LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 2/15 pp. 8-12
  • Thennew għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Thennew għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĦWEJĠU JFUĦU
  • L-​GĦARUSA MĦEJJIJA GĦAT-​TIEĠ
  • L-​GĦARUSA “TINĠIEB GĦAND IS-​SULTAN”
  • “WASAL IŻ-​ŻWIEĠ”
  • “SE JINĠIEBU BL-​HENA”
  • “FLOK MISSIRIJIETEK SE JKUN HEMM ULIEDEK”
  • IMQANQLIN BIEX NAGĦMLU ISEM IS-​SULTAN MAGĦRUF
  • “Ħalli Kulmin Jismaʼ Jgħid: ‘Ejja!’”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 2/15 pp. 8-12
L-​għarus iżomm id l-​għarusa tiegħu

Thennew għax wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf!

“Ħa nithennew u nifirħu bil-​kbir . . . għax wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf.”—RIV. 19:7.

PUNTI PRINĊIPALI X’NIFTAKRU

  • Fiż-​żwieġ tal-​Ħaruf, min hi l-​għarusa, u Kristu kif ħejjieha għat-​tieġ?

  • Iż-​żwieġ tal-​Ħaruf meta se jsir?

  • Kif nafu li n-​“nagħaġ oħrajn” se jieħdu sehem fil-​ferħ universali minħabba ż-​żwieġ tal-​Ħaruf?

1, 2. (a) Iż-​żwieġ taʼ min se jikkaġuna ħafna ferħ fis-​sema? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

DEJJEM tieħu l-​ħin biex tipprepara għal tieġ. Imma se niffokaw fuq tieġ speċjali ferm—wieħed irjali. Immaġina ftit! Ilhom isiru tħejjijiet għalih xi elfejn sena. Issa, iż-​żmien riesaq bil-​ħeffa biex l-​għarus jingħaqad mal-​għarusa tiegħu. Dalwaqt il-​palazz tas-​Sultan se jimtela b’mużika ferriħija, u ilħna mis-​smewwiet se jkantaw: “Faħħru lil Jah, għax Ġeħova Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jsaltan. Ħa nithennew u nifirħu bil-​kbir, u ħa nagħtuh il-​glorja, għax wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf, u martu ħejjiet ruħha.”—Riv. 19:6, 7.

2 “Il-​Ħaruf” li ż-​żwieġ tiegħu se jikkaġuna ħafna ferħ fis-​sema mhu ħadd ħlief Ġesù Kristu. (Ġw. 1:29) Kif inhu liebes għat-​tieġ? Min hi l-​għarusa tiegħu? Kif tħejjiet għat-​tieġ? Meta se jiżżewġu? Dan iż-​żwieġ se jikkaġuna l-​ferħ fis-​sema, imma se jkunu ferħanin ukoll dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art? B’ħerqa kbira, se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet hekk kif inkomplu neżaminaw Salm 45.

ĦWEJĠU JFUĦU

3, 4. (a) Is-​salmista x’jgħid dwar il-​ħwejjeġ tat-​tieġ tal-​Għarus, u xi jġiegħlu jifraħ saħansitra iktar? (b) Min huma “l-​bniet tas-​slaten” u “mart is-​sultan” li jifirħu mal-​Għarus?

3 Aqra Salm 45:8, 9. L-​Għarus, Ġesù Kristu, jilbes il-​ħwejjeġ irjali tat-​tieġ. Ħwejġu għandhom riħa pjaċevoli bħal dik tal-​“aqwa fwejjaħ,” bħal pereżempju l-​mirra u l-​kassja, li kienu fost l-​ingredjenti taż-​żejt tad-​dlik qaddis li kien jintuża f’Iżrael.—Eżo. 30:23-​25.

