“Kieku Tkun Pijunier Tajjeb!”
1. Waħda oħt kif ħassitha dwar is-servizz tagħha bħala pijuniera?
1 “Ma stajtx sibt xogħol aħjar li jagħtini daqshekk kuntentizza jew jippremjani daqshekk spiritwalment.” Hekk qalet Kathe B. Palm. Hi qattgħet għaxriet taʼ snin taqdi bla egoiżmu bħala pijuniera u tagħti xhieda min-naħa għall-oħra taċ-Ċili, fl-Amerika t’Isfel. Forsi xi ħadd li kellu f’moħħu l-ħajja premjanti taʼ dawk li jaqdu fis-servizz full-time ġieli qallek: “Kieku tkun pijunier tajjeb!”
2. Spjega għala nistgħu niksbu sodisfazzjon kbir mill-attivitajiet spiritwali.
2 Ħajja li Ġġib Sodisfazzjon: Ġesù, l-Eżempju tagħna, ħass serħan ġenwin meta għamel ir-rieda taʼ Missieru. (Ġw. 4:34) Għalhekk, Ġesù kien sinċier meta għallem lis-segwaċi tiegħu li s-sodisfazzjon veru jiġi milli jieħdu sehem f’attivitajiet marbutin mal-qima taʼ Ġeħova. Aħna nkunu kuntenti meta ħajjitna tkun mimlija b’għemejjel li jġibu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Ukoll, iktar ma nużaw ħin, enerġija, u riżorsi biex ngħinu lil oħrajn, iktar inżidu l-ferħ tagħna.—Atti 20:31, 35.
3. Liema ferħ x’aktarx li nesperjenzaw jekk inqattgħu iktar ħin fil-ministeru?
3 Iktar ma nqattgħu ħin fil-ministeru, iktar ikollna opportunitajiet biex nesperjenzaw il-ferħ li jiġi milli nibdew u nikkonduċu studji tal-Bibbja. Anki fejn ħafna inkwilini jidhru mhux interessati, hekk kif niksbu l-esperjenza u s-sengħa fil-ministeru jistaʼ jkun li t-territorju jkun iktar produttiv milli naħsbu aħna. Il-pijunieri jistgħu jużaw l-edukazzjoni abbundanti li jieħdu fl-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier wara li jkunu ilhom sena jaqdu bħala pijunieri. (2 Tim. 2:15) Hekk kif nipperseveraw, x’aktarx li se niżirgħu ż-żrieragħ tal-verità li se jipproduċu l-frott iktar tard.—Ekk. 11:6.
4. Iż-żgħażagħ li dalwaqt jispiċċaw l-iskola dwar xiex għandhom jaħsbu?
4 Żgħażagħ: Jekk wasaltu biex tispiċċaw l-edukazzjoni bażika, ħsibtu bis-serjetà dwar il-futur? S’issa x-xogħol tal-iskola ħadilkom il-maġġorparti tal-ħin tagħkom. Kif se timlew dak il-vojt malli toħorġu mill-iskola? Minflok ma tfittxu karriera sekulari, għala ma taħsbux bit-talb dwar il-mira tas-servizz taʼ pijunier regulari? L-abbiltajiet li titgħallmu—kif tagħtu xhieda lil nies li jkollhom ċirkustanzi differenti, kif tegħlbu ostakli persunali, kif tiddixxiplinaw lilkom infuskom, u l-abbiltà biex tgħallmu—se jkunu taʼ ġid għalikom tul ħajjitkom kollha.
5. Il-ġenituri u l-kongregazzjoni kif jistgħu jinkuraġġixxu x-xogħol taʼ pijunier?
5 Ġenituri, qed tagħtu sehemkom biex tgħinu lil uliedkom ħalli jagħżlu li jaqdu fis-servizz full-time? Kliemkom u l-eżempju pożittiv tagħkom jistgħu jgħinuhom ħafna biex ipoġġu l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post. (Mt. 6:33) Ray, li beda jaqdi bħala pijunier malli spiċċa l-iskola, jiftakar: “Ommi minn dejjem kienet tħoss li min jidħol għax-xogħol taʼ pijunier ikollu ħajja li tassew iġġib sodisfazzjon.” Kulħadd fil-kongregazzjoni jistaʼ jinkuraġġixxi s-servizz taʼ pijunier bi kliemu u l-appoġġ li jagħti. Jose minn Spanja, jgħid: “Il-kongregazzjoni tiegħi kienet tħares lejn ix-xogħol taʼ pijunier bħala l-aqwa karriera għaż-żgħażagħ. Il-kummenti tagħhom u l-apprezzament għas-servizz taʼ pijunier flimkien mal-għajnuna prattika li taw għamluha iktar faċli għalija biex nibda naqdi bħala pijunier.”
6. X’nistgħu nagħmlu jekk bħalissa m’għandniex ix-xewqa li naqdu bħala pijunieri?
6 Negħlbu l-Ostakli: Imma xi ngħidu jekk int tħoss, ‘M’għandix ix-xewqa li naqdi bħala pijunier.’ Jekk għall-ewwel tħossok hekk, itlob lil Ġeħova dwar kif tħossok u għidlu, ‘Ma nafx jekk nistax naqdi bħala pijunier, imma rrid nagħmel dak li jogħġob lilek.’ (Salm 62:8; Prov. 23:26) Imbagħad fittex id-direzzjoni tiegħu permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu. Ħafna pijunieri regulari għall-ewwel ‘daqu’ x-xogħol taʼ pijunier bħala pijunieri awżiljarji, u l-ferħ li ħassew qanqalhom biex ifittxu li jaqbdu karriera fis-servizz full-time.—Salm 34:8.
7. Kif nistgħu negħlbu dubji dwar jekk nistgħux nilħqu l-ħtieġa taʼ 70 siegħa fix-xahar?
7 Xi ngħidu jekk m’intix ċert dwar jekk tistax tilħaq il-ħtieġa taʼ 70 siegħa fix-xahar? Għala ma tkellimx pijunieri li għandhom ċirkustanzi simili għal tiegħek? (Prov. 15:22) Imbagħad niżżel bil-miktub diversi skedi li tistaʼ tagħżel minnhom. Għandek mnejn tiskopri li hu iktar faċli milli tkun ħsibt li twarrab il-ħin għall-ministeru minflok ma tqattgħu f’attivitajiet li mhumiex bżonjużi.—Efes. 5:15, 16.
8. Għala kultant għandna nerġgħu neżaminaw iċ-ċirkustanzi tagħna?
8 Erġaʼ Eżamina ċ-Ċirkustanzi Tiegħek: Iċ-ċirkustanzi persunali spiss jinbidlu. Huwa tajjeb li terġaʼ teżamina s-sitwazzjoni tiegħek kultant żmien. Pereżempju, wasalt biex tirtira mix-xogħol sekulari? Randy, li rtira kmieni, jgħid: “Din id-deċiżjoni ppermettietli nibda naqdi bħala pijunier regulari maʼ marti, u tatna l-opportunità biex immorru ngħixu u naqdu fejn il-bżonn hu akbar. Kelli barkiet bla għadd minħabba d-deċiżjoni tiegħi, imma l-akbar barka minnhom kollha hi kuxjenza nadifa.”
9. Il-koppji miżżewġin x’għandhom jikkunsidraw?
9 Wara eżami bir-reqqa, xi koppji skoprew li m’għandhomx għalfejn jaħdmu full-time t-tnejn li huma. Huwa minnu li dan jistaʼ jeħtieġ li l-familja tissimplifika ħajjitha, imma l-isforz hu taʼ min jagħmlu. John, li martu dan l-aħħar telqet ix-xogħol full-time tagħha sabiex tagħmel iktar fil-ministeru, jgħid: “M’hemm xejn aħjar milli nkun naf li marti hija involuta f’affarijiet spiritwali matul il-jum.”
10. Xi jqanqal lill-Kristjani biex jikkunsidraw ix-xogħol taʼ pijunier?
10 Turija taʼ Mħabba u Fidi: Ġeħova għamel l-ippritkar l-iktar xogħol importanti li kull wieħed minna jistaʼ jieħu sehem fih. Din is-sistema qadima dalwaqt tinqered, u dawk biss li jsejħu isem Ġeħova se jsalvaw. (Rum. 10:13) Qalb li tfur bi mħabba għalih u bi gratitudni għal dak li għamel magħna se tqanqalna biex nobdu l-inkarigu li tana Ibnu biex nippritkaw biż-żelu. (Mt. 28:19, 20; 1 Ġw. 5:3) Ukoll, ladarba nemmnu tassew li qed ngħixu fl-aħħar jiem għandna nitqanqlu biex nagħmlu kulma nistgħu fil-ministeru waqt li għad baqaʼ ż-żmien, minflok ma nużaw id-dinja bis-sħiħ.—1 Kor. 7:29-31.
11. Kif għandna nħossuna jekk xi ħadd jgħidilna li kieku nkunu pijunieri tajbin?
11 Meta naqdu fix-xogħol taʼ pijunier regulari ma nkunux sempliċement qed inwieġbu għal wieħed mill-arranġamenti tal-organizzazzjoni; inkunu qed nesprimu d-devozzjoni tagħna lejn Alla. Allura jekk xi ħadd jgħidlek li kieku int tkun pijunier tajjeb, ħares lejn dan il-kliem bħala kumpliment. U kkunsidra bit-talb jekk għandekx tingħaqad maʼ dawk li jieħdu sehem f’dan l-aspett sodisfaċenti taʼ servizz.
[Kumment f’paġna 4]
Ġenituri, qed tagħtu sehemkom biex tgħinu lil uliedkom ħalli jagħżlu li jaqdu fis-servizz full-time?
[Kumment f’paġna 5]
Ġeħova għamel l-ippritkar l-iktar xogħol importanti li kull wieħed minna jistaʼ jieħu sehem fih.