LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 5/1 pp. 8-10
  • “Jien Rajt, Imma Ma Stajtx Nifhem”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jien Rajt, Imma Ma Stajtx Nifhem”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • BDEJT NITGĦALLEM IL-​VERITAJIET TAL-​BIBBJA
  • DIŻAPPUNT IKRAH U SORPRIŻA MILL-​ISBAĦ
  • FL-​AĦĦAR STAJT NIFHEM IL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA
  • IT-​TAQBIDA TIEGĦI KONTRA L-​MISTĦIJA
  • GĦOTJA OĦRA MINGĦAND ĠEĦOVA
  • APPOĠĠAT MINN POPLU MAGĦQUD
  • Għożż lil Ħutek Neqsin mis-Smigħ!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • ‘Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-Sigurtà
    Stenbaħ!—2001
  • Oqgħod Attent biex Tgħin lil Nies Neqsin mis-Smigħ fit-Territorju Tiegħek
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 5/1 pp. 8-10

BIJOGRAFIJA

“Jien Rajt, Imma Ma Stajtx Nifhem”

KIF RAKKONTATA MINN OLIVIER HAMEL

Kien fl-​1975, meta kelli sentejn, li ommi ssuspettat għall-​ewwel darba li kien hemm xi ħaġa mhix flokha dwari. Waqt li ommi kienet qed iżżommni f’dirgħajha, ħabibitha waqqgħet xi ħaġa tqila mal-​art li għamlet ħoss kbir. Ommi indunat li jien lanqas biss teptipt għajnejja. Sakemm kelli tliet snin, kont għadni mhux kapaċi nitkellem. Imbagħad il-​familja tiegħi semgħet l-​aħbar xokkanti —l-​ispeċjalisti kkonfermaw li kont nieqes mis-​smigħ għalkollox.

Meta kont għadni żgħir ħafna, il-​ġenituri tiegħi ddivorzjaw u ommi kellha trabbi lili u lil ħuti akbar minni—żewġ subien u tifla—waħedha. F’dak iż-​żmien, it-​tfal neqsin mis-​smigħ fi Franza ma kinux jingħataw edukazzjoni bħalma jingħataw illum il-​ġurnata, u l-​metodi użati kultant kienu jirriżultaw f’ħafna sofferenza. Xorta waħda, minn tfuliti kelli vantaġġ li ħafna nies neqsin mis-​smigħ m’għandhomx. Ħalli nispjega.

Meta kelli madwar ħames snin

Għal xi żmien, ħafna edukaturi kienu jemmnu li tfal neqsin mis-​smigħ kellhom jiġu mgħallma jlissnu l-​kliem u jaqraw ix-​xofftejn. Infatti, fi Franza fejn trabbejt, l-​użu tas-​sinjali kien assolutament projbit fl-​iskola. Lil xi tfal neqsin mis-​smigħ saħansitra kienu jorbtulhom idejhom wara daharhom waqt il-​lezzjonijiet.

Għall-​ewwel ftit snin taʼ ħajti, qattajt diversi sigħat kull ġimgħa maʼ speċjalista mħarrġa biex ittejjeb il-​pronunzja (speech therapist). Kienet iżżommni mix-​xedaq jew minn rasi u għal darba wara l-​oħra niġi mġiegħel nagħmel ħsejjes li ma stajtx nismaʼ. Ma stajtx nikkomunika maʼ tfal oħrajn. Dawk kienu snin taʼ martirju għalija.

Imbagħad, meta kelli sitt snin, intbgħatt fi skola għal tfal neqsin mis-​smigħ. Għall-​ewwel darba, ġejt f’kuntatt maʼ tfal oħrajn neqsin mis-​smigħ. Hawnhekk ukoll, il-​lingwa tas-​sinjali kienet projbita. Jekk konna nagħmlu s-​sinjali fil-​klassi, konna nissograw li ningħataw daqqa fuq l-​għekiesi taʼ subgħajna jew li jiġbdulna xagħarna. Madankollu, konna nużaw is-​sinjali bil-​moħbi biex nikkomunikaw. Sa fl-​aħħar, stajt nikkomunika maʼ tfal oħrajn. U hekk bdew erbaʼ snin hienja.

Madankollu, meta kelli għaxar snin intbgħatt fi skola primarja taʼ tfal li jisimgħu. Kemm ħassejtni mdejjaq! Ħsibt li t-​tfal kollha neqsin mis-​smigħ kienu mietu u li jien kont l-​uniku fid-​dinja li bqajt ħaj. Peress li segwew il-​pariri tat-​tobba li beżgħu li stajt nitlef il-​benefiċċji tat-​taħriġ tal-​pronunzja, il-​familja tiegħi ma tgħallmitx il-​lingwa tas-​sinjali u ma tħallejtx nassoċja maʼ tfal neqsin mis-​smigħ. Għadni niftakar żjara għand speċjalista tas-​smigħ. Fuq id-​desk tiegħu kellu ktieb tal-​lingwa tas-​sinjali. Meta rajt l-​istampi fuq il-​qoxra, ippontajt lejn il-​ktieb u għedt, “Irridu dak!” It-​tabib minnufih ħeba l-​ktieb.a

BDEJT NITGĦALLEM IL-​VERITAJIET TAL-​BIBBJA

Ommi pprovat trabbina skont il-​prinċipji Kristjani. Kienet tiħodna l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ Mérignac tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, viċin Bordeaux. Taʼ tifel li kont ftit li xejn kont nifhem fil-​laqgħat. Madankollu, membri tal-​kongregazzjoni kienu joqogħdu darba kull wieħed ħdejja biex jiktbuli xi noti dwar dak li jkun qed jingħad. L-​imħabba u t-​tħassib tagħhom messewli qalbi. Id-​dar, ommi studjat il-​Bibbja miegħi, imma qatt ma fhimt għalkollox dak li kienet qed tgħallimni. Ħassejtni ftit bħall-​profeta Danjel li, wara li rċieva profezija minn anġlu, qal: “Jien smajt, imma ma stajtx nifhem.” (Danjel 12:8) Fil-​każ tiegħi kien, “Jien rajt, imma ma stajtx nifhem.”

Minkejja dan, il-​veritajiet bażiċi tal-​Bibbja bil-​mod il-​mod rabbew l-​għeruq fija. Kont ngħożż dak li kont nifhem sew u nipprova napplikah f’ħajti. Tgħallimt ukoll billi osservajt kif kienu jaġixxu l-​oħrajn. Pereżempju, il-​Bibbja tgħidilna biex inkunu paċenzjużi. (Ġakbu 5:7, 8) Dan ma tantx kellu tifsir għalija. Però, billi osservajt lil sħabi fit-​twemmin juru din il-​kwalità, stajt nifhem xi tfisser il-​paċenzja. Tabilħaqq, il-​kongregazzjoni Kristjana kienet taʼ benefiċċju kbir għalija.

DIŻAPPUNT IKRAH U SORPRIŻA MILL-​ISBAĦ

Stéphane għenni nifhem il-​Bibbja

Jum fost l-​oħrajn, meta kont adoloxxenti, fit-​triq rajt lil xi żgħażagħ neqsin mis-​smigħ jikkomunikaw bis-​sinjali. Bdejt nassoċja magħhom bil-​moħbi u bdejt nitgħallem il-​Lingwa tas-​Sinjali Franċiża. Komplejt nattendi l-​laqgħat Kristjani, fejn Xhud żagħżugħ, Stéphane, wera interess persunali fija. Hu għamel sforz kbir biex jikkomunika miegħi, u kelli rabta soda miegħu. Madankollu, kien hemm diżappunt ikrah jistennieni. Biex iżomm in-​newtralità Kristjana, Stéphane intbagħat il-​ħabs għax irrifjuta li jinqabad bil-​lieva. Kemm ħassejtni mdejjaq! Matul iż-​żmien li ma kienx hemm Stéphane, kont qtajt qalbi għalkollox u kważi waqaft nattendi l-​laqgħat.

Ħdax-​il xahar wara, Stéphane ġie meħlus u ġie lura d-​dar. Immaġina x’sorpriża ħadt meta Stéphane beda jikkomunika miegħi bil-​lingwa tas-​sinjali. Ma stajtx nemmen lil għajnejja! X’kien ġara? Fil-​ħabs, Stéphane kien tgħallem il-​lingwa tas-​sinjali. Bdejt nara l-​movimenti taʼ jdejh u l-​espressjonijiet taʼ wiċċu, u l-​eċċitament tiegħi żdied hekk kif bdejt naħseb x’se jkun ifisser dan kollu għalija.

FL-​AĦĦAR STAJT NIFHEM IL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA

Stéphane beda jistudja l-​Bibbja miegħi. Kien minn dakinhar ’il quddiem li jien bdejt ngħaqqad flimkien il-​veritajiet tal-​Bibbja li kont tgħallimt qabel. Meta kont żgħir, kont nieħu pjaċir inħares lejn l-​istampi sbieħ fil-​pubblikazzjonijiet Bibliċi tagħna, inqabbel il-​karattri, u neżamina kull dettall sabiex innaqqax l-​istejjer f’moħħi. Kont naf dwar Abraham, ‘nislu,’ u ‘l-​folla l-​kbira,’ imma kien biss meta rajt dawn spjegati bil-​lingwa tas-​sinjali li fhimt verament xi jfissru. (Ġenesi 22:15-​18; Rivelazzjoni 7:9) Kien evidenti li kont sibt il-​lingwa naturali tiegħi, il-​lingwa taʼ qalbi.

Issa li stajt nifhem dak li kien qed jingħad fil-​laqgħat, qalbi tqanqlet u l-​għatx li kelli għall-​għarfien kiber. Bl-​għajnuna taʼ Stéphane, il-​fehma tiegħi dwar il-​Bibbja kompliet tikber u fl-​1992, iddedikajt ħajti lil Alla Ġeħova u tgħammidt. Madankollu, minkejja l-​progress li kont għamilt, kont għadni mistħi u kien diffiċli għalija li nkun maʼ nies oħrajn minħabba li fi tfuliti ma stajtx nikkomunika.

IT-​TAQBIDA TIEGĦI KONTRA L-​MISTĦIJA

Eventwalment, il-​grupp żgħir taʼ persuni neqsin mis-​smigħ li kont fih ingħaqad maʼ kongregazzjoni f’Pessac, distrett taʼ Bordeaux. Dan kien t’għajnuna kbira għalija u bqajt nagħmel progress spiritwali. Għalkemm kont għadni nitħabat mal-​abbiltà limitata tiegħi biex nikkomunika, sħabi li mhumiex neqsin mis-​smigħ kienu jieħdu ħsieb li jien nifhem kollox. Koppja waħda, Gilles u Elodie, għamlu sforz speċjali biex jikkomunikaw miegħi. Spiss kienu jistidnuni għal xi ikla jew biex nieħu kikkra kafè magħhom wara l-​laqgħat, u b’hekk żviluppat ħbiberija mill-​aqwa. Xi privileġġ li tkun fost nies li jsegwu l-​mogħdijiet kollha mħabba t’Alla!

Marti, Vanessa, hi verament t’appoġġ għalija

Kien f’din il-​kongregazzjoni li ltqajt mal-​grazzjuża Vanessa. Inġbidt lejha għax kienet persuna sensittiva u kellha sens taʼ ġustizzja. Hi qatt ma qieset in-​nuqqas taʼ smigħ tiegħi bħala ostaklu imma, minflok, kienet tqisu bħala opportunità biex titgħallem tikkomunika maʼ persuna nieqsa mis-​smigħ. Sirt inħobbha, u żżewwiġna fl-​2005. Minkejja li għadni nsibha diffiċli biex nikkomunika sew, Vanessa għenitni noħroġ minn qoxorti u nesprimi lili nnifsi aħjar. Verament napprezza l-​appoġġ tagħha hekk kif nieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħi.

GĦOTJA OĦRA MINGĦAND ĠEĦOVA

Fis-​sena li żżewwiġna, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Louviers fi Franza stidinni biex immur nagħmel xahar nitħarreġ fix-​xogħol taʼ traduzzjoni. Fis-​snin reċenti, il-​fergħa bdiet taħdem iebes ħafna biex tipproduċi diversi pubblikazzjonijiet bil-​Lingwa tas-​Sinjali Franċiża fuq DVD. Imma b’iktar xogħol pjanat għal quddiem, it-​tim tat2201-​traduzzjoni kellu bżonn jissaħħaħ.

Nagħti taħdita Biblika bil-​Lingwa tas-​Sinjali Franċiża

Kemm jien kif ukoll Vanessa ħassejna li kien privileġġ kbir ħafna u għotja mingħand Alla Ġeħova li naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa, imma jkolli nammetti li konna xi ftit beżgħanin. X’kien se jsir minnu l-​grupp tal-​lingwa tas-​sinjali tagħna? X’konna se nagħmlu bid-​dar tagħna? Kienet Vanessa se ssib xogħol f’dawk l-​inħawi? B’mod meraviljuż, Ġeħova pprovda soluzzjoni għal kull problema. Tassew ħassejt l-​imħabba taʼ Ġeħova għalina u għan-​nies neqsin mis-​smigħ!

APPOĠĠAT MINN POPLU MAGĦQUD

Minħabba li kont involut fix-​xogħol taʼ traduzzjoni, nistaʼ nifhem aħjar dak kollu li qed isir biex tiġi provduta għajnuna spiritwali għan-​nies neqsin mis-​smigħ. U kemm kont nieħu pjaċir nara lil ħafna mill-​ħaddiema sħabi jipprovaw jikkomunikaw miegħi! Jien grat ħafna għall-​fatt li jitgħallmu ftit sinjali u jipprovaw jużawhom. Ma nħossnix bħal ħuta barra mill-​ilma, anzi ’l bogħod minn hekk. Dawn l-​espressjonijiet kollha taʼ mħabba huma turija tal-​unità straordinarja fost il-​poplu taʼ Ġeħova.—Salm 133:1.

Naħdem fid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni fl-​uffiċċju tal-​fergħa

Jien grat lejn Ġeħova li permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana dejjem għamel ċert li kien hemm xi ħadd biex jgħinni. Napprezza wkoll l-​irwol żgħir li kelli f’li ngħin lil sħabi li huma neqsin mis-​smigħ isiru jafu lill-​Ħallieq kollu mħabba tagħna u jersqu qrib tiegħu. Inħares ’il quddiem għall-​jum meta jitneħħew l-​ostakli kollha għall-​komunikazzjoni u lkoll nitkellmu l-​“lingwa pura”—il-​verità dwar Alla Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu—bħala parti minn familja umana magħquda.—Sofonija 3:9.

a Kien biss fl-​1991 li l-​gvern Franċiż awtorizza uffiċjalment l-​użu tal-​lingwa tas-​sinjali fl-​edukazzjoni tat-​tfal neqsin mis-​smigħ.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja