Żgħażagħ, Ftakru Issa fil-Ħallieq Grandjuż Tagħkom
“Ftakar issa fil-Ħallieq tiegħek f’jiem żgħożitek.” —EKK. 12:1, Karm Żammit.
1. Ġeħova kif juri l-fiduċja fl-aduraturi żgħażagħ tiegħu?
ĠEĦOVA jqis liż-żgħażagħ Kristjani bħala prezzjużi u rifreskanti bħan-nida. Tabilħaqq, hu bassar li fil-jum li Ibnu jmexxi ‘l-eżerċtu tiegħu,’ irġiel u nisa żgħażagħ se ‘joffru lilhom infushom minn rajhom’ fis-servizz taʼ Kristu. (Salm 110:3, KŻ) Din il-profezija kellha titwettaq fi żmien meta n-nies in ġenerali ma jkollhomx il-biżaʼ t’Alla, ikunu ossessjonati bihom infushom u bil-flus, u jkunu diżubbidjenti. Madankollu, Ġeħova kien jaf li ż-żgħażagħ li kienu se jqimuh kienu se jkunu differenti. X’fiduċja għandu Alla fikom aħwa żgħażagħ ġuvintur u tfajliet!
2. X’jinvolvi li tiftakar f’Ġeħova?
2 Immaġina l-ferħ li jħoss Alla meta jara żgħażagħ jiftakru fih bħala l-Ħallieq Grandjuż tagħhom. (Ekk. 12:1, KŻ) Naturalment, li tiftakar f’Ġeħova jinvolvi iktar milli sempliċement taħseb dwaru. Dan ifisser li nieħdu azzjoni—nagħmlu dak li jogħġbu, inħallu l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu jiggwidawna fil-ħajja taʼ kuljum. Dan ifisser ukoll li nafdaw f’Ġeħova, għax nafu li hu konċernat bil-kbir dwar il-benesseri tagħna. (Salm 37:3; Is. 48:17, 18) Hekk tħossok int dwar il-Ħallieq Grandjuż tiegħek?
“Ittama fil-Mulej b’Qalbek Kollha”
3, 4. Ġesù kif wera fiduċja f’Ġeħova, u llum għala huwa importanti li tafda f’Ġeħova?
3 M’għandniex xi ngħidu, eżempju mill-aqwa taʼ wieħed li kien jafda f’Alla kien Ġesù Kristu. Hu għex fi qbil mal-kliem taʼ Proverbji 3:5, 6: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Ftit wara li tgħammed, Ġesù ġie avviċinat minn Satana u dan ipprova jħajru jaċċetta l-glorja u l-poter tad-dinja. (Lq. 4:3-13) Ġesù ma tqarraqx. Hu kien jaf li “min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu” l-veru “għana, ġieħ u ħajja.”—Prov. 22:4.
4 Id-dinja taʼ llum hija mmexxija mir-regħba u l-egoiżmu. F’ambjent bħal dan, aħna għandna nkunu għaqlin u nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Żomm f’moħħok ukoll li Satana se jagħmel dak kollu li jistaʼ biex iħajjar lill-qaddejja taʼ Ġeħova jitilqu mit-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja. Hu jrid jara lil kulħadd għaddej fit-triq il-wiesgħa li twassal għall-qerda. Titqarraqx minnu! Minflok, kun determinat li tiftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek. Afda fih kompletament u aqbad qabda soda “mal-ħajja vera,” li hija kemm ċerta kif ukoll fil-qrib.—1 Tim. 6:19.
Żgħażagħ, Kunu Għaqlin!
5. Kif tħossok dwar il-futur taʼ din id-dinja?
5 Żgħażagħ li jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom huma iktar għaqlin minn uħud taʼ l-istess età. (Aqra Salm 119:99, 100.) Peress li għandhom il-ħarsa t’Alla, huma konxji bis-sħiħ dwar kemm huma verament koroh il-prospetti tad-dinja. Avolja għadkom fil-fjur taʼ ħajjitkom, intom iż-żgħażagħ bla dubju rajtu li l-biżaʼ u l-ansjetà żdiedu. Jekk għadkom l-iskola, x’aktarx li smajtu dwar iż-żjieda fit-tinġis, fis-sħana globali, fit-tqaċċit tas-siġar, u problemi simili. In-nies huma verament konċernati dwar dan, imma x-Xhieda taʼ Ġeħova biss jistgħu jifhmu bis-sħiħ li dan kollu huwa parti mis-sinjal li jindika t-tmiem tad-dinja taʼ Satana.—Riv. 11:18.
6. Xi żgħażagħ kif ġew imqarrqin?
6 B’dispjaċir, xi qaddejja żgħażagħ t’Alla ma baqgħux attenti u għalqu għajnejhom għall-fatt li din id-dinja fadlilha biss żmien qasir. (2 Pt. 3:3, 4) Oħrajn ġew imħajrin jagħmlu xi dnub serju permezz tas-sħubija ħażina u l-pornografija. (Prov. 13:20) Kemm tkun xi ħaġa taʼ niket li titlef il-favur t’Alla issa li qegħdin daqshekk viċin lejn l-aħħar! Minflok, tgħallem minn dak li ġralhom l-Iżraelin fis-sena 1473 Q.E.K. meta kienu kkampjati fil-Wita taʼ Mowab, u kienu fuq l-għatba taʼ l-Art Imwiegħda. X’ġara hemmhekk?
Ċedew fl-Aħħar Ftit
7, 8. (a) Satana liema strateġija uża fil-Wita taʼ Mowab? (b) Satana liema strateġija qed juża llum?
7 Lura f’dak iż-żmien, Satana bla dubju ma riedx iħalli lill-Iżraelin jieħdu l-wirt imwiegħed lilhom. Wara li ma rnexxilux iġiegħel lill-profeta Bagħlam jisħithom, Satana uża strateġija iktar sottili; hu pprova ma jħallihomx jiġu mberkin minn Ġeħova. In-nisa seduċenti taʼ Mowab intużaw biex iqarrqu bihom, u din id-darba x-Xitan kellu suċċess mhux ħażin. In-nies bdew ikollhom relazzjonijiet immorali mal-bniet taʼ Mowab u bdew jagħtu qima lill-Bagħal taʼ Pegħor! Għalkemm il-wirt prezzjuż tagħhom, l-Art Imwiegħda, kien verament viċin, xi 24,000 Iżraeli tilfu ħajjithom. Xi traġedja!—Num. 25:1-3, 9.
8 Illum, aħna qed noqorbu b’ritmu mgħaġġel lejn art imwiegħda ħafna aħjar—is-sistema l-ġdida. Bħalma jagħmel is-soltu, Satana qiegħed għal darb’oħra juża l-immoralità sesswali biex iwaqqaʼ lin-nies t’Alla. Il-livelli morali tad-dinja tant qabdu t-triq għan-niżla li l-fornikazzjoni hija kunsidrata bħala normali u l-omosesswalità hija meqjusa bħala sempliċi għażla persunali. Oħt Kristjana qalet, “Fid-dar u fis-Sala tas-Saltna biss uliedi jitgħallmu li l-omosesswalità u s-sess barra ż-żwieġ huma ħżiena f’għajnejn Alla.”
9. X’jistaʼ jiġri matul “il-fjur taż-żgħożija,” u kif jistgħu ż-żgħażagħ ikampaw maʼ dan?
9 Iż-żgħażagħ li jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom jafu li l-intimità sesswali hija rigal mingħand Alla u li hija konnessa mal-ħajja u t-tnissil tagħha. Għalhekk, huma jafu li r-relazzjonijiet sesswali għandhom jitgawdew bil-mod kif idderieġa Alla—fl-arranġament taż-żwieġ. (Ebr. 13:4) Madankollu, matul “il-fjur taż-żgħożija”—iż-żmien meta x-xewqat sesswali jsiru qawwijin u jistgħu jħawdu lil dak li jkun—jistaʼ jkun taʼ sfida li tibqaʼ safi. (1 Kor. 7:36) X’tistaʼ tagħmel meta jiġuk ħsibijiet mhux xierqa? Itlob bil-ħerqa lil Ġeħova għall-għajnuna biex tiffoka fuq affarijiet nodfa. Ġeħova dejjem se jismaʼ lil dawk li jmorru għandu b’talb sinċier. (Aqra Luqa 11:9-13.) Konversazzjoni li tibni tistaʼ tgħinek ukoll tirranġa l-ħsibijiet tiegħek.
Agħżel il-Miri Tiegħek bil-Għaqal!
10. Liema ħsieb negattiv li jistaʼ jkollna f’moħħna rridu nevitaw, u liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
10 Raġuni waħda għala ħafna żgħażagħ fid-dinja huma bla kontroll u jgħixu għall-pjaċiri tal-laħam hija li huma m’għandhomx ‘min iwissihom’—m’għandhom l-ebda gwida divina jew tama ċerta għall-futur. (Prov. 29:18) Huma bħall-Iżraelin taʼ żmien Isaija li ma baqgħux isegwu l-gwida t’Alla u li kienu jgħixu ‘għall-għors u t-tbaħrid, għall-ikel tal-laħam u x-xorb taʼ l-inbid.’ (Is. 22:13) Minflok ma tgħir għal nies bħal dawn, għala ma tirriflettix fuq it-tama prezzjuża li għandu Ġeħova għall-uħud leali tiegħu? Jekk int qaddej żagħżugħ t’Alla, tħares int b’ħerqa lejn id-dinja l-ġdida? Tagħmel int kull sforz possibbli biex ‘tgħix sewwa b’moħħ f’loku waqt li tistenna t-tama hienja’ li Ġeħova poġġa quddiemek? (Titu 2:12, 13) It-tweġiba tiegħek se tinfluwenza l-miri u l-prijoritajiet li tpoġġi quddiemek.
11. Il-Kristjani żgħażagħ li għadhom l-iskola għala għandhom jaħdmu iebes?
11 Id-dinja trid liż-żgħażagħ ipoġġu l-prijoritajiet prinċipali tagħhom fuq miri sekulari. Naturalment, dawk minnkom li għadkom l-iskola tridu taħdmu iebes biex tiksbu edukazzjoni bażika u tajba. Wara kollox, il-mira tagħkom m’hijiex biss li ssibu xogħol adattat imma wkoll li tkunu t’għajnuna għall-kongregazzjoni u predikaturi tas-Saltna produttivi. Sabiex tilħqu din il-mira, tridu tkunu lesti li tikkomunikaw sew, taħsbu b’mod loġiku, u tirraġunaw bil-kalma u b’rispett m’oħrajn. Madankollu, iż-żgħażagħ li jistudjaw il-Bibbja u jistinkaw biex japplikaw il-prinċipji tagħha f’ħajjithom jiksbu l-aqwa edukazzjoni li hawn u jpoġġu pedament tajjeb għall-futur dejjiemi taʼ suċċess.—Aqra Salm 1:1-3.a
12. Il-familji Kristjani liema eżempju jagħmlu tajjeb li jimitaw?
12 F’Iżrael, l-edukazzjoni tat-tfal mill-ġenituri tagħhom kienet tingħata importanza kbira. Din l-edukazzjoni kopriet kważi kull aspett tal-ħajja, speċjalment l-affarijiet spiritwali. (Dt. 6:6, 7) Għalhekk, l-Iżraelin żgħażagħ, li semgħu mill-ġenituri tagħhom u minn oħrajn akbar fl-età li kienu jibżgħu minn Alla, kisbu l-għarfien kif ukoll l-għaqal, id-dehen, u l-abbiltà li jifhmu u li jaħsbu—kwalitajiet li m’humiex komuni imma li jiġu provduti mill-edukazzjoni divina. (Prov. 1:2-4; 2:1-5, 11-15) Familji Kristjani llum għandhom jagħtu attenzjoni bħal din għall-edukazzjoni.
Ismaʼ minn Dawk li Jħobbuk
13. Ħafna żgħażagħ liema tip taʼ pariri jirċievu, u għala għandhom joqogħdu attenti?
13 Iż-żgħażagħ jingħataw pariri mingħand kull tip taʼ nies—inkluż uħud li jiggwidawhom fl-iskola u li normalment jagħtu pariri lill-istudenti dwar kif jistgħu jkollhom suċċess fid-dinja sekulari. Jekk jogħġobkom, waqt li tikkunsidraw pariri bħal dawn, itolbu lil Alla għall-gwida mill-Kelma tiegħu u mill-ikel spiritwali provdut mill-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli. Mill-istudju li tagħmlu mill-Bibbja, intom tafu li ż-żgħażagħ u l-uħud bla esperjenza huma waħda mill-miri prinċipali taʼ Satana. Per eżempju, fil-ġnien taʼ l-Għeden, Eva li ma kellhiex esperjenza semgħet minn Satana, stranġier li ma wera l-ebda mħabba lejha. Kemm kien ikun hemm riżultat differenti li kieku semgħet minn Ġeħova, il-wieħed li wera l-imħabba tiegħu lejha b’ħafna modi!—Ġen. 3:1-6.
14. Għala għandna nisimgħu kemm minn Ġeħova kif ukoll minn ġenituri li jemmnu?
14 Il-Ħallieq Grandjuż tagħkom iħobb lilkom ukoll, u dan jagħmlu b’motiv li huwa assolutament pur. Hu jridkom tkunu ferħanin għal dejjem, mhux għalissa biss! Għalhekk, b’tenerezza taʼ ġenitur li jħobb, hu jgħid lilkom u lil dawk kollha li jqimuh: “Din hi t-triq; għaddi minnha.” (Is. 30:21) Jekk għandek ġenituri li jemmnu u li verament iħobbu lil Ġeħova, int għandek barka oħra. B’rispett, ismaʼ l-pariri tagħhom meta tiġi biex tagħmel il-prijoritajiet u l-miri tiegħek. (Prov. 1:8, 9) Wara kollox, huma jixtiquk tikseb il-ħajja, xi ħaġa li hija bil-wisq iktar prezzjuża mill-għana jew il-prestiġju li toffri din id-dinja.—Mt. 16:26.
15, 16. (a) X’fiduċja jistaʼ jkollna f’Ġeħova? (b) X’lezzjoni importanti nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Bàruk?
15 Dawk li jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom iżommu ħajjithom sempliċi, fiduċjużi li Ġeħova “żgur” ma jitlaqhomx u “żgur” ma jabbandunahomx. (Aqra Ebrej 13:5.) Peress li din l-attitudni tajba hija differenti minn dak li taħseb id-dinja, aħna rridu noqogħdu attenti li ma nħallux l-ispirtu tad-dinja jinfluwenzana. (Efes. 2:2) F’dan ir-rigward, ikkunsidra l-eżempju taʼ Bàruk, is-segretarju taʼ Ġeremija, li għex fl-aħħar jiem diffiċli taʼ Ġerusalemm li wasslu għall-qerda tagħha fis-sena 607 Q.E.K.
16 Jistaʼ jkun li Bàruk ried li jkollu ħajja aħjar materjalment għalih innifsu. Ġeħova nnotah dan u bil-ħlewwa wissa lil Bàruk biex ma jfittixx “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu. Bàruk wera li kien umli u għaqli, għaliex hu semaʼ minn Ġeħova u salva mill-qerda taʼ Ġerusalemm. (Ġer. 45:2-5) Mill-banda l-oħra, in-nies taʼ żmien Bàruk li kisbu “ħwejjeġ kbar” materjalment, billi poġġew lil Ġeħova fil-ġenb, ma damux ma tilfu kollox u spiċċaw f’idejn il-Kaldin (il-Babiloniżi). Ħafna tilfu ħajjithom ukoll. (2 Kron. 36:15-18) L-esperjenza taʼ Bàruk tgħinna naraw li relazzjoni tajba m’Alla hija ħafna iktar importanti mill-għana u l-prominenza f’din id-dinja.
Imita l-Aqwa Eżempji
17. Għala Ġesù, Pawlu, u Timotju huma eżempji eċċellenti għall-qaddejja taʼ Ġeħova llum?
17 Sabiex tgħinna fit-triq li twassal għall-ħajja, il-Kelma t’Alla tipprovdilna ħafna eżempji mill-aqwa biex nimitawhom. Per eżempju, fost il-bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù kien l-iktar wieħed imżejjen b’talenti. Madankollu, hu ffoka fuq dak li setaʼ jgħin lin-nies għal dejjem—“l-aħbar tajba tas-saltna.” (Lq. 4:43) Sabiex jagħti lil Ġeħova l-aqwa tiegħu, l-appostlu Pawlu abbanduna karriera taʼ suċċess u uża l-ħin u l-enerġija tiegħu biex jippriedka l-aħbar tajba. Timotju, “iben ġenwin fil-fidi,” imita l-eżempju tajjeb taʼ Pawlu. (1 Tim. 1:2) Iddispjaċiehom Ġesù, Pawlu, u Timotju li għexu ħajjithom b’dan il-mod? Ċertament li le! Fil-fatt, Pawlu qal li hu kien iqis dak li kellha x’toffri d-dinja bħala “qabda skart” meta mqabbel mal-privileġġ tas-servizz lil Alla.—Flp. 3:8-11.
18. X’bidliet kbar kellu jagħmel wieħed ħu, u għala ma ddispjaċiehx?
18 Ħafna żgħażagħ Kristjani llum jimitaw il-fidi taʼ Ġesù, Pawlu, u Timotju. Per eżempju, wieħed żagħżugħ Kristjan li kellu impjieg bi ħlas tajjeb ħafna kiteb: “Peress li ngħix skond il-prinċipji Bibliċi, ma domtx ma bdejt ningħata l-promozzjonijiet fuq ix-xogħol. Minkejja l-benefiċċji finanzjarji, ħassejtni li kont qed niġri wara r-riħ. Meta tkellimt maʼ dawk li kienu responsabbli mill-kumpanija u esprimejt ix-xewqa tiegħi li nirsisti għall-ministeru full-time, huma malajr malajr offrewli għażliet finanzjarji ġenerużi bit-tama li nibqaʼ magħhom. Imma kont determinat. Ħafna nies ma setgħux jifhmu l-għala tlaqt karriera li trendi biex naqdi fis-servizz full-time. It-tweġiba tiegħi hi li jien verament irrid ngħix fi qbil mad-dedikazzjoni tiegħi lil Alla. Minħabba li issa ħajti hija ffokata fuq l-affarijiet spiritwali, għandi ċertu ferħ u kuntentizza li l-ebda ammont taʼ flus jew prestiġju ma jistaʼ jagħtini.”
19. Iż-żgħażagħ liema għażliet huma inkuraġġiti jagħmlu?
19 Madwar id-dinja, eluf taʼ żgħażagħ għamlu għażliet għaqlin simili. Allura, żgħażagħ, meta taħsbu dwar il-futur tagħkom, żommu l-jum taʼ Ġeħova sew f’moħħkom. (2 Pt. 3:11, 12) Tgħirux għal dawk li qed igawdu l-aħjar taʼ din id-dinja. Minflok, isimgħu minn dawk li verament iħobbukom. L-aħjar investiment ċert li tistgħu tagħmlu huwa li taħżnu “teżori fis-sema” u dan hu l-uniku investiment li għandu benefiċċji dejjiema. (Mt. 6:19, 20; aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.) Iva, ftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħkom. Intom u tagħmlu dan, Ġeħova se jberikkom.
[Nota taʼ taħt]
a Dwar l-edukazzjoni iktar għolja u x-xogħol ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 2005, paġni 26-31.
Tistaʼ Tiftakar?
• Kif nuru li aħna nafdaw f’Alla?
• Liema hija l-aqwa edukazzjoni?
• X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Bàruk?
• Liema eżempji eċċellenti nistgħu nimitaw, u għala?
[Stampi f’paġna 13]
Ġeħova jipprovdi l-aqwa edukazzjoni
[Stampa f’paġna 15]
Bàruk semaʼ minn Ġeħova u salva mill-qerda taʼ Ġerusalemm. X’tistaʼ titgħallem minn dan l-eżempju?