Tistaʼ Tidħol minn “Bieb Kbir għax-Xogħol”?
1 Meta “bieb kbir għax-xogħol” infetaħ għall-appostlu Pawlu, hu kien ħerqan biex jieħu vantaġġ mill-opportunità li jmexxi ’l quddiem l-interessi tas-Saltna minkejja li kellu ħafna wħud li jopponuh. (1 Kor. 16:9) Illum, xi 642,000 pubblikatur tas-Saltna madwar id-dinja daħlu minn bieb kbir għax-xogħol billi saru pijunieri regulari.
2 Iċ-Ċirkustanzi Jinbidlu: Għalkemm iċ-ċirkustanzi persunali bħalissa għandhom mnejn jillimitaw xogħolna, dawn jinbidlu. Għalhekk, huwa tajjeb għalina li kultant żmien neżaminaw is-sitwazzjoni tagħna stess u ma noqogħdux nistennew iċ-ċirkustanzi ideali. (Koħ. 11:4) Int żagħżugħ li dalwaqt tispiċċa l-iskola? Int ġenitur li t-tfal tiegħek dalwaqt jibdew imorru l-iskola? Dalwaqt tirtira mix-xogħol sekulari tiegħek? Dawn il-bidliet jistgħu jagħtuk iktar ħin liberu, u b’hekk jippermettulek tibda taqdi bħala pijunier regulari. Oħt li qabel kellha problemi taʼ saħħa ddeċidiet li tidħol fis-servizz taʼ pijunier fl-età taʼ 89 sena. Għala? Ladarba kienet ilha iktar minn sena ma tidħol l-isptar, hi ħasset li saħħitha kienet se tippermettilha taqdi bħala pijuniera.
3 Fil-każ taʼ Pawlu, fil-bidu kellu l-iskop li jżur lil ħutu f’Korintu. Però, hu rranġa l-pjanijiet tiegħu minħabba l-aħbar tajba. Ħafna minn dawk li qed jaqdu bħala pijunieri regulari llum kellhom jagħmlu diversi aġġustamenti sabiex jidħlu fis-servizz taʼ pijunier. Xi wħud issimplifikaw ħajjithom sal-punt li kellhom bżonn xogħol part-time biss biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż imnaqqsin tal-ħajja. Huma sabu l-għaxqa tagħhom fil-privileġġ tas-servizz tagħhom. (1 Tim. 6:6-8) Xi koppji miżżewġin għamlu bidliet li ppermettewlhom jgħaddu b’paga waħda biss, u għalhekk il-mara setgħet tibda taqdi bħala pijuniera.
4 Tgħaġġilx biex taqtaʼ qalbek mis-servizz taʼ pijunier minħabba li tibżaʼ li m’huwiex possibbli għalik li tlaħħaq mal-ħtieġa tas-sigħat. Hemm bżonn sempliċement ftit iktar minn sagħtejn kuljum. Jekk m’intix ċert li tistaʼ tagħmlu, ipprova aqdi bħala pijunier awżiljarju għal xahar jew tnejn, imma bil-mira persunali taʼ 70 siegħa. Dan se jippermettilek idduq il-ferħ tas-servizz taʼ pijunier. (Salm 34:9 [34:8, NW]) Tkellem maʼ dawk li bħalissa qed jaqdu bħala pijunieri. Huma għandhom mnejn għelbu ostakli li huma simili għal tiegħek. (Prov. 15:22) Itlob lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi li tagħmel ħalli tkabbar il-ministeru tiegħek.—1 Ġw. 5:14.
5 Xogħol taʼ Min Jagħmlu: Is-servizz taʼ pijunier regulari jġib miegħu ħafna barkiet. Jippermettilek tesperjenza l-ferħ akbar li jiġi mill-fatt li tkun qed tagħti iktar minnek innifsek. (Atti 20:35) Is-servizz taʼ pijunier se jtejjeb l-abbiltà tiegħek biex timmaniġġa sew il-Kelma t’Alla tal-verità. (2 Tim. 2:15) Dan se jipprovdilek iżjed opportunitajiet biex tesperjenza l-appoġġ taʼ Ġeħova. (Atti 11:21; Flp. 4:11-13) Is-servizz taʼ pijunier se jgħinek ukoll biex tiżviluppa kwalitajiet spiritwali u se jippermettilek tersaq eqreb lejn Ġeħova. (Ġak. 4:8) Tistaʼ int tgħaddi minn dan il-bieb kbir għax-xogħol u ssir pijunier regulari?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Liema “bieb kbir għax-xogħol” huwa miftuħ għalina?
2. Għala huwa tajjeb li kultant żmien neżaminaw is-sitwazzjoni tagħna?
3. Xi wħud kif għamlu aġġustamenti sabiex jibdew jaqdu bħala pijunieri regulari?
4. X’nistgħu nagħmlu jekk m’aħniex ċerti li nistgħu llaħħqu mal-ħtieġa tas-sigħat?
5. Is-servizz taʼ pijunier għala huwa xogħol taʼ min jagħmlu?