Għala Għandna Nagħtu Kontribuzzjonijiet b’Mod Regulari?
1 In-nies taʼ Jehovah huma tassew imberkin spiritwalment! Aħna ngawdu pranzijiet spiritwali fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna, fejn nirċievu pubblikazzjonijiet ġodda, tagħlim mill-aħjar, u pariri prattiċi. Aħna nistmaw ħafna x-xogħol taʼ ħutna li jieħdu sehem f’servizz full-time bħala pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, u volontieri f’Betel. Nieħdu pjaċir naraw uffiċċji sbieħ bħal dawk fil-Mosta fejn jiġi organizzat ix-xogħol tas-Saltna f’Malta, u fejn isir ix-xogħol tat-traduzzjoni. M’għandniex xi ngħidu, jinħtieġu l-flus sabiex jiġu finanzjati dawn il-provvedimenti kollha.
2 Iżda, David talab lil Jehovah: “Jien min jien u min hu dan il-poplu tiegħi biex stajna nagħtu daqshekk minn rajna? Għax kollox minnek ġej; u minn idejk nagħtuh lilek.” (1 Kron. 29:14) Bħalma qal David, kollox huwa taʼ Jehovah. Għalhekk, kull darba li nikkontribwixxu sabiex navanzaw il-qima pura, aħna nkunu qegħdin sempliċement nagħtu lil Jehovah dak li diġà huwa tiegħu. (Salm 50:10) B’hekk, tqum din il-mistoqsija: Fuq kollox, Jehovah għala jridna nagħtu?
3 Parti Vitali mill-Qima Vera: L-iktar tweġiba sempliċi hija li minn żmien il-qedem Jehovah għamel l-għoti parti vitali mill-qima pura. Għala? L-ewwelnett, Jehovah jagħmel l-għoti parti mill-qima vera għax li nagħtu huwa għall-ġid tagħna. Dan jenfasizza l-apprezzament tagħna għat-tjieba t’Alla. Per eżempju, jekk tifel jixtri jew jagħti rigal lil ġenitur, il-ġenitur għala jħossu se jtir bil-ferħ? Taħseb li l-ġenitur kellu bżonn dak ir-rigal għax ma setax jgħaddi mingħajru? X’aktarx li le. Pjuttost, il-ġenitur ikun tgħaxxaq jara lit-tifel jiżviluppa spirtu t’apprezzament u li lest li jagħti. Għal raġunijiet simili, Jehovah jinkuraġġina biex nagħtu u jitgħaxxaq meta nagħmlu hekk.
4 It-tieni, jekk nagħmluha d-drawwa li nagħtu, se nitgħallmu nimitaw lil Jehovah u lil Ibnu, Ġesù Kristu, f’fattur importanti ferm. Jehovah dejjem jagħti, dejjem ġeneruż. Bix-xieraq li nirringrazzjawh għal kull nifs li nieħdu, kull ikla żgħira li ngawdu, kull mument ferrieħi u sodisfaċenti f’ħajjitna. (Atti 14:17) Ġesù, bħal Missieru, wera spirtu taʼ għoti. Hu dejjem offra minnu nnifsu b’mod ġeneruż. Kont taf li meta Ġesù kien iwettaq il-mirakli, kien irid jagħmel sforz? Iktar minn darba l-Iskrittura tgħidilna li meta kien ifejjaq lill-morda, “minnu kienet toħroġ qawwa.”—Lq. 6:19; 8:45, 46.
5 It-tielet, permezz taʼ l-għoti jiġu provduti bżonnijiet reali u importanti. Veru, Jehovah jistaʼ faċilment jipprovdi dak li hemm bżonn għall-interessi tas-Saltna mingħajr l-għajnuna tagħna, imma hu għażel li jagħtina d-dinjità b’dawn il-privileġġi. Għalhekk, meta nagħtu mir-riżorsi tagħna sabiex navanzaw l-interessi tas-Saltna, se jkollna s-sodisfazzjon kbir li nkunu nafu li qed ikollna parti reali fl-iktar xogħol importanti li qed isir f’din id-dinja. (Mt. 24:14) Għandna wkoll il-privileġġ li nużaw ir-riżorsi tagħna biex ngħinu lil vittmi taʼ diżastri naturali u lil dawk li jgħixu f’postijiet imtertqin bil-gwerra.
6 Ir-rabaʼ, Jehovah għamel l-għoti parti mill-qima vera għax jekk nagħtu se nkunu ferħanin. Ġesù nnifsu qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Hekk ġejna magħmulin minn Jehovah. Jekk nagħtu b’mod regulari, u mhux darba kultant, jew meta jfettlilna, se nkunu nistgħu nżommu għajnejna sempliċi u ffokati fuq l-interessi tas-Saltna, bħalma rrikkmanda Ġesù. (Lq. 11:34; qabbel l-1 Korintin 16:1, 2.) Dan se jgħinna wkoll inħossuna eqreb lejn Jehovah u Ġesù bħala ħaddiema flimkien magħhom. (1 Kor. 3:9) U dan se jkompli jżid maʼ l-ispirtu ġeneruż li diġà jimmarka l-adoraturi taʼ Jehovah mad-dinja kollha.
7 Minfejn jiġu l-flus li jappoġġaw din il-kampanja vasta taʼ tagħlim u xogħol taʼ bini? Mingħand uħud li minn qalbhom iridu jagħtu, saħansitra l-istess bħal fi żmien il-bini tat-tabernaklu. Qegħdin aħna nieħdu sehem b’mod individwali? Juri l-mod kif aħna nużaw il-mezzi finanzjarji tagħna li s-servizz taʼ Jehovah huwa taʼ importanza suprema għalina? Fi kwistjonijiet taʼ flus, ejja nkunu amministraturi leali. Pawlu ħeġġeġ lill-aħwa biex isegwu arranġament organizzat fl-għoti tagħhom. “Kull wieħed minnkom,” hu qal, “kull l-ewwel tal-ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jistaʼ.” (1 Kor. 16:1, 2) Dan jistaʼ jservi taʼ eżempju għalina u għal uliedna meta nagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħna, kemm jekk nagħmlu dan permezz tal-kongregazzjoni jew direttament lill-eqreb uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society. Bi qlub mimlijin apprezzament għall-barkiet spiritwali tagħna, aħna ma ninsewx il-privileġġ u r-responsabbiltà tagħna li nikkontribwixxu fondi biex jintużaw għall-avvanz taʼ l-interessi tas-Saltna t’Alla mad-dinja kollha. (w96 11/1 28-30; w94 12/1 13-18)