Żid il-Ferħ Tiegħek fl-Ippridkar
1 Il-ferħ meta taqsam l-aħbar tajba maʼ ħaddieħor—qiegħed tesperjenzah fil-ministeru tiegħek? Jekk ma noqogħdux attenti, id-dinja ħażina taʼ madwarna tistaʼ tqanqal fina biżaʼ mill-ippridkar, u b’hekk iġġagħalna nitilfu l-ferħ tagħna. Il-fatt li naħdmu f’territorju fejn ma jintweriex interess jistaʼ jiskuraġġina wkoll. Liema passi prattiċi nistgħu nieħdu biex inżidu l-ferħ tagħna fl-ippridkar?
2 Kun Pożittiv: Li nżommu attitudni pożittiva jgħin ħafna. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nimmeditaw fuq il-privileġġ grandjuż li għandna li nkunu “ħaddiema maʼ Alla.” (1 Kor. 3:9) Ġesù wkoll jinsab magħna fit-twettiq taʼ dan ix-xogħol. (Mt. 28:20) U hu jappoġġana b’armata taʼ anġli. (Mt. 13:41, 49) Mela, nistgħu nkunu ċerti li Alla qed jidderieġi l-isforzi tagħna. (Apk. 14:6, 7) Allura, minkejja l-mod kif il-bnedmin jistgħu jirreaġixxu għax-xogħol tagħna, ir-reazzjoni fis-sema hija waħda taʼ ferħ kbir!
3 Ipprepara Sew: Preparazzjoni tajba żżid il-ferħ tagħna wkoll. Li llestu għall-ministeru m’għandux għalfejn jieħu ħafna xogħol. Kulma hemm bżonn ftit minuti biss biex naħsbu dwar xi punt taʼ diskussjoni mir-rivisti kurrenti jew mill-offerta taʼ letteratura għax-xahar. Agħżel preżentazzjoni minn “X’Nistgħu Ngħidu dwar ir-Rivisti,” fil-Ministeru tas-Saltna. Iċċekkja x’jgħid l-insert taʼ Jannar 2002, “Suġġerimenti taʼ Preżentazzjonijiet għas-Servizz taʼ l-Għalqa.” Jew inkella fittex fil-ktieb Reasoning biex issib introduzzjoni effettiva. Jekk issib li s-soltu titfixkel meta l-inkwilini jqajmu xi oġġezzjoni partikulari, ħejji tweġiba li tneħħi l-attenzjoni mill-kumment tagħhom u li tidderiġiha lejn suġġett li jqajmilhom l-interess. Il-ktieb Reasoning jgħinek ħafna biex tagħmel dan. Il-fatt li nużaw dawn l-għodod se jagħtina l-kunfidenza li għandna bżonn biex nippridkaw bil-ferħ.
4 Itlob bil-Ħerqa: Il-talb huwa essenzjali biex ikollna ferħ dejjiemi. Peress li qed nagħmlu x-xogħol taʼ Jehovah, għandna bżonn nissupplikawh għall-ispirtu tiegħu, li waħda mill-frottiet tiegħu hi l-ferħ. (Gal. 5:22) Jehovah se jagħtina l-qawwa biex inkomplu nippridkaw. (Flp. 4:13) Li nitolbu dwar il-ministeru tagħna jistaʼ jgħinna nżommu ħarsa xierqa meta jkollna esperjenzi negattivi. (Atti 13:52; 1 Pt. 4:13, 14) Jekk inħossuna mbeżżgħin, it-talb jistaʼ jgħinna nippersistu bil-kuraġġ u l-ferħ.—Atti 4:31.
5 Oħloq l-Opportunitajiet: M’għandniex xi ngħidu, il-ministeru tagħna jkun iktar hieni meta nkunu nistgħu nsibu lin-nies u nagħtuhom xiehda. Meta tbiddel l-iskeda tiegħek biex tmur minn dar għal dar f’ħinijiet differenti, forsi tard wara nofsinhar jew kmieni fil-għaxija, jistaʼ jkollok iktar suċċess. Int tiltaqaʼ man-nies kulmeta tkun miexi fit-triq, tmur tixtri, tirkeb tal-linja, jew meta tkun miexi f’xi ġnien. Għax ma tippreparax mod kif taqbad konversazzjoni qasira u tieħu l-inizjattiva biex tmur fuq dawk li jidhru dħulin? Jew forsi taħdem xogħol sekulari jew tmur f’xi skola pubblika, fejn kuljum titkellem maʼ oħrajn. Forsi jkollok ċans tagħti xiehda billi sempliċement tqajjem suġġett Skritturali li jqanqal ftit interess. Tistaʼ ssib suġġerimenti tajbin fil-paġna taʼ quddiem taʼ l-insert fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar 2002. Kull wieħed minn dawn l-isforzi jistaʼ jgħin ħafna f’li jżid il-ferħ li dak li jkun jistaʼ jikseb mill-ippridkar.
6 Peress li l-ferħ jgħinna nissaportu, kemm hu vitali li nżommuh! Billi nagħmlu hekk, se naħsdu premju kbir meta dan ix-xogħol li qatt m’hu se jerġaʼ jsir jasal fl-aħħar. Fih innifsu, dan il-prospett se jżidilna l-ferħ tagħna fl-ippridkar.—Mt. 25:21.