Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?
KONT int taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana? Forsi kont qaddej ministerjali jew anzjan. Għandek mnejn kont taqdi f’xi qasam taʼ servizz full-time. Mingħajr dubju, int sibt ferħ u sodisfazzjon kbir fl-inkarigi tiegħek, imma mbagħad għal xi raġuni jew oħra ma stajtx tkompli.
Forsi kellek iċċedi l-privileġġ tiegħek biex tieħu ħsieb xi membri tal-familja. Mill-banda l-oħra, ir-raġuni setgħet kienet l-età jew is-saħħa batuta. Deċiżjonijiet bħal dawn ma jfissrux li ma rnexxejtx. (1 Tim. 5:8) Fl-ewwel seklu, Filippu qeda bħala missjunarju imma iktar tard issetilja f’Ċesarija, fejn ħa ħsieb il-familja tiegħu. (Atti 21:8, 9) Fi xjuħitu, is-Sultan David t’Israel tal-qedem irranġa biex ibnu Salamun ikun is-suċċessur tiegħu fuq it-tron. (1 Slat. 1:1, 32-35) Madankollu, Ġeħova baqaʼ jħobb u japprezza kemm lil Filippu u kemm lil David, u dawn għadhom rispettati sal-lum.
Madankollu, jistaʼ jkun li ttiħidlek xi privileġġ taʼ servizz. Kien minħabba kondotta mhix għaqlija? Jew kien hemm involut xi problemi tal-familja? (1 Tim. 3:2, 4, 10, 12) Għandek mnejn ma ħassejtx li kien hemm bżonn li tittieħed din l-azzjoni u jistaʼ jkun li għadek tħoss xi ftit riżentiment sal-lum.
Int Tistaʼ Tirsisti Biex Terġaʼ Taqdi
Meta jintilef privileġġ, ifisser li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jinkiseb? Fil-biċċa l-kbira mill-każi le. Iżda biex terġaʼ taqdi trid tirsisti. (1 Tim. 3:1) Imma għala għandek tixtieq dan? Għall-istess raġuni li ddedikajt lilek innifsek lil Alla—imħabba għal Ġeħova u għal dawk li jaqduh. Jekk int lest li turi din l-imħabba billi terġaʼ taqdi, dan se jippermetti lil Ġeħova juża l-esperjenza li int kellek kemm qabel u kemm wara li tlift il-privileġġ tiegħek.
Ftakar fl-assiguranza li Ġeħova ta lil Israel wara li bi dritt ħadilhom il-privileġġi taʼ servizz. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx. U intom ulied Ġakobb; intom ma ntemmejtux.” (Mal. 3:6) Ġeħova ħabb lill-Israelin u xtaq jużahom iktar. Bl-istess mod, Ġeħova hu interessat li juża lilek fil-futur. X’tistaʼ tagħmel fiċ-ċirkustanzi preżenti tiegħek? Sabiex taqdi l-interessi teokratiċi, is-saħħa spiritwali hi iktar importanti mill-abbiltà naturali. Għalhekk, sakemm m’għandekx iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, stinka biex issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek.
Biex ‘issir setgħan’ fil-fidi, int trid ‘tfittex lil Ġeħova u s-saħħa tiegħu.’ (1 Kor. 16:13; Salm 105:4) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu permezz taʼ talb mill-qalb. Meta titkellem dwar is-sitwazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, esprimi s-sentimenti tiegħek u itlob għall-ispirtu tiegħu. Hekk kif tagħmel dan, int se tersaq eqreb lejn Ġeħova u dan se jagħmlek sod. (Salm 62:8; Flp. 4:6, 13) Mod ieħor kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek hu billi ttejjeb l-istudju tal-Kelma t’Alla. B’inqas responsabbiltajiet għalissa, forsi tkun tistaʼ tagħmel iktar f’dak li hu studju persunali u tal-familja, forsi billi terġaʼ tagħmel rutina li kienet diffiċli biex iżommha.
Naturalment, int xorta għadek tirrappreżenta lil Ġeħova bħala wieħed mix-Xhieda tiegħu. (Is. 43:10-12) L-aqwa privileġġ li kull wieħed minna jistaʼ jkollu hu li nkunu “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Mod mill-isbaħ kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek u taʼ sħabek fil-ministeru hu billi żżid l-attività fis-servizz tal-għalqa.
Kif Tistaʼ Tkampa mas-Sentimenti Tiegħek
Meta titlef privileġġ taʼ servizz jistaʼ jqanqal fik sentiment taʼ mistħija jew dispjaċir. Int forsi għandek tendenza li tiġġustifika l-azzjonijiet tiegħek. Madankollu, xi ngħidu jekk aħwa responsabbli jisimgħu d-difiża tiegħek imma xorta waħda jħossu li m’għandekx iżżomm ċertu privileġġ? Forsi tibqaʼ tħoss xi sentimenti negattivi lejn ħutek u dawn iżommuk lura milli tirsisti jew saħansitra jagħmluhielek diffiċli biex titgħallem minn din l-esperjenza. Ejja nikkunsidraw kif l-esperjenzi taʼ Ġob, Manasse, u Ġużeppi jistgħu jgħinuk tkampa maʼ sentimenti negattivi.
Ġob kien irrappreżenta lil oħrajn quddiem Ġeħova u kien qeda bħala anzjan u mħallef f’soċjetà patrijarkali. (Ġob 1:5; 29:7-17, 21-25) Imbagħad, fi żmien kruċjali f’ħajtu, Ġob tilef il-ġid, it-tfal, u s-saħħa tiegħu. Maʼ dawn, hu tilef ukoll ir-reputazzjoni tajba tiegħu. “Jiddieħqu bija,” qal Ġob, “dawk li huma iżgħar minni fil-jiem.”—Ġob 30:1.
Ġob ħass li kien innoċenti għalkollox u ried jiddefendi lilu nnifsu quddiem Ġeħova. (Ġob 13:15) Madankollu, Ġob kien lest jistrieħ fuq Ġeħova u dan ġablu barkiet. Hu tgħallem li kellu bżonn korrezzjoni, speċjalment minħabba l-mod kif irreaġixxa għall-prova li ġarrab. (Ġob 40:6-8; 42:3, 6) Eventwalment, minħabba li Ġob wera l-umiltà, hu ġie mbierek bil-kbir minn Alla.—Ġob 42:10-13.
Jekk tlift xi privileġġ minħabba għemil ħażin min-naħa tiegħek, int forsi taħseb jekk Ġeħova u ħutek il-Kristjani qattx se jaħfrulek u jinsew verament. Mela kkunsidra l-każ tas-Sultan Manasse taʼ Ġuda. Hu għamel “dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Slat. 21:6) Madankollu, Manasse miet leali waqt li kien qed jaħkem bħala sultan. Dan kif ġara?
Eventwalment, Manasse aċċetta d-dixxiplina. Wara li kien injora t-twissijiet, Ġeħova bagħat kontrih l-Assirjani, li rabtuh bil-ktajjen u eżiljawh ’il bogħod f’Babilonja. Hemmhekk, Manasse “pprova jtaffi l-korla taʼ Ġeħova Alla tiegħu u baqaʼ jumilja ruħu ħafna minħabba l-Alla taʼ missirijietu. U baqaʼ jitolbu.” Indiema mill-qalb wasslet lil Manasse biex jieħu azzjoni ħalli jirranġa l-ħażin, u ġie maħfur.—2 Kron. 33:12, 13.
Privileġġi mitlufin rari jingħataw lura kollha f’daqqa. Madankollu, maż-żmien, tistaʼ tingħata ċerti responsabbiltajiet limitati. Il-fatt li taċċettahom u tagħmel l-aħjar li tistaʼ spiss iwassal għal iktar inkarigi. Dan ma jfissirx li se jkun faċli. Jistaʼ jkun hemm xi diżappunti. Minkejja dan, ir-rieda u l-perseveranza jġibu l-barkiet.
Ħu bħala eżempju lil Ġużeppi, it-tifel taʼ Ġakobb. Fl-età taʼ 17-il sena, b’mod inġust Ġużeppi ġie mibjugħ bħala lsir minn ħutu. (Ġen. 37:2, 26-28) Ċertament li dan ma kienx it-tip taʼ trattament li hu stenna minn ulied missieru. Madankollu, kien lest li jagħmel l-almu tiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi, u bil-barka taʼ Ġeħova hu “nħatar fuq dar sidu.” (Ġen. 39:2) Iktar tard, Ġużeppi ġie mitfugħ il-ħabs. Imma wera li kien leali, u Ġeħova kien miegħu, tant li eventwalment ġie fdat biex jieħu ħsieb l-affarijiet konnessi mal-ħabs.—Ġen. 39:21-23.
Ġużeppi ma kienx jaf li dan kollu kellu jservi għal skop. Hu sempliċement kompla jagħmel dak li setaʼ. Għalhekk, Ġeħova setaʼ jużah biex jippreserva l-linja li kellha twassal għan-Nisel imwiegħed. (Ġen. 3:15; 45:5-8) Filwaqt li ħadd minna ma jistaʼ jistenna li jkollu rwol importanti bħalma kellu Ġużeppi, ir-rakkont ispirat juri li l-id taʼ Ġeħova hi involuta fil-privileġġi li jirċievu l-qaddejja Tiegħu. Żomm il-bieb miftuħ billi timita lil Ġużeppi.
Kif Tistaʼ Titgħallem Minn Esperjenzi Diffiċli
Ġob, Manasse, u Ġużeppi għaddew minn esperjenzi taʼ qtigħ il-qalb. It-tlett irġiel aċċettaw dak li Ġeħova ppermetta, u kull wieħed minnhom tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. X’tistaʼ titgħallem int?
Fittex dak li Ġeħova għandu mnejn qiegħed jipprova jgħallmek. Fit-taqbida tiegħu mad-disperazzjoni, Ġob sar moħħu fih innifsu u ma baqax jara l-kwistjonijiet iktar importanti. Madankollu, meta Ġeħova ddixxiplinah bl-imħabba, hu reġaʼ kiseb il-bilanċ u ammetta: “Jien tkellimt, imma ma kontx qed nifhem.” (Ġob 42:3) Jekk tħossok imweġġaʼ minħabba li tlift xi privileġġi, ‘taħsibx li int xi ħaġa iktar milli hu xieraq, imma aħseb b’tali mod li jkollok moħħ f’loku.’ (Rum. 12:3) Ġeħova għandu mnejn qed jipprova jaġġustak b’tali mod li int għadek ma tifhimx għalkollox.
Aċċetta d-dixxiplina. Forsi għall-ewwel Manasse ma ħassx li kien jixraqlu ċanfira daqstant iebsa bħalma rċieva. Madankollu, hu aċċettaha, nidem, u abbanduna l-korsa żbaljata tiegħu. Tħossok kif tħossok rigward id-dixxiplina li rċivejt, ‘umilja ruħek f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltak.’—1 Pt. 5:6; Ġak. 4:10.
Kun paċenzjuż u dispost. L-esperjenzi taʼ Ġużeppi setgħu faċilment wassluh biex iżomm f’qalbu sentimenti taʼ mibegħda u vendikazzjoni. Minflok, hu żviluppa d-dehen u l-ħniena. (Ġen. 50:15-21) Jekk ġejt diżappuntat, kun paċenzjuż. Kun dispost li tiġi mħarreġ minn Ġeħova.
Kont taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana? Agħti l-opportunità lil Ġeħova biex fil-futur jagħtik xi privileġġi. Saħħaħ l-ispiritwalità tiegħek. Immodera s-sentimenti tiegħek bil-paċenzja u l-umiltà. Kun lest li taċċetta kwalunkwe inkarigu li tistaʼ tingħata. Kun żgur li “Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minn dawk li jimxu mingħajr nuqqas.”—Salm 84:11.
[Kumment f’paġna 30]
Sir setgħan fil-fidi permezz taʼ talb mill-qalb
[Stampa f’paġna 31]
Mod mill-isbaħ kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek hu billi żżid l-attività fis-servizz tal-għalqa
[Stampa f’paġna 32]
Agħti l-opportunità lil Ġeħova biex fil-futur jagħtik xi privileġġi