LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w19 Lulju pp. 20-24
  • Nilħqu qalb dawk li mhumiex reliġjużi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nilħqu qalb dawk li mhumiex reliġjużi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ŻOMM ATTITUDNI POŻITTIVA
  • ILĦAQ IL-​QALB TAN-​NIES
  • KIF NAQSMU L-​VERITÀ MAʼ NIES MILL-​ASJA
  • Għin Nies li Mhumiex Reliġjużi Jsiru Jafu lill-Ħallieq Tagħhom
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Kompli Pprietka u Taqtax Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Żgħażagħ, saħħu l-​fidi tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ngħinu lil Dawk li Għadhom Mhumiex Lesti għall-Ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
w19 Lulju pp. 20-24

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 30

Nilħqu qalb dawk li mhumiex reliġjużi

“Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud.”—1 KOR. 9:22.

GĦANJA 82 Ħa “jiddi d-​dawl tagħkom”

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Liema bidla seħħet f’xi pajjiżi fl-​aħħar għaxriet taʼ snin?

GĦAL eluf taʼ snin, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies kellhom xi forma taʼ twemmin reliġjuż. Imma fl-​aħħar għaxriet taʼ snin seħħet bidla notevoli. Iktar u iktar nies ma jqisux lilhom infushom bħala reliġjużi. Fil-​fatt, f’xi pajjiżi l-​biċċa l-​kbira tan-​nies jgħidu li mhumiex reliġjużi.b—Mt. 24:12.

2. X’raġunijiet hemm għala tant nies mhumiex reliġjużi?

2 Għala numru li dejjem jikber taʼ nies qed iqisu lilhom infushom bħala li mhumiex reliġjużi?c Xi wħud jistgħu jiġu aljenati bil-​pjaċiri jew bl-​ansjetajiet. (Lq. 8:14) Xi wħud saru atei. Oħrajn jemmnu f’Alla imma jaħsbu li r-​reliġjon hi antikwata, mhix meħtieġa, u ma taqbilx max-​xjenza u l-​loġika. Huma forsi jisimgħu lil ħbieb, lil għalliema, jew lil nies famużi fuq il-​midja jgħidu li l-​ħajja evolviet, iżda rari jisimgħu raġunijiet loġiċi biex jemmnu f’Alla. Oħrajn huma diżgustati bil-​mexxejja reliġjużi li dejjem iridu l-​flus u l-​poter. F’xi pajjiżi, il-​gvernijiet jillimitaw uffiċjalment l-​attività reliġjuża.

3. X’inhu l-​iskop taʼ dan l-​artiklu?

3 Ġesù jistenna minna li ‘nagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mt. 28:19) Kif nistgħu ngħinu lil nies li mhumiex reliġjużi biex jitgħallmu jħobbu lil Alla u jsiru dixxipli taʼ Kristu? Aħna għandna nifhmu li r-​reazzjoni taʼ persuna għall-​messaġġ tagħna għandha mnejn tiddependi mill-​pajjiż fejn trabbiet. Pereżempju, l-​Ewropej forsi ma jwiġbux bl-​istess mod bħal dawk li ġejjin mill-​Asja. Għala? Fl-​Ewropa, ħafna nies jafu xi ħaġa dwar il-​Bibbja u huma familjari mal-​idea li Alla ħalaq l-​affarijiet kollha. Iżda fl-​Asja, il-​maġġoranza tan-​nies jafu ftit jew xejn dwar il-​Bibbja, u għandhom mnejn ma jemmnux b’Ħallieq. L-​iskop taʼ dan l-​artiklu hu biex jgħinna nilħqu l-​qalb taʼ dawk kollha li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru, minkejja l-​pajjiż li ġejjin minnu jew x’jemmnu.

ŻOMM ATTITUDNI POŻITTIVA

4. Għala nistgħu nżommu attitudni pożittiva?

4 Kun pożittiv. Kull sena jkun hemm nies li ma kinux reliġjużi u li saru Xhieda taʼ Ġeħova. Ħafna diġà kellhom livelli morali għoljin u ħassewhom diżgustati bl-​ipokrisija reliġjuża. Oħrajn kellhom livelli morali baxxi u ħafna minn dawn kellhom bosta drawwiet ħżiena li kellhom bżonn iwaqqfu. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li se nsibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48; 1 Tim. 2:3, 4.

Ħu jagħti xhieda lil raġel li jaħdem miegħu l-isptar. Iktar tard hu jiskopri x’fiha l-websajt tagħna jw.org

Adatta l-mod kif tagħti xhieda lil dawk li ma jemmnux fil-Bibbja (Ara paragrafi 5-6)d

5. Spiss xi jġiegħel lin-​nies jirreaġixxu tajjeb għall-​messaġġ tagħna?

5 Kun qalbek tajba u uża t-​tattika. Spiss, in-​nies jagħtu kas il-​messaġġ tagħna minħabba l-​mod kif nippreżentawh u mhux minħabba dak li ngħidu. Huma japprezzaw meta nkunu qalbna tajba, nużaw it-​tattika, u nuru interess fihom ġenwinament. Ma nisforzawhomx biex jisimgħu x’ngħidu aħna. Minflok, nipprovaw nifhmu r-​raġunijiet għall-​ħarsa tagħhom dwar ir-​reliġjon. Pereżempju, xi wħud ma jiħdux pjaċir jitkellmu dwar ir-​reliġjon maʼ xi ħadd li ma jafuhx. Oħrajn jaħsbu li mhix edukazzjoni li tistaqsi persuna x’jaħseb dwar Alla. Jerġaʼ oħrajn jiddejqu li xi ħadd jarahom jaqraw il-​Bibbja, speċjalment maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ikun xi jkun il-​każ, aħna nipprovaw nifhmu kif iħossuhom.—2 Tim. 2:24, ntt.

6. L-​appostlu Pawlu kif wera li kien jadatta ruħu, u kif nistgħu nimitawh?

6 X’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd jidher li hu skomdu meta nużaw kliem bħal “Bibbja,” “ħolqien,” “Alla,” jew “reliġjon”? Nistgħu nimitaw l-​appostlu Pawlu u nadattaw il-​mod kif nitkellmu. Meta tkellem mal-​Lhud, Pawlu rraġuna mill-​Iskrittura. Madankollu, meta tkellem mal-​filosfi Griegi fl-​Arjopagu, m’għamel l-​ebda referenza diretta għall-​Bibbja. (Atti 17:2, 3, 22-31) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Pawlu? Jekk tiltaqaʼ maʼ persuna li ma taċċettax il-​Bibbja, l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li ma tirreferix direttament għaliha meta tirraġuna magħha. Jekk tirrealizza li persuna tistaʼ tħossha skomda li xi ħadd jaraha taqra l-​Bibbja miegħek, ipprova uriha l-​iskritturi b’mod li oħrajn ma jindunawx, bħal fuq xi apparat elettroniku.

7. Bħalma hu deskritt fl-​1 Korintin 9:20-​23, x’għandu mnejn ikollna nagħmlu biex nimitaw lil Pawlu?

7 Ifhem lin-​nies u ismagħhom. Aħna għandna nipprovaw nifhmu x’inhuma l-​affarijiet li affettwaw lin-​nies li niltaqgħu magħhom. (Prov. 20:5) Erġaʼ aħseb ftit fl-​eżempju taʼ Pawlu. Hu kiber fost il-​Lhud. Żgur li kellu jadatta l-​ippritkar tiegħu lill-​Ġentili, nies li kienu jafu ftit jew xejn dwar Ġeħova u l-​Iskrittura. Forsi aħna jkollna bżonn nagħmlu ftit riċerka jew nieħdu parir mingħand uħud tal-​esperjenza fil-​kongregazzjoni biex hekk inkunu nistgħu nifhmu aħjar kif jaħsbu u jħossuhom in-​nies fit-​territorju tagħna.—Aqra l-​1 Korintin 9:20-23.

8. X’inhu mod wieħed kif nibdew konversazzjoni dwar il-​Bibbja?

8 Il-​mira tagħna hi li nsibu lil min “jistħoqqlu.” (Mt. 10:11) Sabiex inkunu effettivi, aħna għandna nistiednu n-​nies biex jesprimu l-​opinjonijiet tagħhom u mbagħad nisimgħuhom sew. Ħu fl-​Ingilterra jitlob għall-​opinjoni tan-​nies dwar kif ikollhom żwieġ li jirnexxi, kif irabbu t-​tfal, jew kif ikampaw mal-​inġustizzja. Wara li jismaʼ l-​kummenti tagħhom, hu jgħid, “X’taħseb dwar dan il-​parir miktub kważi 2,000 sena ilu?” Imbagħad, mingħajr ma jgħid il-​kelma “Bibbja,” hu jurihom skritturi magħżulin sew fuq il-​mowbajl tiegħu.

ILĦAQ IL-​QALB TAN-​NIES

9. Kif nistgħu ngħinu lin-​nies li s-​soltu jevitaw li jitkellmu dwar Alla?

9 Aħna nistgħu nilħqu qalb in-​nies li s-​soltu jevitaw li jitkellmu dwar Alla billi niddiskutu xi ħaġa li huma interessati fiha. Pereżempju, ħafna jistagħġbu bin-​natura. Allura nistgħu ngħidu xi ħaġa bħal dan li ġej: “Int forsi taf li ħafna invenzjonijiet ġew meta x-​xjentisti kkopjaw affarijiet li diġà eżistew fin-​natura. Pereżempju, id-​disinjaturi tal-​mikrofoni u tal-​kameras tar-​ritratti jistudjaw widnejn u għajnejn l-​insetti. X’jiġi f’moħħok meta taħseb fin-​natura? Taħseb li ġiet waħedha, xi ħadd ħalaqha, jew xi ħaġa oħra?” Wara li nisimgħu sew, nistgħu nżidu: “Meta l-​inġinieri jitgħallmu mid-​disinn tal-​widnejn u l-​għajnejn, forsi nitħassbu mingħand min qed jitgħallmu. Xi ħaġa li kiteb raġel għaref tal-​qedem laqtitni ħafna: ‘Il-​widna li tismaʼ u l-​għajn li tara—it-​tnejn Ġeħova għamilhom.’ Xi xjentisti jaqblu maʼ dan il-​kliem u jemmnu fil-​ħolqien.” (Prov. 20:12) Imbagħad inkunu nistgħu nuruhom vidjow minn jw.org® taħt “Intervisti u esperjenzi” fis-​serje “Fehmiet dwar l-​oriġini tal-​ħajja.” (Mur fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS.) Jew nistgħu nuruhom artiklu mis-​serje “Ġie Disinjat?” fuq jw.org. (Mur fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > IX-​XJENZA U L-​BIBBJA.)

10. Kif nistgħu nibdew konversazzjoni maʼ xi ħadd li ma jixtieqx jitkellem dwar Alla?

10 Ħafna nies jixxennqu għal futur aħjar. Madankollu, ħafna jibżgħu li l-​art se tinqered jew issir post li ħadd ma jkun jistaʼ jgħix fih. Fin-​Norveġja, indokratur li jivvjaġġa jgħid li nies li ma jixtiqux jitkellmu dwar Alla spiss ikunu jridu jitkellmu dwar x’qed jiġri fid-​dinja. Wara li jsellem lin-​nies, hu jgħid: “Taħseb li hemm ċans ikollna futur aħjar? Taħseb li jiddependi mill-​politiċi, mix-​xjentisti, jew minn xi ħadd ieħor biex it-​tamiet tagħna jsiru realtà?” Wara li jismagħhom sew, hu jaqra jew jikkwota skrittura li titkellem dwar futur aħjar. Xi wħud jistagħġbu bil-​wegħda tal-​Bibbja li l-​art se tibqaʼ wieqfa għal dejjem u n-​nies tajbin se jgħixu fiha għal dejjem.—Salm 37:29; Ekk. 1:4.

11. Għala għandna nipprovaw nużaw modi differenti biex nibdew konversazzjonijiet, u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu, kif deskritt f’​Rumani 1:14-16?

11 Aħna għandna nipprovaw nużaw modi differenti kif nibdew konversazzjonijiet man-​nies li niltaqgħu magħhom. Għala? Għax kull persuna hi unika. Dak li jinteressa lil wieħed jistaʼ ma jinteressax lil ieħor. Xi wħud ma jiddejqux jiddiskutu dwar Alla jew il-​Bibbja, filwaqt li oħrajn ikunu iktar lesti jitkellmu dwar affarijiet oħra l-​ewwel. Ikun xi jkun il-​każ, għandna nieħdu l-​opportunità biex nitkellmu maʼ kull tip taʼ nies. (Aqra Rumani 1:14-16.) Wara kollox, għandna nżommu f’moħħna li Ġeħova hu dak li jkabbar il-​verità fil-​qalb taʼ dawk li jħobbu s-​sewwa.—1 Kor. 3:6, 7.

KIF NAQSMU L-​VERITÀ MAʼ NIES MILL-​ASJA

Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova taqsam prinċipji għaqlin għall-ħajja taʼ kuljum mill-Bibbja maʼ mara minn pajjiż mhux Kristjan

Ħafna pubblikaturi tas-​Saltna juru interess personali lejn nies li jgħixu f’pajjiżi mhux Kristjani u jaqsmu magħhom prinċipji għaqlin għall-​ħajja taʼ kuljum mill-​Bibbja (Ara paragrafi 12-13)

12. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil nies minn pajjiżi Asjatiċi li ma ħasbux dwar l-​idea taʼ Ħallieq?

12 Madwar id-​dinja, ħafna pubblikaturi qed jiltaqgħu maʼ nies minn pajjiżi Asjatiċi, inkluż uħud li jiġu minn pajjiżi fejn il-​gvernijiet għamlu restrizzjonijiet fuq l-​attività reliġjuża. F’diversi pajjiżi Asjatiċi, ħafna qatt ma ħasbu bis-​serjetà dwar l-​idea taʼ Ħallieq. Xi wħud huma kurjużi u jaċċettaw offerta diretta taʼ studju tal-​Bibbja, imma oħrajn jaħsbuha darbtejn biex jitgħallmu ideat ġodda. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom? Xi pubblikaturi tal-​esperjenza jirnexxilhom billi jibdew b’konversazzjoni dħulija, juru interess personali, u mbagħad meta jkun xieraq jgħidu dwar kif ħajjithom marret għall-​aħjar meta bdew japplikaw xi prinċipju speċifiku tal-​Bibbja.

13. X’jistaʼ jgħin lin-​nies jinġibdu lejn il-​Bibbja? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

13 Għal ħafna nies, l-​ewwel ħaġa li tiġbidhom tkun il-​prinċipji għaqlin għall-​ħajja taʼ kuljum li fiha l-​Bibbja. (Ekk. 7:12) Fi New York, oħt li żżur nies li jitkellmu biċ-​Ċiniż Mandarin tgħid: “Jien nipprova ninteressa ruħi fin-​nies u nismagħhom. Jekk inkun naf li huma immigranti ġodda, nistaʼ nistaqsihom: ‘Kif qed issibek hawn? Sibt xogħol? Qed tiġi ttrattat tajjeb min-​nies tal-​lokal?’” Kultant dan iwassalha biex tintroduċi xi tagħlim tal-​Bibbja. Meta jkun xieraq, l-​oħt tistaʼ żżid: “X’inhi l-​iktar ħaġa importanti li għandna nagħmlu biex immorru tajjeb man-​nies? Nistaʼ nurik proverbju mill-​Bibbja? Dan jgħid: ‘Il-​bidu tal-​ġlied hu bħal xi ħadd li jħalli l-​ilmijiet joħorġu; mela qabel ma tfaqqaʼ t-​tilwima, warrab.’ Taħseb li dan il-​parir jistaʼ jgħinna ningwalawha m’oħrajn?” (Prov. 17:14) Konversazzjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinuna nsibu nies li jkunu jriduna nerġgħu nżuruhom.

14. Ħu fil-​Lvant Imbiegħed kif jgħin lil nies li jgħidu li ma jemmnux f’Alla?

14 Xi ngħidu għal dawk in-​nies li jgħidulna li ma jemmnux f’Alla? Ħu li għandu ħafna esperjenza f’li jipprietka lil nies li mhumiex reliġjużi fil-​Lvant Imbiegħed jispjega: “Normalment, meta persuna hawnhekk tgħid, ‘Ma nemminx f’Alla,’ hu jkun irid jgħid li ma jemminx f’li jqim allat li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies fl-​akkwati tiegħu jqimu. Għalhekk, ġeneralment naqbel li ħafna mill-​allat huma magħmulin mill-​bniedem u mhumiex veri. Ħafna drabi naqra Ġeremija 16:20: ‘Jistaʼ l-​bniedem jagħmel allat għalih meta m’huma allat xejn?’ Imbagħad nistaqsi: ‘Kif nistgħu ngħidu x’inhi d-​differenza bejn alla veru u allat magħmulin mill-​bniedem?’ Jien nisimgħu sew, u mbagħad naqra Isaija 41:23: ‘Għidu l-​affarijiet li ġejjin wara, sabiex inkunu nafu li intom allat.’ Imbagħad nuri eżempju taʼ kif Ġeħova bassar il-​futur.”

15. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ ħu fl-​Asja tal-​Lvant?

15 Ħu fl-​Asja tal-​Lvant juża dan il-​metodu meta jagħmel żjajjar lura. Hu jgħid: “Nurihom eżempji taʼ għerf mill-​Bibbja, profeziji Bibliċi mwettqin, u liġijiet li jikkontrollaw l-​univers. Imbagħad nurihom kif dan kollu juri li hemm Ħallieq ħaj u għaref. Meta xi ħadd jaċċetta l-​possibbiltà li Alla jeżisti, nibda nurih x’tgħid il-​Bibbja dwar Ġeħova.”

16. Skont Ebrej 11:6, l-​istudenti għala għandhom bżonn ikollhom fidi f’Alla u fil-​Bibbja, u kif nistgħu ngħinuhom jiżviluppawha?

16 Meta nikkonduċu studji tal-​Bibbja maʼ nies li ma jiġux minn ambjent reliġjuż, il-​ħin kollu jkollna bżonn ngħinuhom isaħħu l-​fidi tagħhom fl-​eżistenza t’Alla. (Aqra Ebrej 11:6.) U għandna bżonn ngħinuhom jibnu l-​fidi tagħhom fil-​Bibbja. Dan forsi jirrikjedi li xi punti nirripetuhom ħafna drabi. Kull darba li nistudjaw magħhom, jistaʼ jkun hemm bżonn li niddiskutu evidenza li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla. Dan jistaʼ jinkludi diskussjoni qasira tal-​profeziji mwettqin tal-​Bibbja, l-​eżattezza xjentifika u storika, jew kif il-​Bibbja tgħinna fil-​ħajja taʼ kuljum tagħna.

17. X’effett jistaʼ jkollha l-​imħabba tagħna fuq in-​nies?

17 Aħna ngħinu lin-​nies isiru dixxipli taʼ Kristu billi nuruhom l-​imħabba, kemm jekk ikunu reliġjużi u kemm jekk le. (1 Kor. 13:1) Aħna u ngħallmuhom, il-​mira tagħna hi li nuru li Alla jħobbna u jridna nħobbuh. Kull sena, eluf li qabel kellhom ftit li xejn interess fir-​reliġjon jitgħammdu għax ikunu tgħallmu jħobbu lil Alla. Allura, kun pożittiv, u uri mħabba u interess personali f’kull tip taʼ nies. Ismagħhom. Ipprova ifhimhom. Bl-​eżempju tiegħek, għallimhom ikunu dixxipli taʼ Kristu.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Kif nistgħu nżommu attitudni pożittiva fil-​ministeru tagħna?

  • Kif nistgħu nilħqu l-​qalb taʼ nies li mhumiex reliġjużi?

  • Għala għandna naqsmu l-​verità maʼ nies taʼ kull tip?

GĦANJA 76 Kif tħossok int dwar dan?

a Issa iktar minn qatt qabel, għandna mnejn niltaqgħu iktar spiss maʼ nies li mhumiex reliġjużi. Dan l-​artiklu jiddiskuti kif nistgħu naqsmu veritajiet mill-​Bibbja magħhom u kif  nistgħu ngħinuhom ikollhom fiduċja fil-​Bibbja u fidi f’Alla Ġeħova.

b Skont xi studji, xi pajjiżi fl-​Ewropa jinkludu lill-​Albanija, l-​Awstrija, l-​Ażerbajġan, id-​Danimarka, Franza, il-​Ġermanja, l-​Irlanda, l-​Iżvezja, l-​Iżvizzera, in-​Norveġja, l-​Olanda, ir-​Renju Unit, ir-​Repubblika Ċeka, u Spanja. Xi pajjiżi Asjatiċi jinkludu liċ-​Ċina, il-​Ġappun, Hong Kong, Iżrael, il-​Korea t’Isfel, u l-​Vjetnam. L-​istess jistaʼ jingħad dwar ħafna nies fl-​Awstralja u l-​Kanada.

c ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-​artiklu, it-​terminu mhumiex reliġjużi jirreferi għal nies li jew ma jagħmlu parti minn ebda reliġjon jew li ma jemmnux f’Alla.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jagħti xhieda lil raġel li jaħdem miegħu l-​isptar. Iktar tard  hu jiskopri x’fiha l-​websajt tagħna jw.org.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja