Sagrifiċċji li lil Alla Għoġbuh
“Kull qassis [il-kbir] isir biex iressaq l-offerti u joffri s-sagrifiċċji.”—LHUD 8:3.
1. In-nies għala jħossu li għandhom bżonn iduru lejn Alla għall-għajnuna?
1“IS-SAGRIFIĊĊJU jidher li hu normali għall-bniedem daqs kemm hu t-talb; b’taʼ l-ewwel jindika x’iħoss dwaru nnifsu, u bl-ieħor x’iħoss dwar Alla,” jikteb Alfred Edersheim, kittieb taʼ l-istorja Biblika. Minn mindu d-dnub daħal fid-dinja, dan ġab miegħu l-uġigħ tal-ħtija, u l-bniedem iħossu mbiegħed minn Alla u mingħajr protezzjoni. Jeħtieġ serħan minn dawn l-affarijiet. Għalhekk, faċli tifhem li meta n-nies isibu ruħhom f’dan l-istat imwiegħer, huma jħossu li għandhom bżonn iduru lejn Alla għall-għajnuna.—Rumani 5:12.
2. Fil-Bibbja liema rakkonti nsibu dwar offerti bikrin li saru lil Alla?
2 L-ewwel darba li fil-Bibbja jissemmew offerti magħmulin lil Alla hu f’konnessjoni maʼ Kajjin u Abel. Naqraw: “Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott taʼ l-art lill-Mulej; u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom.” (Ġenesi 4:3, 4) Imbagħad, insibu lil Noè, li wara li ġie salvat minn Alla mid-Dilluvju l-kbir li qered lill-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ żmienu, ħassu mqanqal li ‘joffri sagrifiċċji tal-ħruq fuq l-artal’ lil Jehovah. (Ġenesi 8:20) Ħafna drabi Abraham, il-qaddej u ħabib leali t’Alla, imqanqal mill-wegħdi u l-barkiet mingħand Alla, ‘bena artal u sejjaħ isem Jehovah.’ (Ġenesi 12:8; 13:3, 4, 18) Iktar tard, Abraham iffaċċja l-akbar prova tal-fidi tiegħu meta Jehovah qallu biex joffri lil ibnu Iżakk bħala offerta tal-ħruq. (Ġenesi 22:1-14) Dawn ir-rakkonti, għalkemm qosra, jitfgħu ħafna dawl fuq is-suġġett tas-sagrifiċċji, bħalma se naraw.
3. X’post għandhom is-sagrifiċċji fil-qima?
3 Minn dawn ir-rakkonti u oħrajn li nsibu fil-Bibbja, jidher ċar li l-offerta taʼ xi forma taʼ sagrifiċċju kienet parti fundamentali mill-qima ferm qabel ma Jehovah ta liġijiet speċifiċi dwar dan. Fi qbil maʼ dan, ktieb taʼ referenza jagħti t-tifsira tal-kelma “sagrifiċċju” bħala “ċerimonja reliġjuża fejn jiġi offrut oġġett lil xi alla sabiex il-bniedem jistabbilixxi, iżomm, jew jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba bejnu u bejn dak li hu jqis bħala sagru.” Iżda dan iqajjem xi mistoqsijiet importanti li taʼ min jikkunsidrahom bir-reqqa, bħal: Għala hu meħtieġ is-sagrifiċċju fil-qima? Liema xorta taʼ sagrifiċċji huma aċċettati minn Alla? U x’ifissru għalina llum is-sagrifiċċji tal-qedem?
Għala Hu Meħtieġ is-Sagrifiċċju?
4. X’ġaralhom Adam u Eva talli dinbu?
4 Meta Adam dineb, dan għamlu apposta. Meta ħa u kiel mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin, hu għamel dan l-att taʼ diżubbidjenza bil-ħsieb. Il-kastig għal dan l-att taʼ diżubbidjenza kien il-mewt, bħalma kien stqarr Alla b’mod ċar: “Dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Maż-żmien, Adam u Eva ħasdu ħlas id-dnub; huma mietu.—Ġenesi 3:19; 5:3-5.
5. Jehovah għala ħa l-inizjattiva għan-nom tad-dixxendenti taʼ Adam, u x’għamel Hu għalihom?
5 Iżda, xi ngħidu għad-dixxendenti taʼ Adam? Peress li wirtu d-dnub u l-imperfezzjoni mingħand Adam, huma bl-istess mod iħossuhom imbegħdin minn Alla, mingħajr protezzjoni, u suġġetti għall-mewt bħalma ħassewhom l-ewwel tnejn min-nies. (Rumani 5:14) Madankollu, Jehovah m’huwiex biss Alla taʼ ġustizzja u qawwa iżda fuq kollox hu wkoll Alla taʼ mħabba. (1 Ġwann 4:8, 16) Għalhekk hu jieħu l-inizjattiva biex jirranġa s-sitwazzjoni. Wara li tgħid li l-“ħlas tad-dnub hu l-mewt,” il-Bibbja tissokta tgħid, “imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.”—Rumani 6:23.
6. X’inhi r-rieda taʼ Jehovah rigward il-ħsara li saret bid-dnub taʼ Adam?
6 Dak li Alla Jehovah għamel, meta kien il-waqt, biex jiggarantixxi dan id-don kien li jipprovdi xi ħaġa li tagħmel tajjeb għat-telfa li ġab miegħu n-nuqqas taʼ Adam. Bl-Ebrajk, il-kelma ka·pharʹ għall-ewwel x’aktarx kienet tfisser “tgħatti” jew forsi “tħassar,” u tiġi tradotta wkoll “espjazzjoni.”a Fi kliem ieħor, Jehovah pprovda mezz xieraq biex jgħatti d-dnub li writna mingħand Adam u jħassar il-ħsara li dan ġab miegħu biex b’hekk dawk li jikkwalifikaw għal dan id-don setgħu jinħelsu mill-kundanna tad-dnub u l-mewt.—Rumani 8:21.
7. (a) Liema tama ġiet provduta permezz tas-sentenza t’Alla fuq Satana? (b) Liema prezz irid jitħallas għall-ħelsien tal-bnedmin mid-dnub u l-mewt?
7 It-tama taʼ ħelsien mill-jasar tad-dnub u l-mewt issemmiet indirettament preċiż wara li dinbu l-ewwel bnedmin. Meta lissen is-sentenza tiegħu kontra Satana, li kien rappreżentat mis-serp, Jehovah qal: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) B’din id-dikjarazzjoni profetika, tfaċċa raġġ taʼ tama għal dawk kollha li kienu se jpoġġu l-fidi tagħhom f’din il-wegħda. Madankollu, hemm prezz x’jitħallas għal dan il-ħelsien. In-Nisel imwiegħed ma kellux sempliċement jiġi u jeqred lil Satana. In-Nisel irid jinsaħaqlu għarqubu, jiġifieri, irid iġarrab il-mewt, għalkemm mhux għal dejjem.
8. (a) Kajjin kif safa taʼ diżappunt? (b) Is-sagrifiċċju t’Abel għala kien aċċettat minn Alla?
8 Bla dubju Adam u Eva ħasbu ħafna dwar min kien in-Nisel imwiegħed. Meta Eva wildet lil Kajjin, l-ewwel iben tagħha, hi qalet: “Għamilt bniedem [bl-għajnuna t]al-Mulej.” (Ġenesi 4:1) Ħasbet forsi li binha se jkun in-Nisel? Minkejja dak li ħasbet hi, Kajjin, kif ukoll l-offerta tiegħu, sfaw taʼ diżappunt. Mill-banda l-oħra, ħuh Abel wera fidi fil-wegħda t’Alla u kien imqanqal biex joffri xi ftit mill-ewwel frieħ tal-merħla tiegħu bħala sagrifiċċju lil Jehovah. Naqraw: “Kien permezz tal-fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin, sagrifiċċju li bis-saħħa tiegħu kiseb xhieda li hu kien raġel ġust.”—Lhud 11:4.
9. (a) Abel f’liema ħaġa wera fidi, u dan kif esprimieh? (b) X’wettqet l-offerta t’Abel?
9 Il-fidi t’Abel ma kinitx sempliċement fidi li Alla jeżisti, bħalma kienet dik taʼ Kajjin. Abel kellu fidi fil-wegħda t’Alla dwar Nisel li permezz tiegħu kellhom jiġu salvati l-bnedmin leali. Abel ma ġiex muri kif dan kellu jseħħ, imma l-wegħda t’Alla għamlitu konxju li xi ħadd ried jiġi misħuq f’għarqubu. Iva, milli jidher irrealizza li kellu jixxerred id-demm, u dan hu eżatt x’ifisser sagrifiċċju. Abel offrielu għotja li tinvolvi l-ħajja u d-demm lil Dak li minnu oriġinat il-ħajja, x’aktarx bħala turija tax-xewqa kbira li kellu u bi stennija għat-twettiq tal-wegħda taʼ Jehovah. Kienet din l-espressjoni taʼ fidi li għamlet is-sagrifiċċju t’Abel pjaċevoli f’għajnejn Jehovah. Fuq skala żgħira din uriet is-sinjifikat tas-sagrifiċċju, bħala mezz li bih il-bnedmin midinba jistgħu jersqu lejn Alla biex jiksbu l-favur tiegħu.—Ġenesi 4:4; Lhud 11:1, 6.
10. Is-sinjifikat tas-sagrifiċċju kif deher ċar meta Jehovah talab lil Abraham joffri lil Iżakk?
10 Is-sinjifikat profond tas-sagrifiċċju deher ċar u tond meta Jehovah kkmanda lil Abraham biex joffri lil ibnu Iżakk bħala offerta maħruqa. Għalkemm dan is-sagrifiċċju ma twettaqx fir-realtà, permezz tiegħu ngħatat stampa ċara taʼ dak li Jehovah nnifsu kien se jagħmel meta jasal il-waqt. Dan kien li joffri lil Ibnu l-waħdieni bħala l-akbar sagrifiċċju li qatt setaʼ jsir biex iwettaq ir-rieda Tiegħu għall-bnedmin. (Ġwann 3:16) Bis-sagrifiċċji u l-offerti fil-Liġi taʼ Mosè, Jehovah stabbilixxa mudelli profetiċi biex jgħallem lill-poplu magħżul tiegħu x’għandu jagħmel biex jaqlaʼ l-maħfra taʼ dnubietu u biex isaħħaħlu t-tama għas-salvazzjoni. Aħna x’nistgħu nitgħallmu minnhom?
Sagrifiċċji Aċċettati minn Jehovah
11. Liema żewġ kategoriji t’offerti kien jippreżenta l-qassis il-kbir taʼ Iżrael, u għal liema skopijiet?
11 “Kull qassis [il-kbir] isir biex iressaq l-offerti u joffri s-sagrifiċċji,” jgħid l-appostlu Pawlu. (Lhud 8:3) L-offerti li kienu jsiru mill-qassis il-kbir f’Iżrael tal-qedem kienu jinqasmu f’żewġ kategoriji, f’għotjiet u f’sagrifiċċji, jew “sagrifiċċji għad-dnubiet.” (Lhud 5:1) In-nies ġeneralment jagħtu għotjiet biex juru affezzjoni u apprezzament, kif ukoll biex irawmu ħbiberija, biex jintwerew favur, jew biex jiġu aċċettati. (Ġenesi 32:21 [32:20, NW]; Proverbji 18:16) Bl-istess mod, ħafna mill-offerti li jissemmew fil-Liġi jistgħu jitqiesu bħala “għotjiet” lil Alla biex jinkisbu l-favur u l-approvazzjoni tiegħu.b Il-ksur tal-Liġi kien jirrikjedi xi xorta taʼ kumpens, u kienu jiġu offruti “sagrifiċċji għad-dnubiet” biex titpatta l-ħtija. Il-Pentatewku (l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja), speċjalment il-kotba taʼ Eżodu, Levitiku, u Numri, jipprovdi ħafna informazzjoni dwar l-għamliet differenti taʼ sagrifiċċji u għotjiet. Għalkemm mhux faċli li nifhmu u niftakru d-dettalji kollha, huwa xieraq li noqogħdu attenti għal xi punti ewlenin dwar id-diversi tipi taʼ sagrifiċċji.
12. Fejn fil-Bibbja nistgħu nsibu deskrizzjoni ġenerali tas-sagrifiċċji, jew offerti, fil-Liġi?
12 Nistgħu ninnotaw li fl-ewwel sebaʼ kapitli tal-Levitiku jiġu deskritti individwalment ħames tipi ewlenin taʼ offerti, avolja xi ftit minnhom kienu fil-fatt jiġu offruti flimkien. Dawn huma l-offerta tal-ħruq, l-offerta tal-qmuħ, is-sagrifiċċju tas-sliem jew tas-sħubija, l-offerta għad-dnub, u l-offerta għall-ħtija. Ninnotaw ukoll li dawn l-offerti jiġu deskritti darbtejn f’dawn il-kapitli, għal skop differenti. L-ewwel darba f’Levitiku 1:2 sa 5:26 [6:7, NW], biex jgħid bid-dettall x’kellu jiġi offrut fuq l-artal. It-tieni darba, f’Levitiku 6:1 [6:8, NW] sa 7:36, biex juri s-sehem li kien jitwarrab għall-qassisin u dak li kien jinżamm għal min jagħmel l-offerta. Imbagħad, f’Numri kapitli 28 u 29, insibu bħal skeda dettaljata, li turi x’kellu jiġi offrut kuljum, kull ġimgħa, kull xahar, u fil-festi annwali.
13. Iddeskrivi l-offerti li kienu offruti volontarjament bħala għotjiet lil Alla.
13 Fost l-offerti li kienu jsiru volontarjament bħala għotjiet jew mezz biex wieħed jersaq lejn Alla u jikseb il-favur tiegħu kien hemm l-offerti tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, u l-offerti tas-sliem. Xi studjużi jinsistu li bil-Lhudi l-frażi “offerta tal-ħruq” tfisser “offerta tat-tlugħ” jew “offerta li titlaʼ.” Dan hu xieraq għax f’offerta tal-ħruq, l-annimal li jinqatel kien jinħaraq fuq l-artal u riħa tfuħ, jew riħa ħelwa, kienet titlaʼ ’l fuq lejn is-sema għand Alla. Xi ħaġa unika fl-offerta tal-ħruq kienet li l-annimal kien jiġi offrut kollu kemm hu lil Alla wara li demmu kien jixxerred madwar l-artal. Il-qassisin kienu ‘jaħarqu kollox b’sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.’—Levitiku 1:3, 4, 9; Ġenesi 8:21.
14. L-offerta tal-qmuħ kif kienet preżentata?
14 L-offerta tal-qmuħ hi deskritta f’Levitiku kapitlu 2. Din kienet offerta volontarja li kienet tikkonsisti minn dqiq fin, li normalment kienu jxarrbuh biż-żejt, u jżidu miegħu l-inċens. “Il-qassis jieħu daqs qabda taʼ id smid biż-żejt u l-inċens, u jaħraqha b’tifkira fuq l-artal, ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.” (Levitiku 2:2) L-inċens kien wieħed mill-ingredjenti li kien jinħaraq fuq l-artal taʼ l-inċens fit-tabernaklu u fit-tempju. (Eżodu 30:34-36) Is-Sultan David milli jidher kellu dan f’moħħu meta qal: “Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek; ikunu jdejja merfugħa ’l fuq bħas-sagrifiċċju fil-għaxija.”—Salm 141:2.
15. X’kien l-iskop tas-sagrifiċċju tas-sliem?
15 Is-sagrifiċċju tas-sliem, deskritt f’Levitiku kapitlu 3, ukoll kien isir bħala offerta volontarja. L-isem jistaʼ wkoll jiġi tradott “sagrifiċċju tas-sħubija.” Bl-Ebrajk, il-kelma “sliem” tfisser ferm iżjed milli sempliċement ħelsien mill-gwerra u l-inkwiet. “Fil-Bibbja, tfisser dan, kif ukoll l-istat jew relazzjoni taʼ paċi m’Alla, riżq, ferħ, u hena,” jgħid il-ktieb Studies in the Mosaic Institutions. Għalhekk, is-sagrifiċċji tas-sliem kienu offruti, mhux biex jiżguraw il-paċi m’Alla, qisu biex iżommuh kuntent, imma biex jesprimu gratitudni, jew biex jiċċelebraw il-qagħda mbierka taʼ paċi m’Alla gawduta minn dawk li huma approvati minnu. Il-qassisin u dak li jagħmel l-offerta kienu jieklu mis-sagrifiċċju wara li d-demm u x-xaħam kienu jiġu offruti lil Jehovah. (Levitiku 3:17; 7:16-21; 19:5-8) B’mod simboliku mill-isbaħ, dak li joffri s-sagrifiċċju, il-qassisin, u Alla Jehovah kienu qed jieklu flimkien, bħala turija tar-relazzjoni taʼ paċi li kienet teżisti bejniethom.
16. (a) X’kien l-iskop taʼ l-offerta għad-dnub u l-offerta għall-ħtija? (b) Dawn kif kienu differenti mill-offerta tal-ħruq?
16 Is-sagrifiċċji li kienu jiġu offruti biex tinkiseb il-maħfra għad-dnub jew biex ipattu għan-nuqqasijiet kontra l-Liġi kienu jinkludu l-offerta għad-dnub u l-offerta għall-ħtija. Għalkemm dawn is-sagrifiċċji wkoll kienu jinvolvu ħruq fuq l-artal, kienu differenti mill-offerta tal-ħruq għaliex fihom ma kienx jiġi offrut l-annimal kollu kemm hu lil Alla, imma biss ix-xaħam u ċerti partijiet mill-annimal. Li jibqaʼ mill-annimal kien jintuża barra mill-kamp jew f’xi każi jittieħed mill-qassisin. Din id-differenza għandha tifsira. L-offerta tal-ħruq kienet preżentata bħala għotja lil Alla biex min joffri s-sagrifiċċju jkun jistaʼ jersaq lejh, u għalhekk kienet tiġi offruta sħiħa lil Alla biss. Huwa taʼ interess li l-offerta tal-ħruq kienet normalment issir wara l-offerta għad-dnub jew l-offerta għall-ħtija. Dan jissuġġerixxi li biex għotja taʼ midneb tiġi aċċettata minn Alla, kienet meħtieġa l-maħfra tad-dnubiet.—Levitiku 8:14, 18; 9:2, 3; 16:3, 5.
17, 18. L-offerta għad-dnub meta riedet tiġi offruta, u x’kien l-iskop taʼ l-offerti għall-ħtija?
17 L-offerta għad-dnub (jew, is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni) kienet aċċettata biss għal dnubiet kontra l-Liġi li ma kinux isiru apposta, dnubiet li jsiru minħabba d-dgħjufija tal-ġisem. “Meta xi ħadd bla ma jrid jikser xi waħda mil-liġijiet kollha tal-Mulej u jagħmel xi ħaġa li ma għandux jagħmel,” allura l-midneb kellu joffri offerta għad-dnub skond il-pożizzjoni, jew il-qagħda tiegħu, fil-komunità. (Levitiku 4:2, 3, 22, 27) Mill-banda l-oħra, midinbin li ma kinux juru ndiema kienu jinqatgħu; ma kienx hemm sagrifiċċji disponibbli għalihom.—Eżodu 21:12-15; Levitiku 17:10; 20:2, 6, 10; Numri 15:30; Lhud 2:2.
18 It-tifsira u l-iskop taʼ l-offerta għall-ħtija (jew, is-sagrifiċċju tar-riparazzjoni) jidhru ċar f’Levitiku kapitli 5 u 6. Xi ħadd forsi dineb bla ma ried. Xorta waħda, in-nuqqas tiegħu għandu mnejn għamlu ħati kontra d-drittijiet tal-bnedmin sħabu jew t’Alla Jehovah, u dak in-nuqqas ried jitpatta jew jiġi rranġat. Jissemmew ħafna kategoriji taʼ dnubiet. Biċċa minnhom kienu dnubiet privati (5:2-6), oħrajn kienu dnubiet kontra “l-obbligi . . . mqaddsa lejn il-Mulej” (5:14-16), u oħrajn, għalkemm min kien jagħmilhom ma kienx totalment bla ħtija, kienu dnubiet li jiġu minn xewqat ħżiena jew dgħjufija tal-ġisem (5:20-22 [6:1-3, NW]). Minbarra li jistqarr dawn id-dnubiet, il-midneb kien jeħtieġlu jagħti kumpens fejn ikun xieraq u mbagħad jippreżenta offerta għall-ħtija lil Jehovah.—Levitiku 5:23-26 [6:4-7, NW].
Kellha Tiġi Xi Ħaġa Aħjar
19. Minkejja li kellu l-Liġi u s-sagrifiċċji li kien fiha, Iżrael għala ma rnexxilux jikseb il-favur t’Alla?
19 Il-Liġi taʼ Mosè, bl-għadd taʼ sagrifiċċji u offerti li kien fiha, ngħatat lill-Iżraelin biex tgħinhom jersqu lejn Alla ħa jiksbu u jibqgħu jgawdu l-favur u l-barka tiegħu sakemm jasal in-Nisel imwiegħed. L-appostlu Pawlu, li kien Lhudi naturali, qal hekk: “Il-Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi.” (Galatin 3:24) B’sogħba, Iżrael bħala ġens ma kkoperax maʼ din it-tmexxija iżda abbuża minn dan il-privileġġ. Minħabba f’hekk, is-sagrifiċċji bla għadd tagħhom saru mistmerra minn Jehovah, li qal: “Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad, u mix-xaħam tal-bhejjem smien. Id-demm tal-gniedes u l-ħrief, u taʼ l-imtaten ma jogħġobnix.”—Isaija 1:11.
20. X’ġara fis-sena 70 E.K. f’dak li jirrigwarda l-Liġi bis-sagrifiċċji li kien fiha?
20 Fis-sena 70 E.K. ntemmet is-sistema Lhudija, bit-tempju u s-saċerdozju tagħha. Wara dan, ma kienx għadu iktar possibbli li jiġu offruti sagrifiċċji skond il-Liġi. Ifisser dan li s-sagrifiċċji, bħala parti integrali mil-Liġi, tilfu kull sinjifikat għall-adoraturi t’Alla llum? Dan se neżaminawh fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a L-Insight on the Scriptures, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., jispjega: “Kif tintuża fil-Bibbja ‘espjazzjoni’ għandha l-ħsieb bażiku taʼ ‘li tgħatti’ jew ‘tibdel,’ u dak li jingħata bi bdil, jew bħala ‘għata’ għal xi ħaġ’oħra, irid ikun kopja eżatta taʼ l-oriġinal. . . . Biex issir espjazzjoni addattata għal dak li ntilef minn Adam, kellha tiġi provduta offerta għad-dnub li tiswa eżatt daqs ħajja umana perfetta.”
b Il-kelma Ebrajka spiss tradotta “offerta” hi qor·banʹ. Meta kiteb dwar il-kundanna taʼ Ġesù kontra d-drawwa bla skruplu taʼ l-iskribi u l-Fariżej, Mark spjega li “qorban” tfisser “offerta,” jew għotja dedikata lil Alla.—Mark 7:11.
Tistaʼ Tispjega?
• X’kien li qanqal lil irġiel leali tal-qedem biex joffru sagrifiċċji lil Jehovah?
• Għala kienu meħtieġa s-sagrifiċċji?
• Liema tipi prinċipali taʼ sagrifiċċji kienu offruti taħt il-Liġi, u x’kien l-iskop tagħhom?
• Skond Pawlu, liema skop prinċipali qdiet il-Liġi bis-sagrifiċċji li kien fiha?
[Stampa f’paġna 14]
Is-sagrifiċċju t’Abel intgħoġob minn Alla għax bih wera l-fidi tiegħu fil-wegħda taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 15]
Tapprezzah int is-sinjifikat taʼ din ix-xena?