Noffru l-Aqwa Tagħna lil Jehovah
1 Il-Liġi taʼ Jehovah lil Iżrael kienet tispeċifika li l-annimali offruti lilu bħala sagrifiċċju kellhom ikunu “bla difett.” Annimal li jkollu difett ma kienx aċċettabbli. (Lev. 22:18-20; Mal. 1:6-9) Iktar minn hekk, meta kien isir sagrifiċċju, ix-xaħam kollu—l-aħjar parti—kien jappartjeni lil Jehovah. (Lev. 3:14-16) Bħala l-Missier u s-Sid Grandjuż taʼ Iżrael, Jehovah kien jixraqlu l-aqwanett.
2 Bħal fi żmien il-qedem, Alla jinteressah ħafna fil-kwalità taʼ l-offerti tagħna llum. Is-servizz tagħna għandu jirrifletti riverenza xierqa lejn Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, iċ-ċirkustanzi jvarjaw minn persuna għal oħra. Però, għandna raġuni tajba għalxiex neżaminaw bir-reqqa lilna nfusna sabiex inkunu ċerti li qed nagħtuh l-aqwa tagħna.—Efes. 5:10.
3 Servizz b’Qalbna Kollha: Sabiex il-ministeru tagħna jonora lil Jehovah u jmiss il-qalb tas-semmiegħa tagħna, dan m’għandux isir bħala sempliċi rutina. Meta nesprimu ruħna dwar Alla tagħna u l-iskopijiet grandjużi tiegħu għandna nitkellmu bi gratitudni li tfur minn qalbna. (Salm 145:7) Dan juri kemm hu importanti li nżommu programm tajjeb taʼ qari u studju persunali mill-Bibbja.—Prov. 15:28.
4 Il-fatt li nagħtu l-aqwa tagħna lil Jehovah jinvolvi wkoll li nimitaw l-imħabba tiegħu għan-nies. (Efes. 5:1, 2) L-imħabba għan-nies se tqanqalna biex nipprovaw nilħqu kemm jistaʼ jkun uħud bil-messaġġ tal-verità li jagħti l-ħajja. (Mk. 6:34) Se tqanqalna nuru interess persunali f’dawk li nitkellmu magħhom. Iġġagħalna nibqgħu naħsbu dwarhom wara l-ewwel żjara u tqanqalna mmorru lura. Timmotivana biex nagħmlu kulma nistgħu ħalli ngħinuhom jimxu ’l quddiem spiritwalment.—Atti 20:24; 26:28, 29.
5 “Sagrifiċċju taʼ Tifħir”: Mod ieħor kif nagħtu l-aqwa tagħna lil Jehovah hu billi nħabirku fil-ministeru. Meta nkunu organizzati sew u ffokati fuq ix-xogħol li aħna inkarigati biex nagħmlu, se nkunu nistgħu nwettqu l-aħjar li hu possibbli fil-ħin li jkollna disponibbli. (1 Tim. 4:10) Preparazzjoni tajba se tgħinna nitkellmu ċar u b’konvinzjoni, u għalhekk ikollna ċans akbar li nsibu lil min iwieġeb b’mod favorevoli. (Prov. 16:21) Hekk kif naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn, l-espressjonijiet tagħna t’apprezzament mill-qalb jistgħu jissejħu b’mod xieraq “sagrifiċċju taʼ tifħir.”—Lhud 13:15.