Għandek Int issa l-Opportunità li Tagħmel ix-Xogħol taʼ Pijunier?
1 L-iskrittura tagħna għas-sena 1999 tfakkarna li aħna għadna f’“jum is-salvazzjoni” taʼ Jehovah. (2 Kor. 6:2) Imma jum is-salvazzjoni tiegħu dalwaqt se jintemm. Imbagħad se jibda “jum il-ġudizzju” tiegħu. (2 Pt. 2:9) Filwaqt li Jehovah jkompli jestendi l-opportunità taʼ salvazzjoni lill-bnedmin, kemm huwa eċċitanti li naraw għadd taʼ wħud li dejjem jiżdiedu jwieġbu b’mod pożittiv!
2 In-nies taʼ Jehovah għamlu ħilithom biex jilqgħu l-isfida taʼ li jilħqu lil dawk l-uħud li jwieġbu b’mod pożittiv qabel ma jkun tard wisq. Għal ħafna pubblikaturi tas-Saltna, dan kien ifisser li jidħlu fis-servizz taʼ pijunier. Għandek int issa l-opportunità li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier? Għala qed nistaqsuk?
3 Espressjonijiet t’Apprezzament: Bħalma tħabbar f’Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar 1999, il-ħtieġa tas-sigħat kemm għall-pijunieri regulari u kemm għall-pijunieri awżiljarji tnaqqset. Biex jilħqu l-ħtieġa l-ġdida, il-pijunieri regulari jridu jiddedikaw 70 siegħa fil-ministeru kull xahar, b’total taʼ 840 siegħa kull sena taʼ servizz. Il-pijunieri awżiljarji se jqattgħu 50 siegħa fis-servizz kull xahar. Dawn huma xi ftit mill-bosta espressjonijiet t’apprezzament li rċivejna bħala riżultat taʼ dawn l-aġġustamenti:
“X’għotja mbierka minn Missierna tas-sema!”
“M’hemmx kliem li jistaʼ jesprimi s-sentimenti taʼ ferħ, imħabba, u gratitudni għal dan il-provvediment!”
“Kemm se jagħmilhielna iktar faċli biex nimxu maʼ l-iskeda tagħna!”
“It-talba tagħna hi li issa ħafna iktar jaqbdu l-ministeru full-time u jgawdu l-barkiet li jiġu milli naqdu lil Jehovah b’mod estensiv.”
4 Hekk kif noqorbu lejn il-quċċata taʼ jum is-salvazzjoni t’Alla, huwa evidenti li Jehovah jixtieq li n-nies tiegħu jgħajtu għajta finali u qawwija taʼ tifħir. Il-kobor u l-intensità taʼ dan il-messaġġ jiżdiedu (1) bl-għadd li dejjem jikber taʼ proklamaturi tas-Saltna u (2) billi kull wieħed jipprova jżid dak li jistaʼ jagħmel fl-ippridkar tas-Saltna. Jehovah, dak ‘li jkabbar,’ ġab suċċess fiż-żewġ modi billi bierek l-ispirtu dispost taʼ dawk kollha li aċċettaw is-salvazzjoni.—1 Kor. 3:6, 7; Salm 110:3, Saydon.
5 Tħallihiex Tkun għal xejn: Kien rigward jum is-salvazzjoni taʼ Jehovah li Pawlu wissa lill-Kristjani sħabu: “Ladarba qegħdin naħdmu flimkien maʼ Alla [Jehovah], aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn.” Mhix se tkun għal xejn għalina jekk din inqisuha bħala “ż-żmien tajjeb” biex naħdmu għas-salvazzjoni t’oħrajn f’kull opportunità. (2 Kor. 6:1, 2) Illum, il-kliem taʼ Pawlu huwa iktar urġenti. Kristjani li juru mħabba mill-qalb lejn Jehovah jqisuh bħala privileġġ li jieħdu sehem kemm jistaʼ jkun fil-ministeru li inkarigahom jagħmlu. Tistaʼ issa tieħu sehem iktar bis-sħiħ fil-ministeru bħala pijunier regulari?
6 Hija Mira Raġunevoli: F’Malta, il-mira tagħna hi li sa l-1 taʼ Settembru jkollna 35 pijunier regulari. Aħna konvinti li din hija mira raġunevoli u possibbli. Għala ninsabu daqshekk fiduċjużi? F’Marzu taʼ l-1997 kellna 68 ħu u oħt bħala pijunieri awżiljarji, u f’April taʼ l-1998 kien hemm 51 li għamlu hekk. Il-biċċa l-kbira tagħhom irrapportaw 60 siegħa—10 sigħat biss inqas mill-ħtieġa l-ġdida għall-pijunieri regulari! Anki jekk 7 biss minn dawk li għamlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju jsiru pijunieri regulari qabel it-tmiem taʼ din is-sena taʼ servizz, inkunu nistgħu nibdew Settembru b’35 pijunier full-time jew iktar!
7 Tinħtieġ Skeda: Xorta għadhom jidhru daqsxejn diffiċli għalik biex tilħaqhom 70 siegħa fis-servizz taʼ l-għalqa kull xahar? Forsi jekk iżżomm 17-il siegħa fil-ġimgħa f’moħħok ikun aħjar. Billi tuża l-iskedi mogħtijin bħala eżempju fil-paġna li jmiss, ipprova agħmel skeda taʼ pijunier regulari addattata għaċ-ċirkustanzi persunali tiegħek. Int u tippjanaha, tkellem maʼ pijunieri taʼ l-esperjenza biex tara l-pariri u l-opinjoni tagħhom dwar kif tibbilanċja s-servizz taʼ pijunier maʼ responsabbiltajiet persunali u tal-familja. Staqsi lill-indokratur tiegħek tas-circuit kif il-pijunieri fis-circuit iqassmu l-attività tagħhom tas-servizz kull ġimgħa. Imbagħad ħalli f’idejn Jehovah biex ibiriklek il-pjanijiet tiegħek li tkun pijunier.—Prov. 16:3.
8 Agħmlu Proġett tal-Familja: Għaddielek minn moħħok li x-xogħol taʼ pijunier tagħmluh proġett tal-familja? Tistgħu toqogħdu bil-qegħda bħala familja u tiddiskutu kif—b’ippjanar bl-attenzjoni u b’kooperazzjoni tajba—membru tal-familja jew tnejn ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Nistgħu nifhmu li xi wħud se jsibu li wara li jqisu ċ-ċirkustanzi tagħhom onestament, isibu li bħalissa dawn ma jippermettulhomx li jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Jekk inhu hekk, agħmel ix-xogħol taʼ pijunier bħala mira għall-futur. Imma ibda ippjana biex taħdem għal ċertu data definita li fiha tibda x-xogħol taʼ pijunier. Forsi tkun tistaʼ tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju diversi drabi matul is-sena sakemm ftit ftit tilħaq il-mira li ssir pijunier regulari.
9 It-tmienja u għoxrin pijunier regulari li bħalissa jirrapportaw f’Malta għandhom ċirkustanzi varji. Mhux kollha jgawdu saħħa mill-aqwa, u l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom obbligi tal-familja u finanzjarji. Hemm 3 pijunieri fuq il-50, filwaqt li 3 għandhom 20 sena jew inqas. Tmienja huma aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin. Kważi kwart tal-pijunieri kollha huma aħwa rġiel. Ħafna minnhom għandhom responsabbiltajiet tal-familja u tal-kongregazzjoni. U 10 huma aħwa nisa miżżewġin bit-tfal. Dawn kollha qed ‘jinqdew tajjeb b’kull okkażjoni’ biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier, li f’ħafna każi kien ifisser li jgħixu ħajja iktar sempliċi imma iktar kuntenta.—Kol. 4:5.
10 Għandek Bżonn Tissimplifika? Billi lil ħajtek tagħmilha iktar sempliċi, jistaʼ jkollok l-opportunità li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Qisha ħajtek xi dar kbira bi kmamar u għamara bla bżonn, li jirrikjedu ħafna ħin, flus, u xogħol biex tieħu ħsiebhom? Jekk inhu hekk, il-fatt li taddatta għal ċirkustanzi iktar sempliċi jistaʼ jippermettilek li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Tistaʼ int tnaqqas l-ammont taʼ ħin li tqattaʼ fix-xogħol sekulari? Tistaʼ tirbaħ il-ħin minn xi attività li mhix essenzjali jew turi iktar bilanċ fl-ammont taʼ ħin li tqattaʼ fir-rikreazzjoni?
11 Il-Bibbja, fl-1 Timotju 6:8, twissina: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina [“ħa nkunu kuntenti,” Saydon].” Il-fatt li nkunu kuntenti b’inqas affarijiet huwa fattur importanti biex nagħmlu l-aħjar tagħna fis-servizz taʼ Jehovah. Dan jagħmilhielna iktar faċli biex nagħtu prijorità lil interessi spiritwali. (Mt. 6:22, 33) F’paġna 104 tan-1998 Yearbook fir-rapport dwar il-Ġappun, ġew suġġeriti bosta raġunijiet għala f’dak il-pajjiż hemm spirtu taʼ pijunier daqshekk sabiħ. Ikkunsidra wieħed minnhom: “Ġeneralment huwa minnu li d-djar Ġappuniżi huma sempliċi mhux ħażin, u b’hekk jirrikjedu ftit ħin biex jieħdu ħsiebhom, u għall-biċċa l-kbira, il-ħajjiet jinżammu sempliċi tradizzjonalment.” M’huwiex dan is-sugu taʼ l-1 Timotju 6:8?
12 Madwar il-globu, il-qaddejja taʼ Jehovah qed jippridkaw l-aħbar tajba b’mod dejjem iktar intensiv qabel ma jum is-salvazzjoni taʼ Jehovah jiġi fit-tmiem. Taʼ min jirrikkmanda l-fatt li s-sena l-oħra medja taʼ kważi 700,000 ħadu sehem f’xi għamla taʼ servizz taʼ pijunier kull xahar. Tistaʼ int taġġusta ħajtek sabiex tingħaqad magħhom? Nistidnuk teżamina ċ-ċirkustanzi tiegħek bir-reqqa u bit-talb hekk kif twieġeb il-mistoqsija: “Għandek int issa l-opportunità li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier?”
[Kumment f’paġna 3]
Mira: 35 Pijunier Regulari!
[Tabella f’paġna 4]
Skedi Bħala Eżempju għall-Pijunieri Regulari
Meħtiġin: 17-il siegħa fil-ġimgħa