Gratitudni għall-Ħniena t’Alla
1 Qabel ma sar Kristjan, l-appostlu Pawlu kien jopponi l-Kristjanità b’mod vjolenti minħabba li din kienet qed tinfirex. Madankollu, minħabba li aġixxa fl-injoranza, hu intwera l-ħniena. Jehovah wera qalb tajba, u Pawlu ġie mogħti l-inkarigu taʼ l-ippridkar. Hu kien jgħożżu dan l-inkarigu. (Atti 26:9-18, 1 Tim. 1:12-14) Il-gratitudni għall-ħniena taʼ Jehovah qanqlet lil Pawlu biex jissagrifika lilu nnifsu ħalli jwettaq il-ministeru tiegħu.—2 Kor. 12:15.
2 Bħala espressjoni tal-ħniena t’Alla, aħna wkoll ġejna mogħtija ministeru. (2 Kor. 4:1) Bħal Pawlu, nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-ħniena li ntweriet magħna billi nħabirku ħalli ngħinu lil oħrajn jimxu ’l quddiem spiritwalment. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi nibdew u nikkonduċu studji tal-Bibbja.
3 Nibdew Studji tal-Bibbja: Mod wieħed kif nistgħu nibdew studji tal-Bibbja hu billi nistabbilixxu rotta bir-rivisti. Hekk kif inżuru regolarment lil dawk fir-rotta tagħna, inkunu nistgħu nsiru iktar midħla taʼ dak li jinteressahom. Maż-żmien, artiklu taʼ xi wieħed mir-rivisti jistaʼ jkun t’għajnuna biex tibda studju tal-Bibbja fuq il-browxer X’Jirrikjedi. Fiż-żjajjar taʼ wara, għandu mnejn ikun possibbli li tkompli d-diskussjonijiet fuq il-browxer X’Jirrikjedi meta tħalli xi rivisti maʼ l-inkwilin.
4 Hemm Bżonn taʼ Sforz bit-Talb: Talb flimkien maʼ sforz diliġenti se jtejjeb l-attività tagħna taʼ l-ippridkar. Oħt pijuniera li kellha studju tal-Bibbja wieħed talbet lil Jehovah biex iberikha b’iktar studji. Hi wkoll aġixxiet fi qbil mat-talb tagħha. Hi eżaminat il-ministeru tagħha u nnotat li ma kinitx qed toffri studji tal-Bibbja meta tagħmel iż-żjajjar lura. Hi bdiet tagħmel hekk u ftit wara kellha żewġ studji oħra.
5 Xi privileġġ għandna li nieħdu sehem f’li ngħarrfu “l-Evanġelju tal-grazzja [“qalb tajba mhix mistħoqqa,” New World Translation] taʼ Alla”! (Atti 20:24) Jalla l-gratitudni għall-ħniena t’Alla tqanqalna biex inkunu diliġenti meta ngħinu lil oħrajn sabiex jibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah.