Tistħi Xejn?
1 Ma niħduhiex bi kbira meta naraw xi tifel żgħir jittawlilna minn wara ommu jew missieru. Il-mistħija hi xi ħaġa naturali fit-tfulija. Saħansitra ħafna mill-adulti għandhom natural kemxejn mistħi. Jekk il-mistħija teffettwa l-parteċipazzjoni tiegħek fil-ministeru, x’tistaʼ tagħmel?
2 Kif Tkampa mal-Mistħija: Huwa importanti li tagħti attenzjoni għall-persuna ‘li hi moħbija f’qalbek.’ (1 Pt. 3:4) Saħħaħ l-imħabba tiegħek għal Jehovah u għal ġarek. Uri li int konvint b’mod sod li l-fatt li twettaq ix-xogħol taʼ l-ippridkar huwa wieħed mill-aħjar modi kif turi mħabba li tissagrifika lilha nfisha. Segwi rutina tajba taʼ studju persunali u attendenza għal-laqgħat. Itlob regolarment u speċifikament għall-għajnuna taʼ Jehovah. Fidi qawwija u fiduċja fih se jagħtuk il-kunfidenza u ‘tibda xxandar il-kelma bil-kuraġġ u bla biżaʼ taʼ xejn.’—Flp. 1:14.
3 Meta tħossok li m’intix kapaċi, iġġieled kontra dawn is-sentimenti. X’aktarx li anki Timotju kellu jagħmel dan. Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ‘iqis li ħadd ma jmaqdru għax hu żagħżugħ,’ billi fakkru li “Alla ma taniex spirtu taʼ biżaʼ, imma Spirtu taʼ qawwa.” (1 Tim. 4:12; 2 Tim. 1:7) Għal ħafna drabi Jehovah uża lil Timotju, u l-istess se jagħmel miegħek jekk int tistinka biex tipprogressa b’fiduċja sħiħa Lejh.—Salm 56:12 [56:11, NW].
4 Meta waħda oħt kienet tirrifletti fuq xi test Bibliku, bħal dak f’Mattew 10:37, dan kien jgħinha minħabba li l-mistħija kienet iġġagħalha tibżaʼ mir-raġel tagħha li kien jopponiha. Hekk kif hi baqgħet tippersevera, il-ministeru sar iktar faċli għaliha, u maż-żmien żewġha, ommha, u ħutha aċċettaw il-verità!
5 Il-Preparazzjoni Hija Meħtieġa: Il-fiduċja tiegħek dejjem se tkompli tiżdied meta tipprepara bir-reqqa għall-ministeru. Agħżel preżentazzjoni sempliċi mill-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja jew mill-ħarġiet taʼ Il-Ministeru tas-Saltna tal-passat, studjaha, u oqgħod ipprattikaha. Minflok ma toqgħod toħloq ansjetà bla bżonn, aħseb b’mod pożittiv. Ikseb il-kuraġġ billi taħdem mill-qrib m’oħrajn. Żomm f’moħħok li ħafna min-nies li se tiltaqaʼ magħhom fuq il-bibien huma mistħijin, l-istess bħalek. Kulħadd għandu bżonn il-messaġġ tas-Saltna.
6 Jekk tistħi, tiddisprax. Jehovah se jgħinek biex tkun predikatur effettiv taʼ l-aħbar tajba, hekk kif int tagħmel ħiltek kollha. Imbagħad, se jkollok il-ferħ fil-ministeru tiegħek.—Prov. 10:22.