LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/15 pp. 7-11
  • Fittex il-Gwida t’Alla f’Kollox

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fittex il-Gwida t’Alla f’Kollox
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Nafdaw fil-​Gwida taʼ Ġeħova?
  • Meta Jkollna Bżonn Min Jiggwidana?
  • Il-​Perikli Meta Ma Nfittxux il-​Gwida t’Alla
  • X’Għandna Bżonn biex Insegwu l-​Pariri t’Alla?
  • Ġeħova Kif Jiggwidana?
  • Fejn Tistaʼ Ssib Gwida Li Tafdaha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Ibqaʼ Imxi maʼ Dak li Jgħid Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ġeħova jiggwida lin-nies tiegħu fit-triq tal-ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Għala Għandna Nfittxu fil-Bibbja għall-Gwida?
    Stenbaħ!—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/15 pp. 7-11

Fittex il-​Gwida t’Alla f’Kollox

“Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Hu jmexxina għal dejjem!”—SALM 48:15 (48:14, NW).

1, 2. Għala għandna nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova minflok ma nafdaw fl-​għerf tagħna stess, u liema mistoqsijiet iqumu dwar dan?

META nikkunsidraw dak li hu fieragħ jew taʼ ħsara, huwa faċli li nqarrqu bina nfusna. (Prov. 12:11) Jekk verament inkunu rridu nagħmlu xi ħaġa li m’hijiex xierqa għal Kristjan, qalbna spiss tagħtina raġunijiet konvinċenti biex nagħmluha xorta waħda. (Ġer. 17:5, 9) Għal din ir-​raġuni, is-​salmista wera l-​għerf meta talab lil Ġeħova: “Ibgħat id-​dawl tiegħek u s-​sewwa tiegħek: huma jmexxuni.” (Salm 43:3) Hu kien jafda f’Ġeħova, mhux fl-​għerf limitat tiegħu, u ma setaʼ jmur għand ebda sors aqwa minn dan biex jingħata gwida. Bħas-​salmista, aħna nagħmlu tajjeb jekk induru lejn Alla għall-​gwida.

2 Imma għala għandna nafdaw fil-​gwida taʼ Ġeħova iktar minn kwalunkwe gwida oħra? Meta għandna nfittxuha? Liema attitudnijiet għandna nikkultivaw sabiex nibbenefikaw minnha, u Ġeħova kif jiggwidana llum? Dawn il-​mistoqsijiet importanti se jiġu diskussi f’dan l-​artiklu.

Għala Nafdaw fil-​Gwida taʼ Ġeħova?

3-5. Minħabba liema raġunijiet għandna fiduċja sħiħa fil-​gwida taʼ Ġeħova?

3 Ġeħova huwa Missierna tas-​sema. (1 Kor. 8:6) Hu jaf lil kull wieħed minna minn ġewwa sa barra u jistaʼ saħansitra jaqralna qalbna. (1 Sam. 16:7; Prov. 21:2) Is-​Sultan David qal lil Alla: “Int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-​bogħod ħsibijiet[i]. Nkun għadni anqas lissint il-​kelma, meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.” (Salm 139:2, 4) Ladarba Ġeħova jafna daqshekk tajjeb, kif nistgħu niddubitaw li hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina? Jekk niġu għal dan, Ġeħova jaf kollox. Hu jara kollox, jara l-​affarijiet fil-​fond iktar minn kwalunkwe bniedem, u jaf ir-​riżultat taʼ l-​affarijiet minn meta jibdew iseħħu. (Is. 46:9-11; Rum. 11:33) Hu “Alla, li hu biss hu għaref.”—Rum. 16:27.

4 Ukoll, Ġeħova jħobbna u dejjem irid dak li hu l-​aħjar għalina. (Ġw. 3:16; 1 Ġw. 4:8) Bħala Alla taʼ mħabba, hu ġeneruż magħna. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq, għax jinżel mingħand il-​Missier tad-​dwal tas-​sema.” (Ġak. 1:17) Dawk li jħallu lil Alla jmexxihom jibbenefikaw bil-​kbir mill-​ġenerożità tiegħu.

