Kitba Kunejformi Antika u l-Bibbja
WARA li l-lingwa tal-bniedem ġiet imħawda f’Babel, ġew żviluppati diversi sistemi taʼ kitba. Nies li kienu jgħixu fil-Mesopotamja, bħal per eżempju s-Sumeriċi u l-Babiloniżi kienu jużaw il-kitba kunejformi. Din il-kelma ġejja mil-Latin u tfisser “forma taʼ feles” u tirreferi għall-marka trijangulari li kienet issir b’pinna tat-tinqix li kienet tintuża biex isiru marki f’tafal frisk.
Xi arkeoloġi skavaw testi kunejformi li jsemmu nies u ġrajjiet imsemmijin fl-Iskrittura. X’nafu dwar din is-sistema antika taʼ kitba? U liema xiehda jagħtu dawn it-testi għall-fatt li l-Bibbja hija taʼ min joqgħod fuqha?
Dokumenti li Baqgħu Jeżistu
Xi studjużi jemmnu li għall-ewwel is-sistema taʼ kitba li ntużat fil-Mesopotamja kienet bl-istampi, jew simboli li jirrappreżentaw kelma jew idea. Per eżempju, is-sinjal għal barri oriġinalment kien jixbah ras taʼ barri. Hekk kif żdied il-bżonn li jinżammu d-dokumenti, ġiet żviluppata l-kitba kunejformi. “Is-sinjali issa setgħu mhux biss jirrappreżentaw il-kliem imma wkoll is-sillabi, li diversi minnhom setgħu jingħaqdu flimkien biex jirrappreżentaw is-sillabi taʼ kelma,” jispjega l-NIV Archaeological Study Bible. Eventwalment, madwar 200 sinjal differenti ppermettew il-kitba kunejformi “biex tirrappreżenta verament id-diskors, bil-komplessitajiet tal-vokabolarju u l-grammatika kollha tiegħu.”
Sa żmien Abraham, madwar is-sena 2,000 Q.E.K., il-kitba kunejformi kienet ġiet żviluppata sew. Matul l-20 seklu taʼ wara, madwar 15-il lingwa adottaw din il-kitba. Iktar minn 99 fil-mija mit-testi kunejformi li nstabu nkitbu fuq twavel tat-tafal. Matul l-aħħar 150 sena, għadd kbir taʼ twavel bħal dawn instabu f’Ur, Uruk, Babilonja, Nimrud, Nippur, Asur, Ninwe, Mari, Ebla, Ugarit, u Amarna. L-Archaeology Odyssey jistqarr li l-esperti jikkalkulaw li hemm bejn miljun u żewġ miljun tavla kunejformi li diġà ġew skavati, u madwar 25,000 oħrajn jinstabu kull sena.
Studjużi tal-kitba kunejformi madwar id-dinja għandhom biċċa xogħol enormi biex jagħmlu t-traduzzjoni. Skond kalkolu wieħed, “madwar wieħed minn kull għaxra biss mit-testi kunejformi li jeżistu nqraw saħansitra darba fi żmienna.”
L-iskoperta taʼ testi b’żewġ jew tliet lingwi bil-kitba kunejformi kienet il-qofol biex il-kitba kunejformi tiġi deċifrata. L-istudjużi fehmu li dawn id-dokumenti fihom l-istess test b’lingwi differenti, kollha miktubin bil-kitba kunejformi. Dak li għen fil-proċess biex jiġu deċifrati kien il-fatt li ġie realizzat li l-ismijiet, it-titli, il-ġenealoġiji tal-ħakkiema, u saħansitra l-espressjonijiet taʼ wħud li kienu jfaħħru lilhom infushom kienu ripetuti spiss.
Sa l-1859, l-istudjużi setgħu jaqraw il-lingwa franka tal-Lvant Nofsani tal-qedem, l-Akkadjan, jew l-Assirjan-Babiloniż, bil-kitba kunejformi. L-Encyclopædia Britannica tispjega li ladarba l-Akkadjan kien ġie deċifrat, l-istess qalba tas-sistema setgħet tiġi mifhuma, u b’hekk ġie provdut mudell li bih setgħu jiġu interpretati lingwi kunejformi oħrajn. Dawn il-kitbiet kif inhuma relatati maʼ l-Iskrittura?
Ix-Xiehda li Taqbel mal-Bibbja
Il-Bibbja tgħid li Ġerusalemm kienet maħkuma minn slaten Kangħanin sakemm intrebħet minn David, madwar is-sena 1070 Q.E.K. (Ġoż. 10:1; 2 Sam. 5:4-9) Imma xi studjużi ddubitawh dan. Madankollu, fl-1887 mara bidwija sabet tavla tat-tafal f’Amarna, l-Eġittu. Madwar 380 test li eventwalment instabu hemmhekk fil-fatt kienu korrispondenza diplomatika bejn il-ħakkiema taʼ l-Eġittu (Amenotep III u Akenaton) u s-saltniet Kangħanin. Sitt ittri kienu mingħand Għabdi-Ħeba, il-ħakkiem taʼ Ġerusalemm.
Il-ġurnal Biblical Archaeology Review jgħid li l-fatt li t-twavel t’Amarna jirreferu b’mod ċar għal Ġerusalemm bħala belt, mhux xi proprjetà bl-għelieqi magħha, u għall-pożizzjoni t’Għabdi-Ħeba bħala gvernatur li kellu residenza u 50 suldat Eġizzjan stazzjonati f’Ġerusalemm, juri li Ġerusalemm kienet saltna żgħira fil-kampanja fuq għolja. L-istess ġurnal iktar tard qal li nistgħu nkunu kunfidenti, minħabba l-ittri t’Amarna, li kienet teżisti belt, li għal dak iż-żmien kienet sinifikanti.
Ismijiet f’Dokumenti Assirjani u Babiloniżi
L-Assirjani, u iktar tard il-Babiloniżi, kitbu l-istorja tagħhom fuq twavel tat-tafal, kif ukoll ċilindri, priżmi, u monumenti. Għalhekk, meta l-istudjużi ddeċifraw il-kitba kunejformi Akkadjana, huma sabu li t-testi kienu jsemmu nies li huma msemmijin ukoll fil-Bibbja.
Il-ktieb The Bible in the British Museum jgħid li Dr. Samuel Birch fl-1870, meta indirizza lis-Soċjetà taʼ l-Arkeoloġija Biblika li kienet għadha kif ġiet ifformata, setaʼ jidentifika fit-testi kunejformi l-ismijiet tas-slaten Ebrej Għomri, Aħab, Ġeħu, Għażarija, Menaħem, Pekaħ, Ħosegħa, Ħeżekija, u Manasse, is-slaten Assirjani Tilgat-Pileser III, Sargon, Sennakerib, Esar-ħaddon, u Asurbanipal, u s-Sirjani Benħadad, Ħażagħel, u Resin.
Il-ktieb The Bible and Radiocarbon Dating iqabbel l-istorja taʼ Israel u Ġuda kif misjuba fil-Bibbja mat-testi kunejformi antiki. X’kien ir-riżultat? B’kollox, jidhru 15 jew 16-il sultan taʼ Ġuda u Israel f’dokumenti minn pajjiżi oħrajn taʼ l-istess perijodu taʼ żmien, u isimhom u ż-żmien li kienu jgħixu fih jaqblu kompletament maʼ l-informazzjoni li hemm fil-kotba Bibliċi tas-Slaten. Dawk kollha li huma msemmijin fid-dokumenti barranin huma diġà msemmijin fil-kotba Bibliċi tas-Slaten.
Fi skrizzjoni kunejformi magħrufa li nstabet fl-1879, iċ-Ċilindru taʼ Ċiru, hemm dokumentat li wara li ħa lil Babilonja f’idejh fis-sena 539 Q.E.K., Ċiru reġġaʼ lill-ilsiera lura f’art twelidhom, bħalma kellu d-drawwa li jagħmel. Fost dawk li bbenefikaw minn dan kien hemm il-Lhud. (Esd. 1:1-4) Ħafna studjużi tas-seklu 19 kienu ddubitaw l-awtentiċità tad-digriet li hu kwotat fil-Bibbja. Madankollu, id-dokumenti kunejformi mill-perijodu Persjan, inkluż iċ-Ċilindru taʼ Ċiru, jipprovdu evidenza konvinċenti li l-Bibbja hija eżatta.
Fl-1883 arkivju taʼ iktar minn 700 test kunejformi nstab f’Nippur, viċin Babilonja. Fost l-2,500 isem imsemmi, madwar 70 minnhom jistgħu jiġu identifikati bħala Lhud. L-istorjografu Edwin Yamauchi jgħid li dawn jidhru li huma “nies li daħlu għal kuntratti, aġenti, xiehda, kolletturi tat-taxxi, u uffiċjali rjali.” L-evidenza li l-Lhud baqgħu jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn qrib Babilonja f’dan il-perijodu hija sinifikanti. Dan jikkonferma l-istqarrija profetika tal-Bibbja li filwaqt li “fdal” taʼ Israelin marru lura lejn il-Lhudija mill-eżilju fl-Assirja u Babilonja, ħafna ma marrux lura.—Is. 10:21, 22.
Matul l-ewwel millennju Q.E.K. kienu jintużaw kemm il-kitba kunejformi u kemm il-kitba bl-alfabet. Imma l-Assirjani u l-Babiloniżi eventwalment abbandunaw il-kitba kunejformi u bdew jużaw il-kitba bl-alfabet.
Hemm mijiet t’eluf taʼ twavel merfugħin fil-mużewijiet li għad iridu jiġu studjati. Dawk li l-esperti diġà ddeċifraw jagħtu xiehda konvinċenti tal-fatt li l-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha. Min jaf kemm iktar xiehda se jagħtu t-testi li għadhom ma ġewx studjati għall-fatt li l-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha!
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 21]
Ritratt meħud bil-korteżija tal-British Museum