“X’Għandi Nagħmel?”
1 Bħala żagħżugħ li qrobt biex issir adult, għandek mnejn tistaqsi, ‘X’għandi nagħmel b’ħajti?’ Żgħażagħ Kristjani jridu jespandu s-servizz tagħhom lil Jehovah fil-ministeru. Imma kif tistaʼ tagħmel dan waqt li terfaʼ r-responsabbiltajiet bħala adult, li jinkludu li tipprovdi għall-bżonnijiet materjali tiegħek stess? Jistaʼ ma jkunx faċli li ssib it-tweġiba.
2 Xi żgħażagħ isiru ansjużi meta jħarsu lejn is-sitwazzjoni ekonomika tad-dinja u t-tbassiriet għall-futur. Huma jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom: ‘Għandi nsegwi edukazzjoni sekulari addizzjonali? Għandi nidħol fis-servizz full-time mill-ewwel?’ Sabiex jieħu deċiżjoni tajba, individwu jeħtieġ iwieġeb onestament din il-mistoqsija, ‘X’inhu l-interess ewlieni tiegħi fil-ħajja?’ Hu jrid jeżamina l-motivi tiegħu.
3 Liema tħassib primarju kkultivajt int matul iż-żgħożija tiegħek? Interessat int prinċipalment f’li tfittex vantaġġi finanzjarji, jew verament trid tuża ħajtek biex tavanza l-interessi tas-Saltna? Lawrja universitarja ma tiggarantilekx suċċess fil-qasam tax-xogħol. Bħala alternattiva, ħafna kisbu abbiltajiet li jintalbu sew fil-qasam tax-xogħol permezz taʼ programmi t’apprentistat, xi edukazzjoni minn skejjel tas-snajjaʼ jew tat-teknika, jew korsijiet universitarji qosra li jirrikjedu ħin u involviment minimu.
4 Oqgħod fuq Kelmet Jehovah: Fatt importanti ferm li għandek tikkunsidrah huwa l-assiguranza mingħand Alla Jehovah li hu se jipprovdi għal dawk li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom. (Mt. 6:33) Din m’hijiex xi wegħda fiergħa. Ħafna aħwa li attendew l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali ġabu lawrja universitarja qabel ma tgħallmu l-verità. Imma x’kienu qed jagħmlu bħala xogħol sekulari? Ftit ferm minnhom kienu qed isusu wara l-karriera li għaliha kienu ħadu l-edukazzjoni. Bosta kienu qed jaħdmu f’oqsma taʼ manutenzjoni u tiswijiet, u b’hekk kienu qed jieħdu ħsieb sewwa tal-bżonnijiet finanzjarji tagħhom waqt li jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Billi espandew l-attività tagħhom fil-ministeru, huma qed jirċievu barkiet li jissuperaw bil-qabda kwalunkwe ħaġa monetarja.
5 Meta tkun qed tiddeċiedi x’għandek tagħmel wara li ġġib iċ-ċertifikati mill-iskola sekondarja, iżen il-fatturi kollha u eżamina bir-reqqa l-motivi tiegħek. Għal ħarsa bbilanċjata dwar l-għażliet tiegħek, ikkunsidra xi informazzjoni bħal dik li dehret fl-Awake! tat-8 taʼ Marzu, 1998, paġni 19-21. Tkellem mal-ġenituri tiegħek, l-anzjani, l-indokratur tas-circuit tiegħek, u pijunieri li jirnexxu u li jinsabu fl-inħawi tiegħek. Dan se jgħinek tieħu deċiżjoni għaqlija dwar x’għandek tagħmel b’ħajtek.—Koħ. 12:1, 13.