L-ipokresija!—Tgħid għad tispiċċa?
PANAYIOTA trabbiet fuq gżira fil-Mediterran. Meta kienet żagħżugħa, interessat ruħha ħafna fil-politika. Iżjed tard saret is-segretarja taʼ partit politiku fir-raħal fejn kienet toqgħod. Saħansitra marret minn dar għal dar biex tiġbor il-flus għall-partit. Madankollu, maż-żmien, Panayiota ddiżappuntat ruħha. Kien hemm ħafna nepotiżmu, ambizzjoni, nuqqas taʼ qbil, u għira minkejja li l-membri tal-partit kienu jsejħu lil xulxin ħbieb.
Daniel trabba f’familja reliġjuża ħafna fl-Irlanda. Imma, b’dispjaċir, għandu memorji ċari tal-ipokresija tal-qassisin li kienu jixorbu ħafna, jilagħbu l-flus, u jisirqu mis-sassla, u fl-istess ħin jippritkawlu dwar li se jinħaraq fl-infern jekk jidneb.
Jeffery qattaʼ ħafna snin jaħdem f’reklamar u bejgħ għal nies fir-Renju Unit u l-Istati Uniti li għandhom vapuri madwar id-dinja. Hu jiftakar ħafna drabi meta klijenti u kompetituri kienu jirrikorru għall-frodi huma u jinnegozjaw maʼ uffiċjali governattivi. B’ipokresija, kienu lesti jgħidu kważi kollox biex jieħdu kuntratt.
B’dispjaċir, dawn mhumiex każijiet rari. Illum il-ġurnata l-ipokresija hi komuni ħafna fi kważi kull qasam t’attività tal-bniedem—politiku, reliġjuż, u kummerċjali. Il-kelma “ipokrita” ġejja minn għerq bil-Grieg li jirreferi għal kelliem jew attur tal-palk, li spiss ikun liebes maskra. Maż-żmien, il-kelma saret tirreferi għal kull min jaġixxi b’tali mod li jqarraq b’ħaddieħor jew jippromwovi xi miri egoistiċi.
L-ipokresija tistaʼ tqajjem emozzjonijiet qawwijin f’dawk effettwati minnha, inkluż l-imrar, ir-rabja, u r-riżentiment. Frustrati, il-vittmi għandhom mnejn jgħidu: “L-ipokresija! Tgħid għad tispiċċa?” Il-Kelma t’Alla tagħtina raġunijiet biex nemmnu li se tispiċċa.
KIF ALLA U IBNU JQISU L-IPOKRESIJA
Skont il-Bibbja, l-ipokresija ma nbdietx fost il-bnedmin, imma nbdiet minn ħliqa spirtu li ma jidhirx. Kmieni fl-istorja tal-bnedmin, Satana x-Xitan uża serp bħala maskra u għamilha taʼ wieħed li jixtieq il-ġid lil ħaddieħor sabiex iqarraq bl-ewwel mara, Eva. (Ġenesi 3:1-5) Minn dakinhar, ħafna bnedmin bl-istess mod għamluha tabirruħhom li huma xi ħadd li mhumiex, u għamlu dan biex iqarrqu b’ħaddieħor u biex jiksbu miri egoistiċi.
Meta l-poplu tal-Iżrael tal-qedem waqaʼ fin-nassa tal-qima falza u l-ipokresija spiritwali, Alla wissiehom ripetutament dwar il-konsegwenzi. Permezz tal-profeta Isaija, Alla Ġeħova ddikjara: “Dan il-poplu resaq qrib b’fommu, u gglorifikani biss b’xofftejh, u biegħed qalbu minni.” (Isaija 29:13) Meta l-poplu naqas li jindem, Alla ħalla popli b’saħħithom oħra jeqirdu ċ-ċentru taʼ qima tal-Iżrael—Ġerusalemm u t-tempju tagħha—l-ewwel mill-Babiloniżi, fis-sena 607 QK, u iżjed tard mir-Rumani, fis-sena 70 WK. Jidher ċar li Alla ma jittollerax l-ipokresija għal dejjem.
