Issa Hu ż-Żmien biex Nippridkaw!
1. Għala issa huwa ż-żmien biex nippridkaw?
1 “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.” Bid-direzzjoni taʼ l-anġli, dan il-messaġġ qed jixxandar “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” Għala? “Għax waslet is-siegħa biex [Alla] jagħmel il-ġudizzju.” Illum, aħna qed ngħixu f’dik ‘is-siegħa taʼ ġudizzju,’ li se tilħaq il-quċċata meta tinqered din is-sistema dinjija. Huwa vitali li n-nies ‘iqimu lil Dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.’ Ebda xogħol ieħor li qed isir illum ma jistaʼ jitqabbel f’dik li hi importanza jew urġenza max-xandir taʼ l-“aħbar tajba taʼ dejjem.” Iva, issa huwa ż-żmien li nippridkaw!—Riv. 14:6, 7.
2. Il-qaddejja taʼ Ġeħova kif qed juru li jirrikonoxxu l-urġenza taż-żminijiet?
2 Fl-għaxar snin li għaddew, il-qaddejja taʼ Ġeħova qattgħu kważi 12-il biljun siegħa jippridkaw is-Saltna u jagħmlu dixxipli. Ħafna aġġustaw ħajjithom sabiex jieħdu sehem iktar bis-sħiħ fil-ħsad spiritwali. (Mt. 9:37, 38) Per eżempju, is-sena l-oħra medja taʼ iktar minn 850,000 pubblikatur kull xahar qdew bħala pijunieri. Il-ħtieġa għall-pijunieri regulari hi li jqattgħu medja taʼ 70 siegħa kull xahar fix-xogħol taʼ l-ippridkar, waqt li dik għall-pijunieri awżiljarji hi taʼ 50 siegħa.
3. Spiss liema aġġustamenti jeħtieġ jagħmlu l-pubblikaturi sabiex ikunu pijunieri?
3 Kif Tkun Pijunier: Peress li jirrikonoxxu li “ż-żmien li fadal tqassar,” il-pijunieri jagħmlu dak li jistgħu biex iżommu ħajjithom sempliċi. (1 Kor. 7:29, 31) Ifittxu kif inaqqsu l-ispejjeż sabiex ikunu jistgħu jqattgħu inqas ħin fix-xogħol sekulari. Per eżempju, xi wħud marru joqogħdu xi mkien iżgħar. Oħrajn neħħew il-ġid materjali li mhux bżonnjuż. (Mt. 6:19-21) Spiss, ikunu jridu jħallu barra xi attivitajiet persunali. Dan kollu jsir bl-għan li jiddedikaw iktar ħin u attenzjoni għall-ministeru. (Efes. 5:15, 16) Billi ppersistew, issagrifikaw ruħhom, u straħu bit-talb fuq Ġeħova, ħafna pubblikaturi rnexxielhom jirranġaw skeda prattika li permezz tagħha jistgħu jkunu pijunieri.
4. Liema passi prattiċi jistgħu jgħinuk taħdem biex tilħaq il-mira taʼ pijunier?
4 Tistaʼ tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier? Għax ma tistaqsix lil dawk li rnexxew fix-xogħol taʼ pijunier kif għandhom il-ħila jagħmluh? Aħdem magħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa, u esperjenza l-ferħ tagħhom. Ikkunsidra artikli dwar ix-xogħol taʼ pijunier li dehru fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Qiegħed miri prattiċi għalik li jistgħu jservu biex tasal pass pass sabiex tkun pijunier. Jekk hemm xi ostakli li bħalissa ma jħallukx taqdi bħala pijunier, ħudhom quddiem Ġeħova fit-talb, u itolbu jgħinek issolvihom.—Prov. 16:3.
5. Ix-xogħol taʼ pijunier kif jgħinna ntejbu s-sengħa tagħna fil-ministeru?
5 Barkiet u Ferħ: Ix-xogħol taʼ pijunier itejbilna s-sengħa fl-użu tal-Kelma t’Alla, li mbagħad iżidilna l-ferħ. “Hija tassew barka li tkun tistaʼ timmaniġġa sew il-Kelma t’Alla tal-verità,” ikkummentat pijuniera żagħżugħa. “Meta tkun pijuniera, il-Bibbja tużaha ħafna. Issa meta mmur minn bieb għal bieb, inkun nistaʼ naħseb dwar skritturi li huma xierqa għal kull inkwilin.”—2 Tim. 2:15.
6. Ix-xogħol taʼ pijunier liema taħriġ jipprovdi?
6 Ix-xogħol taʼ pijunier jgħallem ukoll ħafna abbiltajiet siewja għall-ħajja. Jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ jitgħallmu kif jużaw il-ħin bil-għaqal, kif jimmaniġġaw il-finanzi, u kif jingwalawha man-nies. Ħafna jiżviluppaw ħarsa iktar spiritwali lejn il-ħajja b’riżultat tax-xogħol taʼ pijunier. (Efes. 4:13) Barra minn hekk, il-pijunieri spiss ikunu privileġġati li jaraw l-id taʼ Ġeħova taħdem għan-nom tagħhom.—Atti 11:21; Flp. 4:11-13.
7. Ix-xogħol taʼ pijunier kif jgħinna nersqu qrib lejn Ġeħova?
7 Forsi waħda mill-akbar barkiet tax-xogħol taʼ pijunier hi li jgħinna nersqu qrib lejn Ġeħova. Dan il-fatt jistaʼ jsostnina meta ngħaddu mill-provi. Oħt li ssaportiet meta għaddiet minn perijodu taʼ diffikultà serja qalet: “Ir-relazzjoni mill-qrib li żviluppajt maʼ Ġeħova permezz tax-xogħol taʼ pijunier għenitni nissaporti d-diffikultajiet kollha.” Hi żiedet: “Inħossni tant hienja li qattajt ħajti bħala adulta naqdi lil Ġeħova full-time. Bis-saħħa t’hekk stajt nagħti minni nnifsi b’modi li qatt ma ħsibt li nistaʼ nagħti.” (Atti 20:35) Jalla aħna bl-istess mod nesperjenzaw barkiet għonja hekk kif nagħmlu l-almu tagħna fix-xogħol vitali taʼ l-ippridkar.—Prov. 10:22.