5 Finalment, Ġeħova jistaʼ kollox. Rigward dan, is-​salmista qal: “Int li tgħix għall-​kenn taʼ l-​Għoli, li tgħammar għad-​dell taʼ dak li jistaʼ kollox, għid lill-​Mulej: ‘Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.’” (Salm 91:1, 2) Meta nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed infittxu kenn għand l-​Alla li ma jistax jonqosna. Anki jekk niffaċċjaw l-​oppożizzjoni, Ġeħova jappoġġana. Hu mhux se jiddiżappuntana. (Salm 71:4, 5; Aqra Proverbji 3:19-26.) Iva, Ġeħova jaf x’inhu l-​aħjar għalina, hu jrid l-​aħjar għalina, u għandu l-​qawwa biex jipprovdi dak li hu l-​aħjar għalina. Kemm inkunu boloh jekk ninjoraw il-​gwida tiegħu! Imma, meta għandna bżonn il-​gwida tiegħu?

Meta Jkollna Bżonn Min Jiggwidana?

6, 7. Meta għandna bżonn il-​gwida taʼ Ġeħova?

6 Tabilħaqq, aħna għandna bżonn il-​gwida t’Alla tul ħajjitna kollha, miż-​żgħożija sa meta nixjieħu. Is-​salmista qal: “Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Hu jmexxina għal dejjem!” (Salm 48:15 [48:14, NW]) Bħas-​salmista, Kristjani għaqlin qatt ma jieqfu jfittxu lil Alla għall-​gwida.

7 M’għandniex xi ngħidu, hemm drabi meta nħossu li għandna bżonn l-​għajnuna b’mod urġenti. Kultant insibu ruħna “fil-​hemm,” forsi għax niffaċċjaw xi persekuzzjoni, mard serju, jew nispiċċaw mingħajr xogħol ħabta u sabta. (Salm 69:17, 18 [69:16, 17, NW]) Fi żmien bħal dan, huwa taʼ faraġ li nduru lejn Ġeħova, b’fiduċja li hu se jsaħħaħna biex nissaportu u se jiggwidana biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Aqra Salm 102:18 [102:17, NW].) Madankollu, għandna bżonn l-​għajnuna tiegħu f’okkażjonijiet oħrajn ukoll. Per eżempju, meta noħorġu biex nitkellmu m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna, aħna għandna bżonn il-​gwida taʼ Ġeħova biex nagħtu xiehda effettiva. U kulmeta jkollna bżonn nieħdu xi deċiżjoni—kemm jekk tkun dwar ir-​rikreazzjoni, l-​ilbies u d-​dehra tagħna, is-​sħubija, l-​impjieg, l-​edukazzjoni, jew kwalunkwe ħaġa oħra—aħna naġixxu bil-​għaqal biss jekk insegwu d-​direzzjonijiet li jagħtina Ġeħova. Fil-​fatt, aħna għandna bżonn il-​gwida f’kull aspett tal-​ħajja.

Il-​Perikli Meta Ma Nfittxux il-​Gwida t’Alla

8. Xi ntwera indirettament meta Eva kielet il-​frotta projbita?

8 Però, ftakar li aħna rridu nkunu lesti li nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova. Alla mhux se jisforzana nagħmlu dan jekk ma nkunux irridu aħna. L-​ewwel persuna li għażlet li ma ssegwix il-​gwida taʼ Ġeħova kienet Eva, u l-​eżempju tagħha jurina x’konsegwenzi serji jistaʼ jkollha deċiżjoni ħażina bħal din. Aħseb ukoll dwar dak li wriet indirettament l-​azzjoni tagħha. Eva kielet il-​frotta projbita minħabba li riedet ‘issir bħal alla li jaf it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (Ġen. 3:5) Minħabba li għamlet hekk, hi poġġiet lilha nfisha minflok Alla, u bdiet tiddeċiedi għaliha nfisha x’inhu tajjeb u ħażin minflok ma segwiet id-​direzzjoni taʼ Ġeħova. Għalhekk, hi ċaħdet is-​sovranità taʼ Ġeħova. Hi riedet tkun is-​sid tagħha stess. Żewġha, Adam, segwa l-​istess triq ribelluża.—Rum. 5:12.

