkompli tagħtih?

18 Maż-​żmien, l-​istudent jistaʼ jikkwalifika biex jieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Enfasizza l-​fatt li hu privileġġ li nistgħu nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol. (2 Korintin 4:​1, 7) Ladarba l-​anzjani jkunu ddeterminaw li l-​istudent jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed, għinu jipprepara preżentazzjoni sempliċi u mbagħad oħroġ miegħu fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Kompli aħdem miegħu regolarment f’diversi aspetti tal-​ministeru pubbliku, u għallmu kif jipprepara għaż-​żjajjar lura u kif jagħmilhom b’mod effettiv. L-​eżempju tajjeb tiegħek stess se jħalli effett pożittiv.​—Luqa 6:​40.

‘Salva Kemm Lilek Innifsek u Kemm lil Dawk li Jisimgħuk’

19, 20. Liema mira għandu jkollna, u għala?

19 Mingħajr ebda dubju, hemm bżonn taʼ ħafna xogħol biex individwu jiġi megħjun ‘jasal għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.’ (1 Timotju 2:4) Madankollu, ftit hemm ferħ fil-​ħajja li jistaʼ jitqabbel mal-​pjaċir li tħoss meta tgħin lil xi ħadd jobdi dak li tgħallem il-​Bibbja. (1 Tessalonikin 2:​19, 20) Tabilħaqq, xi privileġġ għandna li nkunu “ħaddiema sħab m’Alla” f’dan ix-​xogħol taʼ tagħlim li qed isir madwar id-​dinja!​—1 Korintin 3:9.

20 Permezz taʼ Ġesù Kristu u t’anġli qawwija, Ġeħova dalwaqt se jitlob kont minn dawk li “ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:​6-8) Il-​ħajjiet jinsabu fil-​periklu. Tistaʼ int tagħmilha l-​mira tiegħek li tikkonduċi minn taʼ l-​inqas studju tal-​Bibbja wieħed fid-​dar bil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Hekk kif tieħu sehem f’dan ix-​xogħol, int għandek l-​opportunità biex “issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:​16) Issa, iktar minn qatt qabel, huwa urġenti li ngħinu lil oħrajn jobdu dak li tgħallem il-​Bibbja.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

X’Tgħallimt?

• Għal liema skop huwa mfassal il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem?

• Kif tistaʼ tibda studji tal-​Bibbja permezz tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem?

• Liema huma l-​iktar metodi taʼ tagħlim effettivi?

• Kif tistaʼ tgħin lil student biex isir għalliem tal-​Kelma t’Alla?

[Stampa f’paġna 26]

Qed tużah sew dan il-​ktieb?

[Stampa f’paġna 27]

Diskussjoni qasira tistaʼ tqanqal l-​interess taʼ individwu fl-​għarfien tal-​Bibbja

[Stampa f’paġna 29]

X’tistaʼ tagħmel biex tidderieġi l-​interess taʼ l-​istudent lejn il-​Bibbja?

[Stampa f’paġna 30]

Għin lill-​istudent tal-​Bibbja biex jagħmel progress

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja