Il-Ferħ li Jiġi mis-Servizz Full-Time
1 Bħala żagħżugħ, żgur li ġieli ħsibt dwar il-futur tiegħek. Proverbji 21:5 jurina li l-pjanijiet taʼ min hu ħabrieki jirnexxu. Jekk taħseb bis-serjetà dwar il-miri f’ħajtek żgur li se tirnexxi. Hekk kif tagħmel il-pjanijiet għall-futur, aħseb dwar li taqdi fis-servizz full-time. Għala?
2 Staqsi lil xi adulti li qdew bħala pijunieri fiż-żgħożija tagħhom x’jaħsbu dwar dan u dejjem se jgħidulek l-istess ħaġa: “Dawk kienu l-aħjar snin taʼ ħajti!” Ħu li esperjenza l-ferħ tas-servizz full-time minn meta kien żagħżugħ qal meta kiber: “Iġib sodisfazzjon kbir meta dak li jkun iħares lura lejn iz-żgħożija tiegħu u jkun jistaʼ jgħid li semaʼ mill-parir għaqli: ‘Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.’” (Koħ. 12:1) Jirrikjedi ppjanar tajjeb minn issa, kemm minnek u kemm mill-ġenituri tiegħek, sabiex issibu mezz kif int tistaʼ tesperjenza dan it-tip taʼ ferħ fiż-żgħożija tiegħek.
3 Ġenituri, Inkuraġġixxu s-Servizz Full-Time: Jehovah, bħala Missier li jieħu ħsiebek, jurik eżatt liema triq għandek tieħu. (Is. 30:21) Peress li jipprovdi din il-gwida kollha mħabba, lilkom il-ġenituri Kristjani jagħtikom eżempju mill-aħjar. Minflok ma tħalluha f’idejn uliedkom biex jagħżlu l-aħjar triq għalihom, ħarrġuhom bil-għaqal fit-triq li għandhom jieħdu sabiex ikollhom il-barka taʼ Jehovah. Imbagħad, meta jikbru, it-taħriġ tagħkom se jgħinhom “jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.” (Lhud 5:14) L-adulti jafu mill-esperjenza li ma jistgħux jafdaw fil-fehma tagħhom; bilfors iridu jistrieħu fuq Jehovah sabiex iwittilhom triqathom. (Prov. 3:5, 6) Dan il-bżonn huwa saħansitra akbar għaż-żgħażagħ, li għandhom inqas esperjenza fil-ħajja.
4 Ġenituri, hekk kif uliedkom joqorbu s-snin taʼ l-adolexxenza, jew saħansitra qabel, kellmuhom b’mod realistiku dwar il-miri tagħhom għall-karriera. Dawk li jagħtu l-pariri fl-iskola, l-għalliema, u l-ħbieb tal-klassi se jipprovaw jinfluwenzawhom biex jiġru wara l-affarijiet tad-dinja u materjalistiċi. Għinu lil uliedkom biex jagħżlu korsijiet fl-iskola li se jagħtuhom taħriġ prattiku, li se jippreparawhom biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet materjali mingħajr ma jissagrifikaw l-interessi tas-Saltna. (1 Tim. 6:6-11) Ħafna drabi, edukazzjoni sekondarja flimkien maʼ taħriġ għal xi xogħol partikulari u/jew taħriġ fuq il-post tax-xogħol tistaʼ tkun biżżejjed biex wieħed jieħu ħsieb sew il-bżonnijiet tiegħu filwaqt li jibda jaqdi fil-ministeru bħala pijunier regulari.
5 Ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex isegwu d-don taʼ li jibqgħu waħedhom. Jekk iżjed tard jiddeċiedu li jiżżewġu, se jkunu lesti iktar li jerfgħu r-responsabbiltajiet itqal taż-żwieġ. (Ara paragrafu 19 fl-insert tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 2001 bit-titlu “Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?”) Billi titkellmu favur is-servizz taʼ pijunier, li jaqdu fejn il-bżonn hu akbar, is-servizz f’Betel, u l-attività missjunarja, naqqxu fiż-żgħażagħ, anki minn meta jkunu għadhom żgħar, ix-xewqa li jużaw ħajjithom b’tali mod li jogħġob lil Jehovah, jibbenefika lil oħrajn, u jġibilhom il-ferħ lilhom stess.
6 Żgħażagħ, Poġġu s-Servizz Full-Time fl-Ewwel Post: Żgħażagħ, m’għandkomx għalfejn toqogħdu timmaġinaw x’jinvolvi li taqdu fix-xogħol taʼ pijunier. Tistgħu tipprovaw tagħmluh part-time billi taqdu bħala pijunieri awżiljarji kulmeta jkun possibbli matul is-sena skolastika u fiż-żmien tal-vaganzi. Imbagħad se tkunu tafu kemm jagħti sodisfazzjon veru s-servizz taʼ pijunier! Tistgħu tippjanaw bil-quddiem ħalli taqdu bħala pijunieri awżiljarji bejn issa u l-aħħar tas-sajf?
7 Jekk int ħu żagħżugħ fl-organizzazzjoni t’Alla, aħseb bis-serjetà wkoll dwar li tirsisti ħalli tikkwalifika bħala qaddej ministerjali. (1 Tim. 3:8-10, 12) Barra minn hekk, iddeċiedi jekk tridx tapplika għas-servizz f’Betel jew jekk tridx tattendi l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali meta jkollok l-età meħtieġa. L-esperjenza tiegħek fil-ministeru bħala pijunier se tgħallmek ħafna lezzjonijiet importanti, bħal kif tgħix bi skeda, kif tkun organizzat aħjar, kif tingwalaha maʼ oħrajn, u kif tiżviluppa sens taʼ responsabbiltà. Dan kollu se jippreparak għal privileġġi akbar taʼ servizz iktar ’il quddiem.
8 Fattur importanti biex ikollok suċċess fis-servizz full-time hu li jkollok spirtu taʼ bżulija fl-affarijiet teokratiċi. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa attitudni bħal din, u semma l-barkiet li jiġu b’riżultat taʼ dan: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej . . . għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja . . . għalikom il-Mulej.” (Kol. 3:23, 24) Jalla Jehovah iberikkom b’ħafna ferħ fis-servizz full-time!