4 Il-​mużika mill-​isbaħ fil-​palazz tal-​Għarus iżżidlu l-​ferħ hekk kif joqrob iż-​żmien biex jiżżewweġ. Ferħana wkoll hi “mart is-​sultan,” il-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fis-​sema, li tinkludi “l-​bniet tas-​slaten,” jiġifieri, l-​anġli qaddisin. Ilħna mis-​sema jgħidu: “Ħa nithennew u nifirħu bil-​kbir . . . għax wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf.”

L-​GĦARUSA MĦEJJIJA GĦAT-​TIEĠ

5. Min hi “l-​mara tal-​Ħaruf”?

5 Aqra Salm 45:10, 11. Nafu min hu l-​Għarus, imma min hi l-​għarusa tiegħu? Mhijiex persuna letterali. Minflok, tirrappreżenta lill-​grupp kollu tal-​144,000 Kristjan midluk. Ġesù hu l-​kap taʼ din il-​kongregazzjoni midluka. (Aqra Efesin 5:23, 24.) Dawn il-​midlukin se jsiru parti mis-​Saltna t’Alla maħkuma mill-​Messija. (Lq. 12:32) Dawn il-​144,000 Kristjan midluk bl-​ispirtu “jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf kulfejn imur.” (Riv. 14:1-​4) Isiru “l-​mara tal-​Ħaruf,” u joqogħdu miegħu ġo daru fis-​sema.—Riv. 21:9; Ġw. 14:2, 3.

6. Il-​midlukin għala jissejħu “bint is-​sultan,” u għala jintqalilhom biex ‘jinsew lil nieshom’?

6 Minbarra li tissejjaħ “O bint,” l-​għarusa tissejjaħ ukoll “bint is-​sultan.” (Salm 45:13) Dan “is-​sultan” min hu? Il-​Kristjani midlukin huma adottati bħala “wlied” Ġeħova. (Rum. 8:15-​17) Ladarba se jsiru għarusa fis-​sema, il-​midlukin jintqalilhom: ‘Insew lil nieskom u ’l dar missierkom.’ Għandhom iżommu moħħhom “fiss fuq l-​affarijiet taʼ fuq, mhux fuq dawk taʼ l-​art.”—Kol. 3:1-​4.

7. (a) Kristu kif kien qed iħejji lill-​għarusa futura tiegħu? (b) L-​għarusa kif tħares lejn l-​Għarus futur tagħha?

7 Għal ħafna sekli, Kristu kien qed iħejji lill-​għarusa futura tiegħu għaż-​żwieġ fis-​sema. L-​appostlu Pawlu spjega li Kristu “ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha, biex iqaddisha, u jaħsilha bil-​banju taʼ l-​ilma permezz tal-​kelma, sabiex il-​kongregazzjoni jagħmilha tidher quddiemu fil-​ġmiel kollu tagħha, bla ebda tebgħa jew tikmix jew ħaġa oħra bħal dawn, imma sabiex tkun qaddisa u bla difett.” (Efes. 5:25-​27) Pawlu qal lill-​Kristjani midlukin f’Korintu tal-​qedem: “Jien għajjur għalikom b’għira bħal dik t’Alla, għax jien stess wegħedtkom fiż-​żwieġ lil għarus wieħed biex nippreżentakom bħala verġni safja lill-​Kristu.” (2 Kor. 11:2) Is-​Sultan Ġesù Kristu japprezza ‘s-​sbuħija’ spiritwali tal-​għarusa futura tiegħu. U l-​għarusa tirrikonoxxih bħala ‘sidha’ u ‘tmil quddiemu’ bħala r-​raġel futur tagħha.

L-​GĦARUSA “TINĠIEB GĦAND IS-​SULTAN”

8. Għala hu xieraq li l-​għarusa tiġi deskritta bħala li hi “glorjuża ferm”?

8 Aqra Salm 45:13, 14a. L-​għarusa tidher “glorjuża ferm” għat-​tieġ irjali. F’​Rivelazzjoni 21:2, l-​għarusa tiġi mxebbha maʼ belt, Ġerusalemm il-​Ġdida, u hi “mżejna għal żewġha.” Din il-​belt fis-​sema għandha “l-​glorja t’Alla” u tiddi “bħal ħaġra l-​iktar prezzjuża, bħal ħaġra tad-​djaspru tleqq daqs il-​kristall.” (Riv. 21:10, 11) Il-​ġmiel taʼ Ġerusalemm il-​Ġdida jiġi deskritt b’mod mill-​isbaħ fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. (Riv. 21:18-​21) Mhux taʼ b’xejn li s-​salmista jgħid li l-​għarusa hi “glorjuża ferm”! Wara kollox, it-​tieġ irjali qed iseħħ fis-​sema.

9. Min hu “s-​sultan” li tinġieb għandu l-​għarusa, u l-​għarusa kif inhi mlibbsa?

9 L-​għarusa tinġieb għand l-​Għarus tagħha, is-​Sultan Messjaniku. Hu ħejjieha billi ħasilha “bil-​banju taʼ l-​ilma permezz tal-​kelma.” Hi “qaddisa u bla difett.” (Efes. 5:26, 27) Ukoll, l-​għarusa tiegħu trid tkun imlibbsa sew għall-​okkażjoni. U hekk hu, għax “se tinġieb għand is-​sultan” bi ħwejjeġ “irrakkmati bid-​deheb” u “bi lbies minsuġ.” Għaż-​żwieġ tal-​Ħaruf “ngħatalha li tiżżejjen b’għażel fin, nadif, u jiddi, għax l-​għażel fin jirrappreżenta l-​atti ġusti tal-​qaddisin.”—Riv. 19:8.

“WASAL IŻ-​ŻWIEĠ”

10. Iż-​żwieġ tal-​Ħaruf meta se jsir?

10 Aqra Rivelazzjoni 19:7. Iż-​żwieġ tal-​Ħaruf meta se jsir? Għalkemm “martu ħejjiet ruħha” għaż-​żwieġ, dak li jintqal wara ma jiddeskrivix it-​tieġ innifsu. Minflok, jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-​fażi finali tat-​tribulazzjoni l-​kbira. (Riv. 19:11-​21) Ifisser dan li ż-​żwieġ se jsir qabel ma s-​Sultan itemm ir-​rebħa tiegħu? Le. Il-​viżjonijiet fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni mhumiex miktubin f’ordni kronoloġiku. F’Salm 45, it-​tieġ irjali jsir wara li s-​Sultan Ġesù Kristu jħażżem sejfu u jmur biex jirbaħ kontra l-​għedewwa tiegħu.—Salm 45:3, 4.

11. Kristu f’liema ordni se jtemm ir-​rebħa tiegħu?

11 Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li l-​ġrajjiet se jseħħu f’dan l-​ordni: L-​ewwel, “il-​prostituta l-​kbira,” Babilonja l-​Kbira, jiġifieri, ir-​reliġjon falza kollha, se tinqered. (Riv. 17:1, 5, 16, 17; 19:1, 2) Imbagħad Kristu se jmur jeqred il-​bqija tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana hawn fuq l-​art billi jeqridha f’Armageddon, il-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14-​16; 19:19-​21) Fl-​aħħar, is-​Sultan se jtemm ir-​rebħa tiegħu billi jixħet lil Satana u d-​demonji tiegħu fl-​abbiss fejn ma se jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lil ħadd. Ikun bħallikieku mietu.—Riv. 20:1-​3.

12, 13. (a) Iż-​żwieġ tal-​Ħaruf meta se jsir? (b) Fis-​sema, min se jifraħ minħabba ż-​żwieġ tal-​Ħaruf?

12 Fl-​aħħar jiem, il-​Kristjani midlukin li jibqgħu leali sal-​mewt jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema. Xi żmien wara l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, Ġesù se jiġbor għandu l-​kumplament tal-​midlukin li jifformaw l-​għarusa. (1 Tess. 4:16, 17) Għaldaqstant, qabel ma tfaqqaʼ l-​gwerra t’Armageddon, il-​membri kollha tal-​“għarusa” se jkunu fis-​sema. Wara dik il-​gwerra, iż-​żwieġ tal-​Ħaruf jistaʼ jsir. Kemm se jkun okkażjoni taʼ hena dan iż-​żwieġ! Rivelazzjoni 19:9 jgħid: “Henjin dawk li huma mistidnin għall-​ikla taʼ fil-​għaxija taż-​żwieġ tal-​Ħaruf.” Tabilħaqq, l-​għarusa se tkun hienja ħafna. U s-​Sultan se jithenna għax l-​għadd sħiħ tal-​imseħbin irjali tiegħu b’mod simboliku se jkunu qed ‘jieklu u jixorbu fuq il-​mejda tiegħu f’saltnatu.’ (Lq. 22:18, 28-​30) Madanakollu, mhux l-​Għarus u l-​għarusa biss se jithennew minħabba ż-​żwieġ tal-​Ħaruf.

13 Bħalma semmejna qabel, fis-​smewwiet l-​anġli f’daqqa se jkantaw: “Ħa nithennew u nifirħu bil-​kbir, u ħa nagħtuh il-​glorja [lil Ġeħova], għax wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf, u martu ħejjiet ruħha.” (Riv. 19:6, 7) Iżda, xi ngħidu għall-​qaddejja taʼ Ġeħova fuq l-​art? Se jifirħu huma wkoll?

“SE JINĠIEBU BL-​HENA”

14. Bħalma jissemma f’​Salm 45, min huma “t-​tfajliet verġni” tal-​għarusa?

14 Aqra Salm 45:12, 14b, 15. Il-​profeta Żakkarija bassar li fi żmien it-​tmiem, in-​nies tal-​ġnus bi gratitudni se jissieħbu mal-​fdal t’Iżrael spiritwali. Hu kiteb: “Għad iseħħ f’dawk il-​jiem li għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus se jaqbdu, iva, se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’” (Żak. 8:23) F’Salm 45:12, dawn l-​“għaxart irġiel” simboliċi jissejħu “bint Tir” u “l-​għonja tal-​poplu.” Huma jiġu għand il-​fdal midluk b’għotjiet, u “jfittxu l-​approvazzjoni” u l-​għajnuna spiritwali tagħhom. Mill-​1935, miljuni taʼ nies ħallew lill-​fdal ‘iwassluhom lejn is-​sewwa.’ (Dan. 12:3) Dawn l-​imseħbin leali tal-​Kristjani midlukin naddfu ħajjithom, u b’hekk saru verġni spiritwali. Dawn “it-​tfajliet verġni” tal-​għarusa, il-​folla l-​kbira taʼ nagħaġ oħrajn, iddedikaw ruħhom lil Ġeħova u wrew li huma sudditi leali tas-​Sultan Ġesù Kristu.

15. “It-​tfajliet verġni” kif ħadmu flimkien mal-​fdal tal-​midlukin li għad hawn fuq l-​art?

15 Il-​fdal tal-​midlukin kienu partikularment grati lejn dawn “it-​tfajliet verġni” għall-​għajnuna żeluża tagħhom f’li jippritkaw “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” fl-​art abitata kollha. (Mt. 24:14) “L-​ispirtu u l-​għarusa” mhumiex l-​uniċi wħud li qed “jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’” imma anki dawk li jisimgħu jgħidu: “Ejja!” (Riv. 22:17) Iva, in-​“nagħaġ oħrajn” semgħu lill-​midlukin jgħidu “Ejja!” u ngħaqdu magħhom f’li jgħidu “Ejja!” lill-​abitanti tal-​art.—Ġw. 10:16.

16. Ġeħova ta lin-​nagħaġ oħrajn liema privileġġ?

16 Il-​fdal tal-​midlukin iħobbu lil sħabhom u huma ferħanin li jkunu jafu li Missier l-​Għarus, Ġeħova, ta lin-​nagħaġ oħrajn fuq l-​art il-​privileġġ li jithennew ukoll minħabba ż-​żwieġ tal-​Ħaruf li se jsir fis-​sema. Kien imbassar li dawn “it-​tfajliet verġni” kienu “se jinġiebu bl-​hena u bil-​ferħ.” Iva, in-​nagħaġ oħrajn, li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art, se jifirħu flimkien mal-​univers kollu meta ż-​żwieġ tal-​Ħaruf isir fis-​sema. Bix-​xieraq, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jirrappreżenta lill-​membri tal-​‘folla l-​kbira’ bħala li huma “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.” Huma jagħtu lil Ġeħova servizz sagru fil-​bitħa tat-​tempju spiritwali tiegħu fuq l-​art.—Riv. 7:9, 15.

It-​tfajliet verġni tal-​għarusa jifirħu

“It-​tfajliet verġni” tal-​għarusa se jithennew minħabba ż-​żwieġ tal-​Ħaruf (Ara paragrafu 16)

“FLOK MISSIRIJIETEK SE JKUN HEMM ULIEDEK”

17, 18. (a) Iż-​żwieġ tal-​ħaruf iġib liema barkiet? (b) Kristu għal min se jsir missier matul ir-​Renju Millennjali tiegħu?

17 Aqra Salm 45:16. “It-​tfajliet verġni” tal-​għarusa taʼ Kristu fis-​sema se jkollhom raġuni oħra biex jifirħu meta jaraw li ż-​żwieġ iġib barkiet fid-​dinja l-​ġdida. Is-​Sultan Ġesù Kristu se jitfaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuq l-​art u se jirxoxta lil ‘missirijietu,’ jiġifieri, l-​antenati li kellu meta għex fuq l-​art. Peress li se jġibhom lura għall-​ħajja, dawn se jsiru “wliedu” fuq l-​art. (Ġw. 5:25-​29; Ebr. 11:35) Minn fost dawn se jaħtar “prinċpijiet fl-​art kollha.” Bla dubju, Kristu se jaħtar lil oħrajn minn fost l-​anzjani leali taʼ żmienna biex jieħdu t-​tmexxija fid-​dinja l-​ġdida.—Is. 32:1.

18 Matul ir-​Renju Millennjali tiegħu, Kristu se jsir missier għal oħrajn ukoll. Infatti, l-​abitanti kollha tal-​art li jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem se jiksbuha għax jeżerċitaw il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. (Ġw. 3:16) B’hekk, isir il-​“Missier Etern” tagħhom.—Is. 9:6, 7.

IMQANQLIN BIEX NAGĦMLU ISEM IS-​SULTAN MAGĦRUF

19, 20. Il-​ġrajjiet eċċitanti msemmijin f’​Salm 45, kif jeffettwaw il-​Kristjani veri kollha llum?

19 Aqra Salm 45:1, 17. Tabilħaqq, il-​ġrajjiet imniżżlin f’Salm 45 jikkonċernaw lill-​Kristjani kollha. Il-​fdal tal-​midlukin fuq l-​art jitgħaxxqu jkunu jafu li dalwaqt se jkunu magħqudin maʼ ħuthom fis-​sema u mal-​Għarus tagħhom. In-​nagħaġ oħrajn jitqanqlu biex ikomplu jkunu sottomessi lejn is-​Sultan glorjuż tagħhom u huma grati għall-​privileġġ taʼ li jkunu mseħbin mal-​fdal tal-​membri tal-​għarusa tiegħu fuq l-​art. Il-​barkiet li Kristu u l-​għarusa tiegħu se jagħtu lill-​bnedmin kollha wara li jiżżewġu se jkunu bil-​wisq iktar meraviljużi milli qatt nistgħu nimmaġinaw.—Riv. 7:17; 21:1-​4.

20 Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn it-​twettiq tal-​“ħaġa tajba” rigward is-​Sultan Messjaniku, m’aħniex imqanqlin biex ‘insemmu ismu,’ jew nagħmluh magħruf? Jalla nkunu fost dawk li se ‘jfaħħru lis-​Sultan għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja