Tgħallem mill-‘Qafas tal-Verità’
“Għandek il-qafas taʼ l-għarfien u tal-verità fil-Liġi.” —RUM. 2:20.
FITTEX IT-TWEĠIBIET GĦAL DAWN IL-MISTOQSIJIET:
Is-sagrifiċċji fil-Liġi Mosajka x’kienu jirrappreżentaw?
Is-sagrifiċċji tagħna b’liema mod huma simili għal ċerti sagrifiċċji li kienu joffru l-Iżraelin?
Ġeħova liema sagrifiċċji jaċċetta u liema ma jaċċettax?
1. Għala hu importanti li nifhmu dak li qal Pawlu dwar il-Liġi Mosajka?
KIEKU ma kellniex il-kitbiet ispirati tal-appostlu Pawlu, kien ikun diffiċli li nifhmu l-importanza tal-ħafna aspetti tal-Liġi Mosajka. Pereżempju, fl-ittra tiegħu lill-Ebrej, Pawlu spjega li Ġesù kien “qassis il-kbir” leali li offra sagrifiċċju darba għal dejjem. Dawk li jpoġġu l-fidi fih jistgħu jkunu fil-paċi m’Alla u jiksbu “ħelsien taʼ dejjem.” (Ebr. 2:17; 9:11, 12) Pawlu spjega wkoll li t-tabernaklu kien biss “dell taʼ l-affarijiet tas-sema.” Ġesù kien il-Medjatur taʼ patt li kien aħjar mil-Liġi Mosajka. (Ebr. 7:22; 8:1-5) Il-fatt li Pawlu spjega x’kienu jirrappreżentaw l-aspetti tal-Liġi kien t’għajnuna kbira għall-Kristjani fi żmienu, u għalina wkoll. Dan jgħinna nifhmu iktar bis-sħiħ il-valur tal-provvedimenti li Alla għamel għalina.
2. Il-Kristjani Lhud għala kienu jafu iktar dwar Alla u r-raġunijiet għal-liġijiet tiegħu min-nies li ma kinux Lhud?
2 Ftit minn dak li Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Ruma kien għall-Kristjani Lhud li kienu jgħixu hemmhekk u li kienu ġew mgħallmin dwar il-Liġi Mosajka. Hu qalilhom li ladarba kienu jafu l-Liġi, diġà kellhom “il-qafas taʼ l-għarfien u tal-verità” dwar Ġeħova u r-raġunijiet ġusti tiegħu għal-liġijiet li jagħmel. Huma fehmu u ħabbew il-verità bażika li tgħallmu mil-Liġi. Għalhekk, bħal-Lhud leali taʼ qabilhom, setgħu jgħallmu lil oħrajn il-verità bażika dwar Ġeħova.—Aqra Rumani 2:17-20.
DELLIJIET TAS-SAGRIFIĊĊJU TAʼ ĠESÙ
3. Kif nibbenefikaw billi nistudjaw dwar is-sagrifiċċji tal-Lhud?
3 Il-verità bażika li nsibu fil-Liġi Mosajka, li Pawlu ddeskrivieha bħala l-qafas tal-verità, tgħinna nifhmu l-iskopijiet taʼ Ġeħova. Il-lezzjonijiet li Ġeħova għallem lill-poplu tiegħu permezz tal-Liġi għadhom importanti. B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw aspett wieħed taʼ din il-Liġi—kif diversi sagrifiċċji u offerti wasslu lil-Lhud umli lejn Kristu u għenuhom jifhmu dak li Alla kien jeħtieġ minnhom. U ladarba l-ħtiġijiet bażiċi taʼ Ġeħova għall-qaddejja tiegħu ma jinbidlux, se naraw ukoll li l-liġijiet li Alla ta lill-Iżraelin rigward is-sagrifiċċji u l-offerti jistgħu jgħinuna neżaminaw il-mod kif naqduh.—Mal. 3:6.
4, 5. (a) Il-Liġi Mosajka fiex fakkrithom lil-Lhud? (b) Is-sagrifiċċji taʼ xiex kienu “dell”?
4 Ħafna aspetti tal-Liġi Mosajka kienu jfakkru lil-Lhud li kienu midinbin. Pereżempju, kull min kien imiss ġisem taʼ bniedem mejjet kellu jnaddaf lilu nnifsu. Biex dan isir, il-qassis kien joqtol baqra ħamra f’saħħitha, jaħraqha, u juża l-irmied tagħha biex jagħmel “l-ilma għat-tindif.” Fit-tielet u fis-sebaʼ jum wara li l-individwu ma kienx ikun nadif, il-qassis kien iroxx dan l-ilma fuq l-individwu biex jippurifikah. (Num. 19:1-13) Meta mara kienet tiled, ma kinitx tkun nadifa għal xi żmien. Wara li jkun għadda dan iż-żmien, kellha toffri sagrifiċċju għan-nuqqas taʼ ndafa tagħha. Dan kollu fakkar lil-Lhud li kulħadd jitwieled bl-imperfezzjoni u bid-dnub.—Lev. 12:1-8.
5 Is-sagrifiċċji tal-annimali kienu meħtiġin f’bosta sitwazzjonijiet oħrajn fil-ħajja taʼ kuljum biex ipattu għad-dnubiet. Kemm jekk il-Lhud indunaw u kemm jekk le, dawn is-sagrifiċċji—u dawk li iktar tard kienu jiġu offruti fit-tempju taʼ Ġeħova—kienu “dell” tas-sagrifiċċju perfett taʼ Ġesù.—Ebr. 10:1-10.
L-ATTITUDNI XIERQA DWAR IS-SAGRIFIĊĊJI
6, 7. (a) L-Iżraelin x’kellhom jiftakru meta kienu jagħżlu xi sagrifiċċju? (b) Sagrifiċċju aċċettabbli x’kien jirrappreżenta? (ċ) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
6 Ġeħova rrikjeda li l-Iżraelin joffru biss annimali li jkunu “bla difett,” jew f’saħħithom, mhux għomja, imweġġgħin, sfigurati, jew morda. (Lev. 22:20-22) Meta l-Iżraelin kienu joffru frott jew qmuħ lil Ġeħova, dawn kellhom ikunu “l-ewwel frott,” l-“aqwanett” tal-ħsad tagħhom. (Num. 18:12, 29) Ġeħova ma kienx jaċċetta offerti inferjuri. Meta l-Iżraelin kienu joffru l-aqwa sagrifiċċji tal-annimali, dan kien jirrappreżenta l-fatt li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù kien se jkun bla tebgħa u bla difett. Ġeħova kien se jissagrifika dak li kien l-aqwa u l-iktar għażiż għalih sabiex jifdi lill-umanità.—1 Pt. 1:18, 19.
7 Jekk l-individwu li kien ikun qed jagħmel sagrifiċċju kien verament grat lejn Ġeħova għat-tjubija kollha Tiegħu, allura ma kienx ikun kuntent li jagħżel l-aqwa nett minn dak li kellu? L-individwu nnifsu kien jagħżel il-kwalità tal-offerta. Madankollu, hu kien jaf li Alla ma kienx se jieħu pjaċir b’offerta difettuża, għax dan kien jindika li r-raġel kien jikkunsidra s-sagrifiċċju bħala sempliċi formalità, saħansitra taʼ piż. (Aqra Malakija 1:6-8, 13.) Dan l-eżempju għandu jġegħelna naħsbu dwar il-mod kif naqdu lil Alla. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Jien għala qed naqdi lil Ġeħova? Hemm bżonn li nbiddel il-mod kif qed naqdih? Qed nagħtih l-aħjar tiegħi?
8, 9. X’nitgħallmu mill-mod kif kienu jħossuhom l-Iżraelin meta kienu joffru xi sagrifiċċju?
8 Iżraeli setaʼ joffri sagrifiċċju volontarju lil Ġeħova biex juri l-gratitudni tiegħu. Jew setaʼ jitlob l-approvazzjoni taʼ Ġeħova billi b’mod volontarju jagħti offerta tal-ħruq. F’każi bħal dawn, x’aktarx li kien isibha faċli li jagħżel l-aħjar annimal u kien ikun kuntent li jagħtih lil Ġeħova. Illum, m’għandniex għalfejn noffru s-sagrifiċċji msemmijin fil-Liġi Mosajka, imma nagħmlu sagrifiċċji oħrajn. Nużaw il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna biex naqdu lil Ġeħova. L-appostlu Pawlu qal li l-‘istqarrija pubblika’ tat-tama tagħna u l-fatt li ‘nagħmlu l-ġid u naqsmu m’oħrajn’ huma sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla. (Ebr. 13:15, 16) L-attitudni tagħna, jew il-mod kif inħossuna, lejn li naqdu lil Ġeħova turi kemm aħna grati għal dak kollu li tana. Mela, bħall-Iżraelin, għandna bżonn neżaminaw il-mod kif inħossuna dwar li naqdu lil Alla u għala naqduh.
9 F’xi sitwazzjonijiet, il-Liġi Mosajka kienet teħtieġ li Iżraeli jagħmel offerta għad-dnub jew offerta għall-ħtija jekk ikun dineb. Ladarba dawn l-offerti kienu meħtiġin, taħseb li l-Iżraeli kien isibha bi tqila biex joffrihom minn rajh? (Lev. 4:27, 28) Mhux jekk verament ried iżomm relazzjoni tajba maʼ Ġeħova.
10. Liema “sagrifiċċji” għandu mnejn ikollna nagħmlu jekk għamilna xi ħaġa ħażina?
10 Illum, forsi ngħidu xi ħaġa li toffendi lil xi ħu, forsi mingħajr lanqas biss nindunaw jew għax ma naħsbux qabel ma nitkellmu. Jew forsi tniggiżna l-kuxjenza tagħna għax inkunu għamilna xi ħaġa ħażina. Jekk verament irridu nogħġbu lil Ġeħova, se nagħmlu kulma nistgħu biex nikkoreġu l-iżball. Dan jistaʼ jfisser li jkollna nitolbu maħfra sinċiera lill-ħu li offendejna. Jew jekk inkunu għamilna xi għemil ħażin serju, għandna nitolbu l-għajnuna mingħand l-anzjani. (Mt. 5:23, 24; Ġak. 5:14, 15) Min-naħa tagħna, jeħtieġ li nieħdu azzjoni biex nikkoreġu d-dnub kontra l-ħu jew kontra Ġeħova. Hu bħallikieku qed nagħmlu sagrifiċċju. Meta nkunu lesti li nagħmlu hekk, jistaʼ jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u maʼ ħuna, u se jkollna kuxjenza nadifa. Dawn ir-riżultati tajbin jikkonvinċuna li Ġeħova jaf x’inhu l-aħjar għalina.
11, 12. (a) Is-sagrifiċċji taʼ sħubija x’kienu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mis-sagrifiċċji taʼ sħubija?
11 Sagrifiċċji oħrajn imsemmijin fil-Liġi Mosajka kienu l-offerti taʼ sħubija. Dawn kienu juru li individwu kien fil-paċi maʼ Ġeħova. L-individwu li kien jagħmel offerta bħal din kien jiekol il-laħam tal-annimal sagrifikat flimkien maʼ familtu, forsi f’waħda mill-kmamar tal-ikel tat-tempju. Kemm il-qassis li jissagrifika l-annimal kif ukoll il-qassisin l-oħrajn li kienu jkunu qed jaqdu fit-tempju kienu jirċievu biċċa mil-laħam. (Lev. 3:1, ntt.; 7:31-33) L-individwu kien jagħmel din l-offerta għax ried li jkollu relazzjoni tajba m’Alla. Kien bħallikieku hu, il-familja tiegħu, il-qassisin, u Ġeħova nnifsu kienu qed jieklu lkoll flimkien bil-ferħ u fil-paċi.
12 Għalhekk, meta Iżraeli kien jagħmel sagrifiċċju taʼ sħubija kien bħallikieku qed jistieden lil Ġeħova għal ikla. Xi privileġġ kbir kien għalih meta Ġeħova kien jaċċetta l-istedina tiegħu għal ikla bħal din! Żgur li ried joffri l-aqwa nett lil Ġeħova. Is-sagrifiċċji taʼ sħubija kienu parti mill-qafas tal-verità li nsibu fil-Liġi Mosajka. Dawn kienu juru li kull min ried ikollu relazzjoni paċifika mal-Ħallieq tiegħu setaʼ jagħmel dan permezz tas-sagrifiċċju akbar taʼ Ġesù. Illum, nistgħu nkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova jekk minn rajna nissagrifikaw, jew nużaw, ir-riżorsi u l-enerġija tagħna fis-servizz tiegħu.
EŻEMPJI TAʼ SAGRIFIĊĊJI LI ALLA M’AĊĊETTAX
13, 14. Ġeħova għala m’aċċettax dak li ried jissagrifika Sawl?
13 Naturalment, Ġeħova kien jaċċetta s-sagrifiċċji jekk l-individwu li kien joffrihom kellu attitudni xierqa. Imma l-Bibbja fiha wkoll xi eżempji taʼ sagrifiċċji li Alla m’aċċettahomx. Għala ma ħax pjaċir b’dawn is-sagrifiċċji? Ejja nikkunsidraw żewġ sitwazzjonijiet.
14 Il-profeta Samwel qal lis-Sultan Sawl li kien wasal iż-żmien biex Ġeħova jagħmel ġudizzju fuq l-Għamalekin. Għalhekk, Sawl kellu jeqred lil dan il-ġens flimkien mal-annimali li kellu. Madankollu, wara r-rebħa tiegħu, Sawl ippermetta li s-suldati tiegħu jżommu ħaj lil Agag, is-sultan tal-Għamalekin. Sawl ħalla wkoll l-aħjar annimali ħajjin biex jissagrifikahom lil Ġeħova. (1 Sam. 15:2, 3, 21) X’kienet ir-reazzjoni taʼ Ġeħova? Hu ċaħad lil Sawl minħabba d-diżubbidjenza tiegħu. (Aqra l-1 Samwel 15:22, 23.) X’nitgħallmu minn dan? Li biex Alla jaċċetta s-sagrifiċċji tagħna, irridu nobdu l-kmandi tiegħu.
15. L-Iżraelin xi wrew meta kienu qed joffru sagrifiċċji waqt li kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena?
15 Eżempju simili nsibuh fil-ktieb taʼ Isaija. Fi żmien Isaija, l-Iżraelin kienu qed joffru sagrifiċċji lil Ġeħova sempliċement għax kien mitlub minnhom. Fl-istess ħin, baqgħu jagħmlu ħafna affarijiet ħżiena. Minħabba f’hekk, Ġeħova m’aċċettax is-sagrifiċċji tagħhom. “X’nambiha l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom?” staqsa Ġeħova. “Xbajt mill-offerti sħaħ tal-ħruq taʼ l-imtaten u mix-xaħam taʼ l-annimali magħlufin tajjeb; u d-demm tal-barrin żgħar u tal-ħrief irġiel u tal-bdabad ma jogħġobnix. . . . Iddaħħlux iktar offerti tal-qmuħ bla valur. L-inċens hu xi ħaġa mistkerrha għalija.” X’kienet il-problema? Alla qalilhom: “Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ; idejkom imtlew bit-tixrid taʼ demm. Inħaslu; tnaddfu; neħħu l-ħażen t’għemilkom minn quddiem għajnejja; tibqgħux tagħmlu l-ħażen.”—Is. 1:11-16.
16. Alla liema sagrifiċċji jaċċetta?
16 Ġeħova ma kienx jaċċetta s-sagrifiċċji taʼ dawk li baqgħu jagħmlu l-ħażen. Madankollu, Alla jaċċetta t-talb u l-offerti taʼ dawk li sinċerament jagħmlu sforz biex jgħixu fi qbil mal-kmandi tiegħu. Il-qafas tal-Liġi kien jgħallem lil individwi bħal dawn li kienu midinbin u li kellhom bżonn il-maħfra. (Gal. 3:19) Meta Iżraeli kien jifhem dak li l-Liġi kienet qed tipprova tgħallmu, kien iħossu dispjaċut ħafna għal dnubietu u kien jixtieq li Ġeħova jaħfirlu. Illum, aħna wkoll għandna niftakru li Ġeħova jistaʼ jaħfrilna dnubietna permezz tas-sagrifiċċju taʼ Kristu biss. Jekk nifhmu l-importanza taʼ dan is-sagrifiċċju u nkunu verament grati għalih, Ġeħova se ‘jitgħaxxaq’ b’kulma nagħmlu fis-servizz tiegħu.—Aqra Salm 51:17, 19.
EŻERĊITA L-FIDI FIS-SAGRIFIĊĊJU TAʼ ĠESÙ
17-19. (a) Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li aħna grati għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa? (b) X’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?
17 L-Iżraelin raw biss “dell” tal-iskopijiet t’Alla, imma aħna għandna r-realtà. (Ebr. 10:1) Il-liġijiet dwar is-sagrifiċċji għallmu lill-Iżraelin x’kellhom jagħmlu sabiex ikollhom relazzjoni tajba m’Alla. Kellhom bżonn juru l-gratitudni tagħhom, ikollhom xewqa li jagħtuh l-aħjar tagħhom, u jifhmu li kienu jeħtieġu l-maħfra tiegħu. Illum, l-Iskrittura Griega Kristjana tgħinna nifhmu li permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, Ġeħova se jneħħi d-dnub u l-mewt għal dejjem. Permezz tal-fidwa, jistaʼ jaħfrilna dnubietna sabiex saħansitra issa jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa. Il-fidwa hi għotja meraviljuża mingħand Ġeħova!—Gal. 3:13; Ebr. 9:9, 14.
18 M’għandniex xi ngħidu, biex nibbenefikaw mis-sagrifiċċju tal-fidwa, mhux biżżejjed li sempliċement nifhmu xi jfisser. Pawlu kiteb: “Il-Liġi kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex niġu dikjarati ġusti minħabba l-fidi.” (Gal. 3:24) Irridu nuru l-fidi tagħna b’għemilna. (Ġak. 2:26) Kristjani Lhud fl-ewwel seklu kienu jifhmu l-qafas tal-verità għax kienu jafu l-Liġi Mosajka. Pawlu inkuraġġiehom biex jaġixxu skont dak li tgħallmu minnha. B’dan il-mod, kienu jkunu qed jgħixu fi qbil mal-verità li kienu jgħallmu lil oħrajn.—Aqra Rumani 2:21-23.
19 Għalkemm m’għandniex għalfejn nobdu l-Liġi Mosajka, xorta għandna noffru sagrifiċċji li jogħġbu lil Ġeħova. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu kif nistgħu nagħmlu dan.
[Kumment f’paġna 17]
Il-ħtiġijiet bażiċi taʼ Ġeħova għall-qaddejja tiegħu ma jinbidlux
[Stampa f’paġna 18]
Int kieku liema annimal kont toffri lil Ġeħova?
[Stampa f’paġna 19]
Dawk li joffru sagrifiċċji aċċettabbli lil Ġeħova jgawdu l-approvazzjoni tiegħu