Kunu Magħqudin Flimkien Għalenija
1 Ġieli bqajt mistagħġeb b’kemm ġisem il-bniedem hu magħmul bis-sengħa? (Salm 139:14) Kull membru tal-ġisem jaħdem fi qbil mal-kumplament. Il-Kelma t’Alla xxebbah il-kongregazzjoni Kristjana maʼ ġisem li l-membri tiegħu jaħdmu flimkien b’mod effiċjenti. Taħt dak li hu r-Ras, Kristu, il-membri kollha tal-kongregazzjoni jaħdmu ‘fir-rabta u l-għaqda permezz taʼ l-għekiesi kollha li jservu skond il-ħidma taʼ kull waħda minnhom.’ (Efes. 4:16a) B’hekk, Jehovah jistaʼ juża lill-poplu magħqud tiegħu sabiex iwettaq affarijiet meraviljużi.
2 Il-membri tal-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu ħadmu “flimkien” biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u materjali taʼ xulxin. (Atti 2:44-47) Bl-appoġġ taʼ Jehovah, huma f’unità ffaċċjaw u għelbu oppożizzjoni ħarxa. (Atti 4:24-31) Huma ddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna kulfejn marru, waqt li wasslu l-aħbar tajba f’kull parti taʼ l-art li kienet magħrufa dak iż-żmien. (Kol. 1:23) Fiż-żminijiet moderni, il-kongregazzjoni Kristjana wettqet f’unità l-istess affarijiet fuq skala saħansitra akbar. X’inhuma l-affarijiet li jġibu din l-għaqda?
3 Ninġibdu Lejn Xulxin bit-Tagħlim Divin: Madwar il-globu, aħna magħqudin bil-qima tagħna. Dan kif inhu possibbli? Aħna nagħrfu l-mezz viżibbli li Jehovah juża sabiex jipprovdilna ‘x’nieklu fil-ħin’ b’mod spiritwali. (Mt. 24:45) Napprezzaw ukoll l-għotjiet fi rġiel li tana bħala għalliema fil-kongregazzjoni. Hekk kif bl-umiltà naċċettaw il-provvedimenti taʼ Jehovah li bihom jitmagħna spiritwalment, il-fehma tagħna tal-Kelma t’Alla tikber u tqanqal fina lkoll ix-xewqa li nimitaw lil Ġesù bħala d-dixxipli tiegħu. Irridu nkomplu nistudjaw il-Kelma t’Alla, u nistinkaw bil-ħerqa ħalli “naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi.” (Efes. 4:8, 11-13) Qiegħed int tagħti sehmek għall-għaqda spiritwali tagħna billi taqra l-Bibbja kuljum?
4 Magħqudin Permezz taʼ Sħubija Kristjana: L-imħabba tressaqna lejn xulxin fi sħubija mill-qrib fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. F’dawn il-laqgħat, aħna “nieħdu ħsieb xulxin.” (Lhud 10:24, 25, Karm Żammit) Dan jinvolvi li ma narawx biss id-dehra taʼ barra imma li nsiru nafu lil ħutna verament, billi narawhom kif jarahom Jehovah, bħala li huma prezzjużi. (Ħag. 2:7) Hekk kif nisimgħuhom jesprimu l-fidi tagħhom, l-imħabba tagħna għalihom issir iktar profonda u l-għaqda tagħna tissaħħaħ. Int magħruf bħala individwu li jattendi regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni?
5 Ħaddiema Sħab fl-Għalqa: L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba m’aduraturi sħabna jgħaqqadna f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. L-appostlu Pawlu kien jgħożż lil dawk li kienu ‘jaħdmu miegħu għas-Saltna taʼ Alla.’ (Kol. 4:11) Meta naqsmu l-esperjenzi u ngħinu lil xulxin fil-ministeru niġu megħjunin inwettqu l-inkarigu Kristjan tagħna u nsaħħu r-rabta taʼ l-għaqda li hemm bejnietna.—Kol. 3:14.
6 L-Effett li Jgħaqqad taʼ l-Ispirtu Qaddis: Hekk kif b’mod ħabrieki nagħmlu r-rieda t’Alla, Jehovah iberikna bl-ispirtu tiegħu. Dan jgħinna ntaffu n-nuqqas taʼ qbil u ngħammru magħqudin flimkien. (Salm 133:1) Iqanqalna ‘biex inżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem.’ (Efes. 4:3) Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu għall-armonija li teżisti fost il-poplu t’Alla billi nuru l-frott taʼ l-ispirtu fil-mod kif nittrattaw lil xulxin.—Gal. 5:22, 23.
7 Meta naqdu magħqudin flimkien bi Kristu bħala l-kap tagħna, il-ġisem “jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.” (Efes. 4:16b) Iktar minn hekk, dan jigglorifika lil Jehovah, “Alla tas-sliem.”—Rum. 16:20.