Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kien jaf Abel li kien meħtieġ sagrifiċċju taʼ l-annimali biex jaqlaʼ l-favur taʼ Jehovah?
Ir-rakkont Bibliku taʼ Kajjin u Abel jagħmlu l-offerti tagħhom huwa qasir ħafna. F’Ġenesi 4:3-5, naqraw: “Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott taʼ l-art lill-Mulej; u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu. Imma lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx.”
Fil-Bibbja mkien m’hemm imsemmi li qabel din il-ġrajja Jehovah kien ta informazzjoni speċifika dwar is-sagrifiċċji jew dwar x’tip taʼ sagrifiċċju kien aċċettat minnu. Għalhekk, Kajjin u Abel milli jidher għamlu l-offerti tagħhom minn jeddhom. Huma ġew imċaħħdin milli jidħlu fil-Ġenna, li kienet id-dar oriġinali tal-ġenituri tagħhom; bdew iħossu l-effetti tad-dnub; u kienu mbegħdin minn Alla. Fl-istat midneb u miżerabbli tagħhom min jaf kemm ħassew il-bżonn li jduru lejn Alla għall-għajnuna. L-offerta tagħhom lil Alla setgħet kienet ġest volontarju min-naħa tagħhom biex jaqilgħu l-favur t’Alla.
Kif ġraw l-affarijiet, l-offerta t’Abel kienet aċċettata minn Alla, imma taʼ Kajjin ma kinitx. Għala? Kien dan minħabba li Abel offra l-affarijiet xierqa u Kajjin le? Ma nistgħux inkunu ċerti jekk it-tip t’offerta kellux effett fuq il-kwistjoni jew le, ladarba ħadd ma qalilhom x’kien aċċettabbli u x’ma kienx. Però, wisq probabbli li t-tnejn li huma kienu aċċettabbli. Fil-Liġi li maż-żmien Jehovah ta lill-ġens taʼ Iżrael, sagrifiċċji aċċettabbli ma kinux jinkludu biss annimali jew partijiet minn annimali imma wkoll qamħ inkaljat, qatet tax-xgħir, dqiq fin, affarijiet imsajrin, u nbid. (Levitiku 6:12-16 [6:19-23, NW]; 7:11-13; 23:10-13) Milli jidher, ma kienx biss dak li Kajjin u Abel kienu se joffru bħala sagrifiċċju li ġiegħel lil Alla jaċċetta lil wieħed u jirrifjuta lill-ieħor.—Qabbel Isaija 1:11; Għamos 5:22.
Sekli wara, l-appostlu Pawlu qal: “Kien permezz tal-fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin, sagrifiċċju li bis-saħħa tiegħu kiseb xhieda li hu kien raġel ġust, u Alla tah xhieda tad-doni tiegħu.” (Lhud 11:4) Għalhekk, kien permezz tal-fidi li Abel ġie approvat minn Alla bħala bniedem ġust. Imma fidi fiex? Fidi fil-wegħda taʼ Jehovah li kien se jipprovdi Nisel, li kellu ‘jisħaq ras is-serp’ u jerġaʼ jġib il-paċi u l-perfezzjoni li l-umanità kellha xi darba. Mill-istqarrija li n-Nisel kellu ‘jinsaħaqlu għarqubu,’ Abel setaʼ rraġuna li kien hemm bżonn sagrifiċċju li jinvolvi t-tixrid tad-demm. (Ġenesi 3:15) Xorta waħda, jibqaʼ l-fatt li kienet il-fidi li wera Abel li għamlet is-“sagrifiċċju [tiegħu] aħjar minn taʼ Kajjin.”
Bl-istess mod, Kajjin ġie miċħud, mhux għax it-tip taʼ sagrifiċċju li offra ma kienx xieraq, imma għaliex ma kellux fidi, kif fil-fatt wera b’għemilu. Jehovah kien wissa biċ-ċar lil Kajjin: “Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfaʼ rasek?” (Ġenesi 4:7) Alla ma rrifjutax lil Kajjin minħabba li m’għoġbux dak li offrielu. Imma, kien minħabba li “għemilu kien ħażin”—muri bl-għira, bil-mibegħda, u fl-aħħar bil-qtil—li Kajjin ġie miċħud minn Alla.—1 Ġwann 3:12.