Hemm Bżonn Taʼ Iktar Aħwa Rġiel Fis-Servizz Taʼ Pijunier
1 Pawlu ħeġġiġna biex ‘dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Għal ħafna, dan ifisser li jidħlu fis-servizz taʼ pijunier. F’Settembru li għadda, iktar minn 400 żdiedu maʼ l-għadd taʼ pijunieri fl-Ingilterra!
2 Fil-mument il-biċċa l-kbira taʼ dawk li qegħdin jaqdu bħala pijunieri f’dak il-pajjiż huma aħwa nisa. (Salm 68:11) X’ferħ ikun għall-kongregazzjoni li kieku iktar aħwa rġiel ikunu jistgħu jingħaqdu mal-qaddejja full-time! (Salm 110:3) Nistgħu nifhmu li ħafna aħwa rġiel iridu jieħdu ħsieb t’obbligi importanti, sekulari u tal-familja. Oħrajn jaħdmu wkoll iebes biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni. Aħna napprezzaw lil dawn l-irġiel li qegħdin jitħabtu f’isem is-Saltna.—1 Tim. 4:10.
3 Minkejja dan, jistgħu iktar minnkom l-aħwa rġiel tidħlu fis-servizz taʼ pijunier? Jekk il-mara tiegħek hi pijuniera, tistaʼ tingħaqad magħha? Jekk int irtirat, ma taqbilx li m’hemm l-ebda mod iktar sodisfaċenti kif tqattaʼ l-ħin tiegħek milli fil-ministeru full-time? Jekk wasalt biex tieqaf mill-iskola, ħsibt bis-serjetà u bit-talb dwar li tidħol fis-servizz taʼ pijunier bħala pass ieħor ’il quddiem lejn privileġġi oħrajn taʼ servizz?—Ef. 5:15-17.
4 Wieħed ħu biegħ in-negozju tiegħu li kien sejjer tajjeb u beda jaħdem part-time sabiex ikun jistaʼ jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Bl-eżempju mill-aqwa tiegħu, tlieta mill-erbat itfal tiegħu saru pijunieri hekk kif spiċċaw mill-iskola. Ir-rabaʼ wieħed kien ħerqan li jingħaqad magħhom. Dan il-ħu u l-familja tiegħu ġew imberkin b’mod għani.
5 Bieb Kbir Huwa Miftuħ: Is-servizz taʼ pijunier jistaʼ jiftaħ “bieb kbir li jwassal għal attività.” (1 Kor. 16:9) Aħwa rġiel li huma pijunieri jistgħu jiġu wżati bil-kbir fil-kongregazzjoni. L-attività żeluża fl-għalqa tkompli żżid maʼ l-istatura spiritwali tagħhom u tikkontribwixxi lejn l-avvanz teokratiku tagħhom. Ix-xogħol taʼ pijunier jistaʼ jiftaħ it-triq lejn privileġġi oħrajn taʼ servizz. Wara l-ewwel sena taʼ xogħol taʼ pijunier, hemm il-barka li wieħed jattendi l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Qaddejja ministerjali u anzjani mhux miżżewġin jistgħu jimmiraw lejn li jattendu l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali. Koppji miżżewġin li huma kkwalifikati jistgħu japplikaw għall-Iskola taʼ Gilead. Aħwa rġiel għandhom mnejn eventwalment jikkwalifikaw għax-xogħol taʼ vjaġġar. Iva, il-ministeru taʼ pijunier jiftaħ il-bieb għal dawn il-privileġġi akbar taʼ servizz fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
6 L-aħwa rġiel li jistgħu jagħmlu wisaʼ għas-servizz taʼ pijunier regulari jistgħu jesperjenzaw l-hena akbar li jiġi meta nagħtu iktar.—Atti 20:35.