Għallem lil Oħrajn il-Lingwa Pura
1 Minkejja li ġejjin ‘minn kull ġens, tribù, poplu u lsien,’ ix-Xhieda taʼ Jehovah huma poplu magħqud, fratellanza internazzjonali taʼ vera. (Apk. 7:9) Fid-dinja maqsuma taʼ llum, dan hu taʼ min jammirah. Dan kif inhu possibbli? Għaliex ngħatajna l-“bidla għal lingwa pura.”—Sof. 3:9, NW.
2 Effetti Meraviljużi: X’inhi din il-lingwa pura? Hija l-fehma xierqa tal-verità li tinsab fil-Kelma t’Alla dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu, b’mod partikulari l-verità dwar is-Saltna t’Alla. Bħalma bassar Ġesù, din il-verità qed tiġi mxerrda bil-mezz viżibbli li juża Alla fuq l-art, “l-ilsir leali u diskret,” bir-riżultat li n-nies “mill-ilsna kollha tal-ġnus” qed iħaddnu l-qima vera.—Mt. 24:45, NW; Żak. 8:23.
3 Hekk kif in-nies jitgħallmu l-lingwa pura, huma jitqanqlu biex iġibu ħajjithom fi qbil mal-livelli taʼ Jehovah. Jitgħallmu jsiru “magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.” (1 Kor. 1:10) Ukoll, it-tagħlim divin jipproduċi fihom kondotta retta, u jibdew jitkellmu b’mod onest u li jibni, speċjalment meta jagħtu l-aħbar tajba lil oħrajn. (Titu 2:7, 8; Lhud 13:15) Dawn il-bidliet meraviljużi jagħtu ġieħ lil Jehovah.
4 Biex nagħtu eżempju, raġel li ġie kuntattjat bl-aħbar tajba kellu ħafna mistoqsijiet, u kollha ġew imweġbin mill-Bibbja. Minħabba li tqanqal minn dak li semaʼ, hu beda jistudja darbtejn fil-ġimgħa u jattendi l-laqgħat. Baqaʼ skantat bil-mod dħuli kif ġie milqugħ fis-Sala tas-Saltna, peress li ħafna minn dawk li kienu hemm kienu taʼ razez differenti. Fi żmien qasir, hu u martu għamlu bidliet f’ħajjithom u tgħammdu. Minn dakinhar ’l hawn hu għen xi 40 individwu ieħor jibdew jaqdu lil Jehovah, inkluż bosta membri tal-familja. Minkejja li jbati minn diżabilità, dan l-aħħar hu beda jaqdi bħala pijunier.
5 Ngħallmu lil Oħrajn: Il-ġrajjiet dinjin qed iġagħlu lil ħafna nies sinċiera jerġgħu jeżaminaw ħajjithom u l-mod kif jaħsbu. Bħal Ġesù, aħna għandu jkollna x-xewqa li ngħinuhom. Iż-żjajjar lura effettivi u l-istudji tal-Bibbja huma fundamentali biex ngħinu lil uħud sinċiera jitgħallmu l-lingwa pura.
6 Metodu li wera li hu effettiv maʼ nies li huma mħabbtin hu li jsir studju tal-Bibbja fil-qosor fil-bieb. (km-MT 5/02 pġ. 1) Ġieli pprovajtu? Meta tkun qed tipprepara biex tagħmel żjara lura, agħżel preżentazzjoni mill-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar taʼ l-2002 li tkun addattata għall-inkwilin. Ħafna mill-preżentazzjonijiet f’dan l-insert huma mħejjijin biex jiħduk direttament f’diskussjoni mill-browxer X’Jirrikjedi jew mill-ktieb Għarfien. Ipprattika l-preżentazzjoni sabiex tkun tistaʼ tibqaʼ għaddej faċilment mill-introduzzjoni għal diskussjoni fuq wieħed mill-paragrafi. Agħżel skrittura jew tnejn mill-paragrafu biex taqrahom u tiddiskutihom, u ħejji mistoqsija ħalli tikkonkludi biha. Dan se jgħinek tidderieġi l-attenzjoni lejn il-paragrafu li trid tkopri fiż-żjara li jmiss.
7 Il-poplu taʼ Jehovah qed jesperjenza ħafna barkiet għaliex qed jitgħallem il-lingwa pura. Jalla nħabirku ħalli ngħinu lil oħrajn jingħaqdu magħna biex ilkoll ‘insejħu isem Jehovah’ u biex ‘naqduh spalla maʼ spalla.’—Sof. 3:9, NW.