Ġib Ruħek Sew Sabiex Tigglorifika lil Alla
1 Inkunu fejn inkunu, il-kondotta, l-ilbies, u d-dehra tagħna jagħtu xiehda dwarna u dwar dak Alla li nqimu. Dan ikun evidenti b’mod speċjali f’laqgħat kbar tal-poplu t’Alla, fejn ikunu qed josservawna ħafna nies. Meta nkunu eżemplari, l-isem taʼ Jehovah jiġi glorifikat. (1 Pt. 2:12) Madankollu, imġiba ħażina jew azzjonijiet mingħajr ħsieb min-naħa taʼ ftit individwi jistgħu jġibu tmaqdir fuq l-isem t’Alla u fuq in-nies tiegħu. (Koħ. 9:18b) Jekk inżommu f’moħħna li dawk taʼ barra se jiġġudikaw lill-organizzazzjoni tagħna u lil dak Alla li nqimu permezz tal-kondotta tagħna, dan se jgħinna noqogħdu attenti biex ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’—1 Kor. 10:31.
2 Kondotta Eżemplari fil-Lukandi: Fil-biċċa l-kbira, l-istaff tal-lukandi jibqaʼ impressjonat ħafna bl-ordni, il-manjieri tajbin, u l-indafa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Meta kien qed jitkellem dwar il-familji tax-Xhieda, wieħed maniġer qal: “It-tfal tax-Xhieda taʼ Jehovah huma l-aqwa tfal li qatt rajt! Ikunu mlibbsin qishom irġiel u nisa; huma edukati, dħulin, u għandhom manjieri tajbin; u ma ħolqu l-ebda problema. Jixirqilkom tkunu mfaħħrin għaż-żgħażagħ tagħkom. Aħna ħadna pjaċir bit-tfal tagħkom hawnhekk.” Kummenti bħal dawn jintqalu mill-qalb għax dawk li jkollhom x’jaqsmu magħna jistgħu jaraw l-imħabba u r-rispett li jeżistu fost in-nies taʼ Jehovah.
3 Mill-banda l-oħra, ċerti kummenti minn staff taʼ lukanda oħra jindikaw li għad hemm il-problema li xi wħud huma traskurati jew jabbużaw mill-faċilitajiet tal-lukanda. Dan jikkaġuna iktar problemi u joħloq kritika li m’għandhiex issir. Xi maniġers igergru li t-tfal u l-adolexxenti jagħmlu l-istorbju u ma jobdux, għaliex il-ġenituri ma jiħdux ħsiebhom matul il-konvenzjoni.
4 Imġiba Xierqa fil-Konvenzjoni: Ikun x’ikun it-tip taʼ faċilità li nkunu qed nużaw, irridu nqisuh bħala Sala tas-Saltna kbira matul il-konvenzjoni. Irid ikollna lbies u dehra xierqa, sewwa sew bħal meta nattendu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali tagħna. Kemm matul is-sessjonijiet tal-konvenzjoni kif ukoll wara, l-aħwa rġiel u nisa jridu jevitaw li jilbsu lbies immodest jew taʼ xi moda li tiġi u tmur. Dan ikun jirrifletti l-ispirtu tad-dinja u jkun diffiċli biex oħrajn jagħrfuna bħala li aħna moralment differenti. L-aħwa nisa jridu joqogħdu attenti li l-istil u t-tul tad-dbielet u l-ilbiesi tagħhom ikunu modesti. (1 Tim. 2:9, 10) Kemm jekk inkunu qed nattendu konvenzjoni, qegħdin noqogħdu f’xi lukanda, nieklu f’xi restorant, jew nixtru f’xi ħanut, irridu nirriflettu l-ħin kollu li aħna ministri t’Alla, billi ma nikkaġunawx tfixkil.—2 Kor. 6:3.
5 Il-magħmudija fil-konvenzjoni se ssir is-Sibt fil-għodu. Il-Watchtower taʼ l-1 t’April, 1995, paġna 30, jiddeskrivi l-attitudni li rridu nuru f’dik l-okkażjoni. Jistqarr li “rridu nqisu l-magħmudija bis-serjetà li jixirqilha. Ma jkunx ħin għal turijiet t’emozzjonijiet, li jsir xi pârti, jew li jkun hemm daħq kbir. Imma lanqas ma jkun il-ħin li jkollna swied il-qalb jew wiċċ żorr.” Tkun ħaġa verament mhix xierqa għal dawk li jkunu se jitgħammdu jekk jilbsu xi malja skullata jew trasparenti ħafna, kemm irġiel kif ukoll nisa. Għaldaqstant, kulħadd irid jirrifletti kemm is-serjetà u kemm il-ferħ tal-magħmudija Kristjana.
6 Pietru jfakkarna biex ‘naraw kif għandna nġibu ruħna, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitna.’ (2 Pt. 3:11) Jalla kliemna u l-azzjonijiet tagħna fil-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla” jgħinu lill-osservaturi taʼ qalb onesta jsiru jafu u jqimu lill-kbir Alla tagħna, li jixraqlu kull unur u glorja.—1 Kor. 14:24, 25.