Mill-banda l-oħra, Alla u Ibnu, Ġesù, japprezzaw ħafna lill-bnedmin li huma onesti u sinċieri. Pereżempju, meta Ġesù beda l-ministeru tiegħu, avviċinah raġel jismu Natanjel. Malli rah, Ġesù qal: “Ara, Israeli fil-veru sens tal-kelma, li fih m’hemm ebda qerq.” (Ġwanni 1:47) Natanjel, magħruf ukoll bħala Bartilmew, sar wieħed mit-12-il appostlu taʼ Ġesù.—Luqa 6:13-16.
Ġesù qattaʼ l-ħin mas-segwaċi tiegħu u għallimhom kif jaħseb Alla. L-ipokresija ma kellu jkollha l-ebda post fosthom. Bħala twissija, Ġesù bis-saħħa kkundanna l-prattiki ipokriti tal-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien. Ara x’kienu jagħmlu:
Kienu jagħmlu “s-sewwa” bl-iffanfrar. Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti li s-sewwa li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-nies, biex tidhru . . . bħalma jagħmlu l-ipokriti.” Qalilhom ukoll biex jagħtu għotjiet taʼ ħniena “fil-moħbi,” jew b’mod diskret. Kellhom jitolbu fil-privat, mhux biex jidhru. Imbagħad il-qima tagħhom kienet tkun ġenwina u apprezzata minn Missieru.—Mattew 6:1-6.
Kienu pronti biex jikkritikaw. Ġesù qal: “Ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.” (Mattew 7:5) Billi wieħed jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet taʼ ħaddieħor filwaqt li għandu nuqqasijiet ikbar hu stess, jagħmel lilu nnifsu jidher li hu xi ħaġa li mhuwiex. Għax, fir-realtà, ‘kollha nidinbu u nonqsu milli nilħqu l-glorja t’Alla.’—Rumani 3:23.
Kellhom motivi ħżiena f’qalbhom. Darba, id-dixxipli tal-Fariżej u l-partitarji taʼ Erodi staqsew lil Ġesù mistoqsija dwar it-taxxa. Użaw kliem melliesi u qalu lil Ġesù: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità u tgħallem it-triq t’Alla fil-verità.” Imbagħad ipprovaw jonsbuh billi staqsewh: “Huwa skond il-liġi li tħallas it-taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le?” Ġesù wieġeb: “Għala tipprovawni, ipokriti?” Ġesù kellu raġun isejħilhom ipokriti għax mhux veru riedu tweġiba għall-mistoqsija tagħhom imma kienu qed jipprovaw “jonsbuh fi kliemu.”—Mattew 22:15-22.
Il-verità u l-onestà ffjorixxiet meta bdiet il-kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste tas-sena 33 WK. Il-Kristjani veri ħadmu iebes biex jeqirdu tendenzi ipokriti mill-personalità tagħhom. Pereżempju, Pietru, wieħed mit-12-il appostlu, ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex ikollhom “ubbidjenza . . . lejn il-verità, u b’hekk . . . affezzjoni lejn l-aħwa mingħajr ipokrisija.” (1 Pietru 1:22) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu biex ikollhom “l-imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”—1 Timotju 1:5.
IL-QAWWA TAL-KELMA T’ALLA
It-tagħlim taʼ Ġesù u l-appostli, kif misjub fil-Bibbja, hu qawwi llum daqskemm kien fl-ewwel seklu. Dwar dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebrej 4:12) Ħafna saru jafu t-tagħlim tal-Bibbja u pprovaw jgħixu fi qbil miegħu, u dan għenhom ma jibqgħux ikunu ipokriti u jkunu sinċieri u onesti. Ikkunsidra l-esperjenzi tat-tliet individwi msemmijin fil-bidu.
“Rajt imħabba vera u interess ġenwin murijin lejn ħaddieħor.”—PANAYIOTA
Panayiota esperjenzat bidla f’ħajjitha meta aċċettat stedina biex tattendi l-laqgħat f’Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Ma rat lil ħadd jipprova jimpressjona lil ħaddieħor b’xi atti taʼ tjieba mhux ġenwini. Hi tgħid: “Hemmhekk rajt imħabba vera u interess ġenwin murijin lejn ħaddieħor, xi ħaġa li ma kontx rajt f’dawk is-snin kollha meta kont attiva fil-politika.”
Panayiota bdiet tistudja l-Bibbja u għamlet progress sal-punt li tgħammdet. Dan kien 30 sena ilu. Issa tgħid: “Meta bdejt nipprietka dwar is-Saltna t’Alla—l-uniku mod li jistaʼ jkollna dinja ġusta—sibt skop veru fil-ħajja, u mhux meta kont qed immur minn dar għal dar għall-partit politiku.”
“Ma stajtx inkompli sejjer u fl-istess ħin inħalli lil sħabi l-Kristjani jaħsbu li jien xi ħaġa li m’iniex.”—DANIEL
Daniel għamel progress tajjeb fil-kongregazzjoni Kristjana u kien ingħata ċerti responsabbiltajiet. Ftit snin wara, għamel żball u l-kuxjenza bdiet tniggżu. “Meta ftakart fl-ipokresija li kont rajt fil-knisja snin qabel,” qal hu, “ħassejt li ma kelli l-ebda alternattiva ħlief li nċedi l-privileġġi li kelli. Ma stajtx inkompli sejjer u fl-istess ħin inħalli lil sħabi l-Kristjani jaħsbu li jien xi ħaġa li m’iniex.”
B’ferħ, wara xi żmien, Daniel inbidel u ħass li setaʼ jerġaʼ jaċċetta l-privileġġi b’kuxjenza nadifa, u bil-ferħ reġaʼ aċċetta xi responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Din l-onestà hi tipika taʼ dawk li jaqdu lil Alla bla ipokresija. Huma jitgħallmu ‘jneħħu t-travu’ minn għajnhom stess qabel ma joffru li ‘jneħħu t-tibna’ minn għajn ħuhom.
“Ma stajtx nibqaʼ nkun il-bejjiegħ makakk li kont, jaħtaf il-kliem. . . . Il-kuxjenza tiegħi ġiet effettwata.”—JEFFERY
Jeffery, li qattaʼ ħajtu fid-dinja tan-negozju, qal: “Meta bdejt nikseb iżjed għarfien dwar il-Bibbja, irrealizzajt li ma stajtx nibqaʼ nkun il-bejjiegħ makakk li kont, jaħtaf il-kliem, u preparat jgħid minn kollox biex jieħu kuntratt. Il-kuxjenza tiegħi ġiet effettwata minn versi Bibliċi bħal Proverbji 11:1, li jgħidilna li ‘Miżien qarrieq hu xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.’” Iva, għall-kuntrarju taʼ dawk li għamlu l-mistoqsija tat-taxxa lil Ġesù, Jeffery tgħallem jaġixxi mingħajr ma jkollu motivi moħbijin meta jittratta maʼ ħutu Kristjani u dawk li mhumiex.
Il-miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja qed jagħmlu ħilithom biex japplikaw dak li tgħallmu mill-Bibbja. Qed jagħmlu sforz bla waqfien biex ‘jilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efesin 4:24) Inħeġġuk issir taf min huma x-Xhieda taʼ Ġeħova, x’jemmnu, u kif jistgħu jgħinuk titgħallem dwar id-dinja l-ġdida li jwiegħed Alla. Hemmhekk, se “tgħammar il-ġustizzja” u l-ipokresija ma tkunx iżjed.—2 Pietru 3:13.
Il-Kristjani veri jipprattikaw “imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”—1 TIMOTJU 1:5