9. Jekk niċħdu l-​gwida taʼ Ġeħova, xi nkunu qed nagħmlu fir-​realtà, u dan għala żgur li m’huwiex għaqli?

9 Illum, jekk aħna ma nsegwux il-​gwida taʼ Ġeħova, bl-​istess mod inkunu qed nonqsu milli nirrikonoxxu s-​sovranità tiegħu. Per eżempju, aħseb dwar wieħed li jaqbad il-​vizzju taʼ li jara l-​pornografija. Jekk hu jissieħeb mal-​kongregazzjoni Kristjana, hu jaf x’direzzjoni jagħti Ġeħova f’dan ir-​rigward. Affarijiet li m’humiex nodfa lanqas biss għandhom jissemmew, aħseb u ara kemm dak li jkun għandu joqgħod jitpaxxa bihom għal raġunijiet sesswali. (Efes. 5:3) Meta bniedem bħal dan jiċħad il-​gwida li jagħtih Ġeħova, hu jkun qed jiċħad is-​sovranità taʼ Ġeħova, jiġifieri, it-​tmexxija Tiegħu bħala l-​kap. (1 Kor. 11:3) Dan żgur li m’huwiex għaqli, ladarba bħalma qal Ġeremija, “anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”—Ġer. 10:23.

10. Għala għandna nkunu responsabbli fil-​mod kif nużaw il-​libertà taʼ l-​għażla?

10 Xi wħud għandhom mnejn jiddubitaw il-​kliem taʼ Ġeremija, għaliex iħossu li ladarba Ġeħova tana l-​libertà taʼ l-​għażla, Hu żgur li ma jistax jikkritikana talli nużawha. Xorta waħda, m’għandekx tinsa li l-​libertà taʼ l-​għażla hija għotja li ġġib magħha wkoll ir-​responsabbiltà. Aħna rridu nagħtu kont taʼ dak li nagħżlu li ngħidu jew nagħmlu. (Rum. 14:10) Ġesù qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” Hu qal ukoll: “Mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.” (Mt. 12:34; 15:19) Għalhekk, kliemna u l-​għemejjel tagħna jikxfu l-​kundizzjoni taʼ qalbna. Dawn juru x’aħna verament. Dan hu għala Kristjan għaqli jfittex il-​gwida taʼ Ġeħova f’kollox. B’dan il-​mod, Ġeħova jara li hu ‘qalbu safja’ u se jagħmillu “l-​ġid.”—Salm 125:4.

11. X’nitgħallmu mill-​istorja taʼ Iżrael?

11 Ftakar fl-​istorja tan-​nies taʼ Iżrael. Meta huma għamlu għażliet tajbin, billi obdew il-​kmandi taʼ Ġeħova, Hu pproteġiehom. (Ġoż. 24:15, 21, 31) Però, huma spiss kienu jużaw ħażin ir-​rieda ħielsa tagħhom. Fi żmien Ġeremija, Ġeħova qal dwarhom: “Huma ma semgħux, ma tawx widen; mxew skond il-​fehmiet tagħhom, skond l-​ebusija tal-​qalb ħażina tagħhom; marru lura flok ’il quddiem.” (Ġer. 7:24-26) X’ħasra! Jalla qatt ma jiġrilna l-​istess li, minħabba r-​ras iebsa jew minħabba li naġixxu b’nuqqas taʼ rażan, niċħdu l-​gwida taʼ Ġeħova u nimxu skond dak li tgħidilna qalbna, u b’hekk nibdew immorru “lura flok ’il quddiem”!

X’Għandna Bżonn biex Insegwu l-​Pariri t’Alla?

12, 13. (a) Liema kwalità tqanqalna nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova? (b) Il-​fidi għala hija essenzjali?

12 L-​imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna nkunu rridu nsegwu l-​gwida tiegħu. (1 Ġw. 5:3) Madankollu, Pawlu semma xi ħaġa oħra li għandna bżonn meta qal: “Aħna nimxu bil-​fidi, mhux b’dak li jaraw għajnejna.” (2 Kor. 5:6, 7) Il-​fidi għala hija importanti? Huwa minnu li Ġeħova jmexxina “fit-​triq tas-​sewwa,” imma din it-​triq ma twassalx għall-​għana jew għal xi pożizzjoni għolja f’din id-​dinja. (Salm 23:3) Għal din ir-​raġuni, irridu niffokaw l-​għajnejn tal-​fidi tagħna fuq il-​premjijiet spiritwali imprezzabbli li hemm għal min jaqdi lil Ġeħova. (Aqra t-​2 Korintin 4:17, 18.) U l-​fidi tgħinna nkunu kuntenti bl-​affarijiet bażiċi li għandna bżonn.—1 Tim. 6:8.

13 Ġesù wera li l-​qima vera tinvolvi sagrifiċċji persunali, u dawn ukoll jeħtieġu l-​fidi. (Lq. 9:23, 24) Xi aduraturi leali għamlu sagrifiċċji kbar billi ssaportew il-​faqar, il-​moħqrija, il-​preġudizzju, u saħansitra l-​persekuzzjoni ħarxa. (2 Kor. 11:23-27; Riv. 3:8-10) Kien biss minħabba li kellhom fidi soda li rnexxielhom jagħmlu dan bil-​ferħ. (Ġak. 1:2, 3) Il-​fidi soda tagħmilna konvinti għalkollox li l-​fatt li nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova hu dejjem l-​aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu. Dan hu dejjem għall-​ġid aħħari tagħna. Lanqas għandna l-​iċken dubju li l-​premju għal dawk li jissaportu lealment hu ħafna akbar minn kwalunkwe tbatija temporanja.—Ebr. 11:6.

14. Ħagar għala kellha turi l-​umiltà?

14 Ikkunsidra wkoll l-​irwol taʼ l-​umiltà meta nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova. L-​eżempju taʼ Ħagar, il-​qaddejja taʼ Sara, jurina dan. Meta Sara rrealizzat li ma kienx se jkollha tfal, hi tat lil Ħagar lil Abraham, u din ħarġet tqila minn Abraham. Imbagħad, Ħagar saret arroganti lejn sidtha li kienet ħawlija. Għal din ir-​raġuni, Sara “bdiet tumiljaha” (NW), u Ħagar ħarbet. Anġlu taʼ Ġeħova ltaqaʼ maʼ Ħagar u qalilha: “Erġaʼ lura lejn sidtek, u [“umilja ruħek taħt idejha,” NW].” (Ġen. 16:2, 6, 8, 9) Forsi Ħagar kienet tippreferi li kieku ggwidaha mod ieħor. Imma biex taġixxi skond id-​direzzjoni taʼ l-​anġlu hi kellha tibdel l-​attitudni arroganti tagħha. Minkejja dan, Ħagar b’umiltà għamlet kif qalilha l-​anġlu, u binha, Ismagħel, twieled fis-​sigurtà tal-​kamp taʼ missieru.

15. Iddeskrivi xi sitwazzjonijiet li fihom illum irridu nuru l-​umiltà sabiex insegwu l-​gwida taʼ Ġeħova.

15 Il-​fatt li nsegwu l-​gwida taʼ Ġeħova jistaʼ jfisser li aħna wkoll numiljaw ruħna. Xi wħud għandhom mnejn ikollhom jaċċettaw il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar xi forma taʼ rikreazzjoni li huma jieħdu gost biha imma li Lilu ma togħġbux. Kristjan għandu mnejn ikun offenda lil xi ħadd u jkollu bżonn jitlob skuża. Jew għandu mnejn ikun għamel żball u jkollu jammettih. Xi ngħidu jekk xi ħadd jagħmel dnub serju? Irid jumilja ruħu u jistqarr dnubu lill-​anzjani. Individwu għandu mnejn saħansitra jinqataʼ mis-​sħubija. Jekk irid jiġi aċċettat lura fil-​kongregazzjoni, hu jrid jindem umilment u jibdel triqtu. F’dawn is-​sitwazzjonijiet u f’oħrajn simili, il-​kliem taʼ Proverbji 29:23 hu taʼ faraġ: “Il-​kburija ċċekken il-​bniedem, imma min jiċċekken jikseb il-​ġieħ.”

Ġeħova Kif Jiggwidana?

16, 17. Kif nistgħu nieħdu l-​akbar benefiċċju mill-​Bibbja bħala sors taʼ gwida divina?

16 L-​akbar sors taʼ gwida divina huwa l-​Bibbja, il-​Kelma ispirata t’Alla. (Aqra t-​2 Timotju 3:16, 17.) Biex niksbu l-​akbar benefiċċju minn din il-​Kelma, aħna nkunu għaqlin li ma noqogħdux nistennew sitwazzjoni taʼ sfida qabel ma nfittxu l-​għajnuna mill-​Iskrittura. Minflok, għandna nagħmlu l-​qari tal-​Bibbja drawwa taʼ kuljum. (Salm 1:1-3) B’dan il-​mod, aħna nsiru midħla tal-​kliem ispirat. Il-​ħsibijiet t’Alla jsiru l-​ħsibijiet tagħna, u mbagħad inkunu mħejjijin biex niffaċċjaw anki problemi li ma nkunux qed nistennewhom.

17 Iktar minn hekk, huwa importanti li nimmeditaw fuq dak li naqraw fl-​Iskrittura u nitolbu dwaru. Meta nimmeditaw fuq il-​versi Bibliċi, aħna nikkunsidraw kif dawn jistgħu jiġu applikati f’sitwazzjonijiet partikulari. (1 Tim. 4:15) Meta niffaċċjaw problemi serji, aħna nitolbu lil Ġeħova waqt li nistaqsu għall-​għajnuna tiegħu ħalli nsibu l-​gwida li għandna bżonn. L-​ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinna niftakru prinċipji Skritturali t’għajnuna li nkunu qrajna fil-​Bibbja stess jew fil-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja.—Aqra Salm 25:4, 5.

18. Ġeħova b’liema modi juża l-​fratellanza Kristjana biex jiggwidana?

18 Il-​fratellanza Kristjana tagħna hija sors imprezzabbli ieħor fejn nistgħu nfittxu l-​gwida taʼ Ġeħova. Fil-​qalba taʼ din il-​fratellanza hemm “l-​ilsir leali u għaqli” li huwa rappreżentat mill-​Ġemgħa li Tiggverna, u din tqassam provvista kontinwa taʼ ikel spiritwali billi tippubblika materjal stampat u programmi għal-​laqgħat u l-​assembleat. (Mt. 24:45-47; qabbel Atti 15:6, 22-31.) Ukoll, fost il-​fratellanza Kristjana hemm individwi maturi, speċjalment l-​anzjani, li huma kwalifikati biex jagħtu għajnuna persunali u pariri Skritturali. (Is. 32:1) Iż-​żgħażagħ fil-​familji Kristjani għandhom sors imprezzabbli ieħor. Il-​ġenituri tagħhom li huma taʼ l-​istess twemmin huma awtorità maħtura minn Alla, u ż-​żgħażagħ huma inkuraġġiti biex dejjem iduru lejhom meta jkunu qed ifittxu gwida.—Efes. 6:1-3.

19. Liema barkiet ingawdu minħabba li nfittxu l-​gwida taʼ Ġeħova kontinwament?

19 Iva, Ġeħova joffri gwida b’diversi modi, u aħna nagħmlu tajjeb jekk nieħdu vantaġġ sħiħ minnha. Meta kien qed jitkellem dwar żmien li fih Iżrael kien leali, is-​Sultan David qal: “Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw, u inti ħlisthom. Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; fik ittamaw u ma tfixklux.” (Salm 22:4-6 [22:3-5, NW]) Jekk insegwu l-​gwida taʼ Ġeħova b’fiduċja, aħna wkoll mhux se ‘nitfixklu.’ Mhux se nkunu diżappuntati fit-​tama tagħna. Jekk ‘nerħu fil-​Mulej it-​triq tagħna,’ minflok ma nistrieħu fuq l-​għerf tagħna stess, ir-​riżultati se jkunu barkiet kbar saħansitra minn issa. (Salm 37:5) U jekk nistabru lealment f’din il-​ħajja, dawn il-​barkiet se jkunu eterni. Is-​Sultan David kiteb: “Il-​Mulej iħobb is-​sewwa, u ma jitlaqx it-​twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem . . . Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:28, 29.

Tistaʼ Tispjega?

• Għala nafdaw fil-​gwida taʼ Ġeħova?

• Xi nkunu qed nuru indirettament meta niċħdu l-​gwida taʼ Ġeħova?

• Liema huma xi sitwazzjonijiet li fihom Kristjan jeħtieġ l-​umiltà?

• Ġeħova kif jiggwidana llum?

[Stampi f’paġna 8]

Tfittex int il-​gwida taʼ Ġeħova f’kull aspett taʼ ħajtek?

[Stampa f’paġna 9]

Eva ċaħdet is-​sovranità taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 10]

Liema kwalità kellha bżonn Ħagar biex issegwi d-​direzzjoni taʼ l-​anġlu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja