Ilħaq Qalb l-Istudent Tiegħek
1 Qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jgħallmu lil oħrajn “iħarsu” dak kollu li hu ordnalhom. (Mt. 28:19, 20) Jekk wieħed se ‘jħares’ l-ordnijiet taʼ Kristu, l-għarfien li jieħu jrid jilħaqlu qalbu. (Salm 119:112) Kif tistaʼ tqanqal il-qalb taʼ xi ħadd li qed tistudja l-Bibbja miegħu?
2 Itlob għad-Direzzjoni taʼ Jehovah: Ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli huwa minn Alla. Li jkollna suċċess jiddependi mill-barka tiegħu u mhux minn kemm aħna kapaċi. (Atti 16:14; 1 Kor. 3:7) Għalhekk, jinħtieġ li nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah meta niġu biex ngħallmu l-verità lil oħrajn.—Is. 50:4.
3 Kun Af X’Jemmen l-Istudent Tiegħek: Jekk inkunu nafu x’jemmnu n-nies u għala jemmnu hekk se jkollna d-dehen biex nagħrfu x’għandna ngħidu sabiex nilħqulhom qalbhom. Għala l-istudent jolqtu ċertu tagħlim partikulari? X’kien li kkonvinċieh li dan taʼ min jemmnu? Li nkunu nafu dawn l-affarijiet se jgħinna nitkellmu bid-dehen.—Atti 17:22, 23.
4 Ibni Argument Loġiku u Skritturali: Il-verità trid tagħmel sens għall-istudent. (Atti 17:24-31) Aħna rridu nagħtu raġuni soda tat-tama tagħna. (1 Pt. 3:15) Madankollu, dejjem agħmel dan b’qalb tajba u bil-paċenzja.
5 Saħħaħ it-Tagħlim bit-Tixbihat: Minbarra li t-tixbihat jagħmluha iktar faċli għall-istudent biex jifhem, dawn iqanqlulu wkoll l-emozzjonijiet tiegħu. It-tixbihat jeffettwaw kemm il-moħħ u kemm il-qalb. Ġesù kien jużahom spiss. (Mk. 4:33, 34) M’għandniex xi ngħidu, biex tkun effettiva, it-tixbiha li tuża trid taqbel mas-suġġett li tkun qed titkellem fuqu, u jrid ikollha x’taqsam mal-ħajja taʼ l-istudent.
6 Urih X’Benefiċċji Hemm f’li Jaċċetta l-Verità: In-nies iridu jkunu jafu kif se jibbenefikaw meta japplikaw dak li qed jitgħallmu. Għin lill-istudent tiegħek jara l-għerf li hemm fil-kliem taʼ Pawlu fit-2 Timotju 3:14-17.
7 Taqtax qalbek jekk xi wħud ma jagħtux widen għat-tagħlim tiegħek. Mhux il-qlub kollha huma lesti li jaċċettawh. (Mt. 13:15) Madankollu, xi wħud isiru jemmnu. (Atti 17:32-34) Jalla l-isforzi tiegħek biex tilħaq il-qlub bl-aħbar tajba jgħinu lil ħafna oħrajn jaċċettaw u ‘jħarsu’ dak li Ġesù ordna.