LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/1 pp. 12-13
  • ‘Mill-Muntanji Taqta’ r-Ram Aħmar’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Mill-Muntanji Taqta’ r-Ram Aħmar’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SITI TAR-​RAM AĦMAR FL-​ART IMWIEGĦDA
  • L-​UŻU TAR-​RAM AĦMAR F’IŻRAEL TAL-​QEDEM
  • IR-​RAM AĦMAR TAS-​SULTAN SALAMUN
  • Is-Serp tar-Ram Aħmar
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/1 pp. 12-13

‘Mill-​Muntanji Taqtaʼ r-​Ram Aħmar’

Tim arkeoloġiku kien qed ifittex bir-​reqqa fil-​widien dojoq u l-​għerien fix-​xagħri taʼ Ġuda meta xi membri tat-​tim inzertaw għar fl-​għoli fuq preċipizju. Kienu se jsibu xi ħaġa taʼ valur fih? Forsi xi artefatti jew xi manuskritti antiki bħar-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet? Baqgħu mistagħġbin meta skoprew teżor taʼ veru li iktar tard ġie msejjaħ it-​teżor taʼ Nahal Mishmar.

MOĦBIJA f’xaqq fil-​blat u mgeżwra f’tapit tat-​tiben, dik il-​kollezzjoni, li nstabet f’Marzu tal-​1961, kien fiha mal-​400 oġġett, il-​maġġoranza minnhom magħmulin mir-​ram aħmar. Fosthom kien hemm diversi kuruni, xettri, għodda, mazez, u armi oħrajn. Is-​sejba hi taʼ interess għall-​qarrejja tal-​Bibbja minħabba li Ġenesi 4:22 jirreferi għal Tubal-​kajjin bħala “ħaddied [li] jaħdem kull xorta taʼ għodda tar-​ram aħmar u tal-​ħadid.”

Għad hemm ħafna mistoqsijiet dwar l-​oriġini u l-​isfond taʼ dan it-​teżor. Però, l-​iskoperta tiegħu tindika li t-​tħaffir fil-​minjieri, it-​tidwib, u l-​fonditura tar-​ram kienu ilhom magħrufin f’artijiet Bibliċi minn żmien żemżem.

SITI TAR-​RAM AĦMAR FL-​ART IMWIEGĦDA

Meta l-​Iżraelin kienu fuq l-​għatba tal-​Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Mill-​muntanji taqtaʼ r-​ram aħmar.” (Dewteronomju 8:7-​9) F’Iżrael u l-​Ġordan, l-​arkeoloġi skoprew numru taʼ siti taʼ minjieri u funderiji, bħal pereżempju Feinan, Timna, u Khirbat en-​Nahas. X’jirrivelaw dawn is-​siti?

Il-​pajsaġġ f’Feinan u f’Timna hu miżgħud b’ħofor baxxi, li minnhom ħaddiema tal-​minjieri ħadu r-​ram fuq medda taʼ mill-​inqas 2,000 sena. Sal-​lum, viżitatur jistaʼ jsib biċċiet tal-​ġebel imxerrdin ’l hawn u ’l hemm ittikkjati bl-​aħdar tar-​ram. Il-​ħaddiema tal-​minjieri kienu jqattgħu wiċċ il-​blat bi skriepel u għodda oħra magħmulin mill-​ħaġar biex joħorġu r-​ram minn vini viżibbli. Meta dawn is-​sorsi kienu jispiċċaw, kienu jħaffru iktar fil-​fond bl-​użu taʼ għodda tal-​ħadid, ikabbru l-​għerien u jħaffru xaftijiet fondi u mini. Fil-​ktieb Bibliku taʼ Ġob insibu deskrizzjoni tax-​xogħol f’minjieri bħal dawn. (Ġob 28:2-​11) Dan kien xogħol fiżiku iebes; fil-​fatt, mit-​tielet sal-​ħames seklu W.K., l-​awtoritajiet Rumani kienu jibagħtu lill-​agħar kriminali u priġunieri oħrajn jaħdmu fil-​minjieri tar-​ram aħmar f’Feinan.

F’Khirbat en-​Nahas (li jfisser “Fdalijiet tar-​Ram”) hemm munzelli daqsiex taʼ materjal skart li jiġi mit-​tidwib tal-​metall. Dan jagħti x’jifhem li hemmhekk kien isir tidwib tar-​ram aħmar fuq skala industrijali. Studjużi jaħsbu li l-​minerali kienu jinġiebu hemmhekk minn minjieri fil-​qrib, bħalma huma dawk taʼ Feinan u Timna. Biex jinfired ir-​ram aħmar mill-​minerali, pajpijiet tal-​arja u mniefaħ li jitħaddmu bis-​saqajn kienu jintużaw biex it-​temperatura tan-​nirien tal-​faħam togħla għal madwar 1,200 grad Celsius għal bejn tmien u għaxar sigħat. Ġeneralment kien ikun hemm bżonn taʼ 5 kilogrammi minerali biex jiġi prodott kilo taʼ ingotti tar-​ram aħmar, li bihom imbagħad setgħu jsiru diversi affarijiet.

L-​UŻU TAR-​RAM AĦMAR F’IŻRAEL TAL-​QEDEM

Fuq il-​Muntanja Sinaj, Alla Ġeħova speċifikament ta istruzzjonijiet li dan il-​metall ileqq li nkiseb mill-​minjieri tal-​lokal jintuża fil-​bini tat-​tabernaklu, u iktar tard it-​tempju f’Ġerusalemm inbena fuq l-​istess mudell. (Eżodu, kapitlu 27) L-​Iżraelin għandhom mnejn kienu jafu jaħdmu l-​metall qabel ma marru l-​Eġittu jew forsi tgħallmu meta kienu hemm. Sa żmien l-​Eżodu, kienu kapaċi jagħmlu għoġol minn metall imdewweb. Kienu wkoll kapaċi jagħmlu l-​ħafna oġġetti tar-​ram aħmar li kien hemm bżonn għas-​servizz tat-​tabernaklu—bħal pereżempju, il-​vaska l-​kbira, borom, kzazel, pali, u frieket.—Eżodu 32:4.

Iktar tard fil-​vjaġġ li kellhom fix-​xagħri, forsi qrib Punon (aktarx Feinan tal-​lum), inħawi fejn jinstab ħafna ram aħmar, in-​nies gergru dwar il-​manna u n-​nuqqas taʼ ilma. Bħala kastig, Ġeħova bagħat sriep velenużi u mietu ħafna nies. Wara li l-​Iżraelin nidmu, Mosè qabeż għalihom, u Ġeħova qallu biex jagħmel xbieha taʼ serp tar-​ram aħmar u jgħolliha maʼ arblu. L-​istorja tgħid: “Ġara li meta serp kien jigdem lil xi ħadd u dan iħares lejn is-​serp tar-​ram aħmar, imbagħad kien jibqaʼ ħaj.”—Numri 21:4-​10; 33:43.

IR-​RAM AĦMAR TAS-​SULTAN SALAMUN

Ħafna partijiet mit-​tempju taʼ Ġerusalemm kienu magħmulin mir-​ram aħmar

Is-​Sultan Salamun uża ammont kbir taʼ ram aħmar biex iforni t-​tempju f’Ġerusalemm. Ħafna minnu kien akkwistah missieru, David, mill-​konkwisti tiegħu fuq is-​Sirja. (1 Kronaki 18:6-​8) Il-​“baħar mill-​metall imdewweb” magħmul mir-​ram aħmar, vaska daqsiex użata mill-​qassisin għall-​ħasil, kien jesaʼ 66,000 litru u setaʼ kien jiżen mat-​30 tunnellata. (1 Slaten 7:23-​26, 44-​46) Imbagħad kien hemm iż-​żewġ pilastri ġganteski li kienu weqfin fid-​daħla għat-​tempju. Kienu għoljin 8 metri, u fuqhom kellhom kaptelli li kienu għoljin xi 2.2 metri. Il-​pilastri kienu vojta minn ġewwa, bi ħxuna taʼ 7.5 ċentimetri, u kellhom dijametru taʼ 1.7 metru. (1 Slaten 7:15, 16; 2 Kronaki 4:17) Tibqaʼ mistagħġeb meta taħseb dwar l-​ammont taʼ ram aħmar użat f’dawn l-​oġġetti biss.

Ir-​ram aħmar kien jintuża spiss ukoll fil-​ħajja taʼ kuljum min-​nies fi żminijiet Bibliċi. Pereżempju, naqraw dwar armi, ktajjen, strumenti mużikali, u bibien magħmulin mir-​ram aħmar. (1 Samwel 17:5, 6; 2 Slaten 25:7; 1 Kronaki 15:19; Salm 107:16) Ġesù tkellem dwar flus “tar-​ram aħmar” fil-​but tal-​ħżiem, u l-​appostlu Pawlu semma lil “Alessandru li jaħdem ir-​ram aħmar.”—Mattew 10:9; 2 Timotju 4:14.

Baqaʼ ħafna mistoqsijiet dwar xiex iħabblu moħħhom l-​arkeoloġi u l-​istorjografi rigward is-​sorsi kbar tar-​ram aħmar fi żminijiet Bibliċi, kif ukoll il-​misteru tat-​teżor taʼ Nahal Mishmar. Madankollu, jibqaʼ l-​fatt, kif ikkonfermat mir-​rekord Bibliku, li l-​art li wirtu l-​Iżraelin kienet verament ‘art tajba, . . . u [li] mill-​muntanji tagħha kellhom jaqtgħu r-​ram aħmar.’—Dewteronomju 8:7-​9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja