Aqdi lil Jehovah bil-Ferħ
1. X’jistaʼ jġibilhom ferħ kbir lill-qaddejja taʼ Jehovah?
1 “Ifirħu dejjem fil-Mulej,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Nerġaʼ ngħidilkom, ifirħu.” (Flp. 4:3b [4:4, NW]) Il-privileġġ li għandna biex naqsmu l-aħbar tajba u ngħinu lil uħud bħal nagħaġ iqimu lil Jehovah iġibilna ferħ kbir. (Lq. 10:17; Atti 15:3; 1 Tess. 2:19) Madankollu, xi ngħidu jekk xi drabi ninnotaw li qed jonqsilna l-ferħ fil-ministeru tagħna? X’nistgħu nagħmlu?
2. Kif jistaʼ jiżdidilna l-ferħ meta niffokaw fuq min inkarigana?
2 Xogħol Ordnat minn Alla: Ftakar li l-inkarigu tagħna taʼ l-ippridkar ġej mingħand Jehovah. Iva, kemm aħna privileġġati li aħna “ħaddiema maʼ Alla” biex nipproklamaw il-messaġġ tas-Saltna u nagħmlu dixxipli! (1 Kor. 3:9) Kristu Ġesù jappoġġana f’dan ix-xogħol li qatt m’hu se jerġaʼ jsir. (Mt. 28:18-20) L-anġli wkoll huma involuti b’mod attiv u jaħdmu magħna f’dan il-ħsad spiritwali kbir li qed isir bħalissa. (Mt. 13:39; Atti 8:26, 29; 16:14; Apk. 14:6) L-Iskrittura, flimkien maʼ l-esperjenzi tal-poplu t’Alla, tagħti evidenza ċara li Jehovah qiegħed jappoġġa dan ix-xogħol. Għalhekk, meta nippridkaw, immorru “bħal nies mibgħutin minn Alla, quddiem Alla nitkellmu fi Kristu.” (2 Kor. 2:17) Kemm għandna għalxiex nifirħu!
3. Xi rwol għandu t-talb biex jgħinna nżommu l-ferħ fis-servizz tagħna?
3 It-talb huwa essenzjali biex inżommu l-ferħ fis-servizz t’Alla. (Gal. 5:22) Ladarba x-xogħol t’Alla nistgħu nagħmluh bil-qawwa tiegħu biss, irridu nitolbuh bil-ħrara biex jagħtina l-ispirtu tiegħu, li hu jagħti bl-abbundanza lil dawk kollha li jitolbuhulu. (Lq. 11:13; 2 Kor. 4:1 7; Efes. 6:18-20) Meta nitolbu dwar il-ministeru tagħna se niġu megħjunin biex inżommu ħarsa xierqa jekk niltaqgħu maʼ wħud li jwieġbu b’mod negattiv. Dan se jgħinna wkoll biex nibqgħu nippridkaw bil-kuraġġ u l-ferħ.—Atti 4:29-31; 5:40-42; 13:50-52.
4. Preparazzjoni tajba kif tistaʼ tgħinna nżidu l-ferħ tagħna fl-ippridkar, u liema huma xi modi prattiċi kif nistgħu nippreparaw?
4 Ipprepara Tajjeb: Mod prattiku kif inżidu l-ferħ tagħna meta nkunu qegħdin nieħdu sehem fil-ministeru hu billi nippreparaw tajjeb. (1 Pt. 3:15) Preparazzjoni bħal din m’hemmx għalfejn tieħu ħafna ħin. Hemm bżonn biss taʼ ftit minuti biex tirrivedi l-preżentazzjonijiet suġġeriti għar-rivisti kurrenti jew għal preżentazzjoni li hija addattata għal-letteratura li qed tippjana li toffri. Għal introduzzjoni addattata tistaʼ tara l-ktieb Reasoning jew il-ħarġiet li għaddew tal-Ministeru tas-Saltna. Xi pubblikaturi tas-Saltna jsibuha t’għajnuna li jniżżlu preżentazzjoni qasira fuq karta żgħira apposta. Minn ħin għall-ieħor, jagħtu daqqa t’għajn lejn il-karta biex ifakkru lilhom infushom. Dan jgħinhom biex jegħlbu l-mistħija u jagħtihom il-kunfidenza biex jippridkaw bil-kuraġġ.
5. Il-ferħ kif huwa taʼ benefiċċju għalina u għal oħrajn?
5 Il-ferħ iġib miegħu ħafna benefiċċji. Attitudni ferriħija ssebbaħ il-messaġġ tagħna. Il-ferħ iqawwina biex nissaportu. (Neħ. 8:10; Lhud 12:2) L-iktar importanti, is-servizz tagħna li jsir bil-ferħ jigglorifika lil Jehovah. Għalhekk, ejja nibqgħu naqdu lil Jehovah bil-ferħ.—Salm 100:2.