Qiegħed Tapplika Dak li Tgħallimt fil-Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-Kelma t’Alla”?
1 Kulmin attenda għall-konvenzjoni distrettwali taʼ din is-sena setaʼ jara li n-nies taʼ Jehovah bi ħsiebhom iwettqu sew l-inkarigu li jkunu għalliema tal-Kelma t’Alla. (Mt. 28:19, 20) Hekk kif mort lura lejn id-dar, liema punti partikulari taʼ tagħlim kont determinat li tapplika f’ħajtek stess u fil-ministeru taʼ l-għalqa?
2 L-Iskrittura Mnebbħa Tiswa biex Wieħed Jgħallem: It-tema taʼ l-ewwel jum kienet tiffoka fuq it-2 Timotju 3:16. It-taħdita prinċipali wriet li biex inkunu “Armati bis-Sħiħ Bħala Għalliema tal-Kelma t’Alla,” irridu ngħożżu ferm il-Kelma t’Alla, nirrispettawha iktar minn kull opinjoni jew tradizzjoni umana, u nużawha dejjem. Irridu wkoll nitolbu kuljum għall-ispirtu qaddis sabiex jgħinna fil-ministeru tagħna u jgħinna nikkultivaw il-frotta primarja tiegħu—l-imħabba. U għandna nħallu lill-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art tħarriġna bħala ministri permezz tal-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni.
3 Is-serje taʼ taħditiet tal-Ġimgħa, “Ngħallmu Lilna Nfusna waqt li Ngħallmu lil Oħrajn,” spjegat li rridu nkunu t’eżempju f’li (1) inkunu fi qbil mal-liġijiet t’Alla f’kull aspett tal-moralità Kristjana, (2) inżommu drawwiet tajbin taʼ l-istudju, u (3) neliminaw l-attitudnijiet u l-kundizzjonijiet tal-qalb u tal-moħħ li x-Xitan jistaʼ jinqeda bihom. Imbagħad tgħallimna dwar modi prattiċi kif nipproteġu lill-familji tagħna mill-pesta dinjija tal-pornografija. Il-ġenituri ġew inkuraġġiti biex jagħtu eżempju f’li jevitaw anki daqqa t’għajn lejn xena sesswali u biex joqogħdu għassa għal dak li t-tfal tagħhom jaraw fuq l-Internet u t-televixin. Liema punti li ħadt mill-programm tal-Ġimgħa bdejt tapplika?
4 L-aħħar taħdita tal-jum saħħet id-determinazzjoni tagħna biex ngħożżu d-dawl taʼ Jehovah, nibqgħu qrib tal-klassi leali tal-midlukin t’Alla, u nagħtu sehemna biex inżidu l-paċi tal-poplu t’Alla. Qrajtha l-pubblikazzjoni l-ġdida Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II?
5 Kwalifikati Biżżejjed biex Ngħallmu lil Oħrajn: L-iskrittura bħala tema għat-tieni jum kienet it-2 Timotju 2:2, New World Translation. Hekk kif qgħadt tismaʼ s-serje taʼ taħditiet tas-Sibt fil-għodu, ħadt nota tas-suġġerimenti dwar kif (1) tfittex lil dawk li jixirqilhom, (2) tikkultiva l-interess tagħhom, u (3) tgħallimhom iħarsu dak kollu li ordnalna Kristu? Qiegħed tapplika dak li tgħallimt—li turi lill-inkwilini minn taʼ l-inqas punt wieħed mill-Iskrittura u tpoġġi pedament għaż-żjara li jkun imiss?
6 Il-programm taʼ wara nofsinhar enfasizza l-importanza taʼ li nimitaw lill-Għalliem il-Kbir, Ġesù. B’liema modi qed tistinka biex tkun iktar bħalu? Minn dak li tgħallimt fit-tieni serje taʼ taħditiet tal-jum, kif tħoss li tistaʼ ‘Tibbenefika Iktar bis-Sħiħ mill-Edukazzjoni Teokratika’? Liema suġġerimenti applikajt sabiex iżżid l-abbiltà tiegħek ħalli tikkonċentra waqt l-istudju persunali u l-laqgħat tal-kongregazzjoni?
7 Mingħajr l-ebda dubju, il-provvediment li ġej dalwaqt Benefit From Theocratic Ministry School Education (Ibbenefika mill-Edukazzjoni taʼ l-Iskola għall-Ministeru Teokratiku) se jgħinna ntejbu l-abbiltajiet tagħna bħala kelliema u għalliema tal-Kelma t’Alla. Se tingħata attenzjoni akbar lejn il-kwalitajiet tad-diskors li kienu magħrufin għalihom xi qaddejja leali t’Alla fi żminijiet Bibliċi. Kull lezzjoni f’dan il-ktieb taʼ gwida l-ġdid għandha kaxxi li juru preċiżament x’għandna bżonn nagħmlu, għala huwa importanti, u kif għandna nagħmluh. Jinkludi wkoll eżerċizzji prattiċi. L-aħwa nisa se jkollhom 29 setting minn fejn jagħżlu meta jwettqu l-inkarigi tagħhom. Maż-żmien se jsiru l-bidliet li tħabbru fil-mod kif titqassam l-iskola. Għandek int rutina tajba taʼ studju u preparazzjoni sabiex tibbenefika bis-sħiħ mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku kull ġimgħa?
8 Kunu Għalliema Meta Tqisu ż-Żmien: Ebrej 5:12 (NW) ipprepara moħħ l-udjenza għall-Ħadd. Is-serje taʼ taħditiet taʼ fil-għodu, “Il-Profezija taʼ Malakija Tħejjina għall-Jum taʼ Jehovah,” ħeġġitna biex nagħtu ’l Alla l-aħjar tagħna u biex nobogħdu kull forma taʼ tradiment sabiex nibqgħu ħajjin fil-jum il-kbir taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ. Id-drama, “Irrispetta l-Awtorità taʼ Jehovah,” uriet b’mod qawwi li l-kburija, l-ambizzjoni, l-għira, u l-lealtà mhux f’postha taʼ Koraħ tal-qedem u taʼ dawk li ssieħbu miegħu wassluhom għal ribelljoni diretta kontra Jehovah innifsu. It-taħdita taʼ wara kienet tikkonċentra dwar il-bżonn taʼ żmienna li nissottomettu ruħna lejn l-awtorità divina kemm fil-familja kif ukoll fil-kongregazzjoni. It-taħdita pubblika, “Min Huma Dawk li Qed Jgħallmu l-Verità lill-Ġnus Kollha?,” tat prova li x-Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu dan, f’kuntrast mal-Kristjaneżmu, li jgħid bil-kliem biss li qed jgħallem il-verità tal-Bibbja.
9 B’mod ċar, Jehovah qed iħarriġna biex inkunu għalliema aħjar tal-Kelma tiegħu. Ejja napplikaw dak li tgħallimna, u ‘ngħassu fuqna nfusna u fuq it-tagħlim tagħna; inżommu sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk nagħmlu hekk, insalvaw lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna.’—1 Tim. 4:16.