LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 1/15 pp. 21-23
  • Aħwa li Żviluppaw Attitudnijiet Differenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħwa li Żviluppaw Attitudnijiet Differenti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Aħwa Jġibu l-​Offerti
  • Twissija u Reazzjoni
  • Lezzjonijiet Għalina
  • Noffru Sagrifiċċji Aċċettabbli lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ir-rabja tiegħu wasslitu biex joqtol
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Iben Tajjeb u Ieħor Ħażin
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 1/15 pp. 21-23

Aħwa li Żviluppaw Attitudnijiet Differenti

ID-​DEĊIŻJONIJIET li jieħdu l-​ġenituri bla dubju taʼ xejn jeffettwaw lil uliedhom. Dan hu minnu llum daqskemm kien minnu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. It-​triq ribelluża li qabdu Adam u Eva kellha effett profond fuq l-​umanità kollha. (Ġenesi 2:​15, 16; 3:​1-6; Rumani 5:12) Madankollu, kull wieħed u waħda minna għandu l-​opportunità li jekk irid jistaʼ jkollu relazzjoni tajba mal-​Ħallieq tagħna. Dan nistgħu narawh mir-​rakkont Bibliku dwar Kajjin u Abel, l-​ewwel żewġ aħwa fl-​istorja tal-​bniedem.

M’hemm imkien fl-​Iskrittura li juri li Alla kellem lil Adam u lil Eva wara li kienu tkeċċew mill-​Għeden. Xorta waħda, Jehovah ma żammx lura milli jkellem lil uliedhom. Bla dubju, Kajjin u Abel saru jafu mingħand il-​ġenituri tagħhom x’kien ġara. Huma setgħu jaraw “il-​kerubini . . . u s-​sejf tan-​nar iżiġġ, biex iħarsu t-​triq għas-​siġra tal-​ħajja.” (Ġenesi 3:24) Dawn l-​irġiel raw kemm kienet minnha d-​dikjarazzjoni t’Alla dwar li l-​ħajja kellha tkun mimlija taħbit u wġigħ.—Ġenesi 3:​16, 19.

Kajjin u Abel bilfors li kienu konxji tal-​kliem li Jehovah kien qal lis-​serpent: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Dak li Kajjin u Abel kienu jafu dwar Jehovah setaʼ jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni approvata minnu.

Il-fatt li rriflettew fuq il-​profezija taʼ Jehovah u l-​kwalitajiet tiegħu bħala Benefattur mimli mħabba, bilfors li qanqal f’Kajjin u Abel ix-​xewqa li jiksbu l-​approvazzjoni divina. Imma sa liema punt kienu se jħallu din ix-​xewqa tikber? Kienu huma se jirreaġixxu għax-​xewqa naturali tagħhom biex iqimu lil Alla u jiżviluppaw l-​ispiritwalità tagħhom sal-​punt li jaslu li jeżerċitaw fidi fih?—Mattew 5:​3, NW.

L-​Aħwa Jġibu l-​Offerti

Wara xi żmien, Kajjin u Abel ġabu l-​offerti tagħhom lil Alla. Kajjin ippreżentalu mill-​frott taʼ l-​art, u Abel offrielu mill-​bikri tal-​merħla tiegħu. (Ġenesi 4:​3, 4) Dawn iż-​żewġt irġiel għandu mnejn kellhom madwar 100 sena dakinhar, għax Adam kellu 130 sena meta twieled it-​tielet iben tiegħu, Set.—Ġenesi 4:25; 5:3.

L-offerti tagħhom kienu juru li Kajjin u Abel irrikonoxxew l-​istat midneb tagħhom u li xtaqu jaqilgħu l-​approvazzjoni t’Alla. Bilfors li ftit jew wisq kienu ħasbu dwar il-​wegħda taʼ Jehovah rigward is-​serp u n-​Nisel tal-​mara. Ma jintqalilniex kemm stinkaw Kajjin u Abel biex jiżviluppaw relazzjoni approvata maʼ Jehovah. Imma l-​mod kif Alla rreaġixxa għall-​offerti tagħhom jagħtina ħjiel biex nifhmu x’setgħu kienu l-​ħsibijiet l-​iktar sigrieti taʼ kull wieħed minnhom.

Xi studjużi jissuġġerixxu li Eva kienet taħseb li Kajjin kien in-​“nisel” li kellu jeqred is-​serp, għax meta twieled Kajjin qalet: “Ksibt bniedem b(il-għajnuna ta)l-Mulej.” (Ġenesi 4:​1, Saydon) Jekk Kajjin kien jaħseb hekk, kien totalment żbaljat. Mill-​banda l-​oħra, is-​sagrifiċċju t’Abel kien offrut bil-​fidi. B’hekk, “kien permezz tal-​fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin.”—Lhud 11:4.

Abel kellu dehen spiritwali imma Kajjin ma kellux. Din ma kinitx l-​unika differenza bejniethom. Huma kellhom ukoll attitudnijiet differenti. Għalhekk, “il-​Mulej ħares lejn Abel u l-​offerta tiegħu. Imma lejn Kajjin u lejn l-​offerta tiegħu ma ħarisx.” X’aktarx li Kajjin ma tantx kien joqgħod attent x’tip t’offerta kien joffri. Hu sempliċement kien joffriha għax kien id-​dover tiegħu. Imma Alla ma kienx japprova qima li kienet issir biss għal għajn in-​nies. Kajjin kien żviluppa qalb ħażina, u Jehovah induna li kellu motivi ħżiena. Il-​mod kif Kajjin irreaġixxa meta Alla rrifjuta s-​sagrifiċċju tiegħu wera x’kienet verament l-​attitudni tiegħu. Minflok ma fittex li jrażżan lilu nnifsu, “Kajjin . . . saħan sewwa u wiċċu tqarras.” (Ġenesi 4:5) L-​imġiba tiegħu kixfet l-​ideat u l-​intenzjonijiet ħżiena li kellu.

Twissija u Reazzjoni

Jehovah wissa lil Kajjin minħabba li kien jaf x’attitudni kellu, u qallu: “Għala sħant u għala għaddast rasek? Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-​tajjeb terfaʼ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-​tajjeb id-​dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma [“sejjer int, min-​naħa tiegħek, trażżnu?” NW].”—Ġenesi 4:​6, 7.

Minn hawn għandna lezzjoni x’nitgħallmu. Fil-​fatt, id-​dnub dejjem jinsab lest biex jiblagħna. Iżda, Alla tana l-​libertà biex nagħżlu, u nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb. Jehovah stieden lil Kajjin ‘biex jagħmel it-​tajjeb,’ imma Hu ma sforzahx biex jinbidel. Kajjin għamel taʼ rasu.

Ir-rakkont imnebbaħ ikompli: “U Kajjin qal lil ħuh Abel: ‘Ħa mmorru fir-​rabaʼ.’ U kif kienu fir-​rabaʼ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.” (Ġenesi 4:8) B’hekk Kajjin sar kriminal diżubbidjenti u bla skruplu. Lanqas biss indenja ruħu juri naqra rimors meta Jehovah staqsieh: “Fejn hu ħuk Abel?” Minflok, b’mod kiefer u insolenti wieġeb: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies taʼ ħija?” (Ġenesi 4:9) Dik il-​gidba sfaċċata u l-​fatt li ċaħad li kien responsabbli kixfu kemm Kajjin kien bla qalb.

Jehovah seħet lil Kajjin u keċċieh mill-​inħawi taʼ l-​Għeden. Is-​saħta li diġà kienet teżisti fuq l-​art milli jidher kellha tkun iktar ovvja fil-​każ taʼ Kajjin, u l-​art ma kellhiex troddlu iktar frott meta kien jaħdimha. Kellu jiġġerra maʼ l-​art kollha u jkun bħal wieħed maħrub. L-​ilment taʼ Kajjin minħabba s-​sentenza iebsa li ngħata wera l-​ansjetà li kellu minħabba li l-​mewt taʼ ħuh setgħet tiġi vindikata, iżda ma wera ebda ndiema sinċiera. Jehovah għamel “sinjal” fuq Kajjin—x’aktarx bħal digriet solenni magħruf u osservat minn oħrajn sabiex ma jħallix li hu jinqatel b’vindikazzjoni.—Ġenesi 4:​10-15.

Kajjin imbagħad “ħareġ minn quddiem il-​Mulej u mar jgħammar f’art Nod [“il-​Ħarba,” NW], fuq il-​lvant taʼ l-​Għeden.” (Ġenesi 4:16) Wara li żżewweġ lil waħda minn ħutu jew neputijiet tiegħu, hu mar u bena belt li semmieha għall-​ewwel iben tiegħu, Ħenok. Lamek, id-​dixxendent taʼ Kajjin, ħareġ vjolenti daqs l-​antenat mill-​agħar tiegħu. Imma l-​linja tar-​razza taʼ Kajjin inqerdet għalkollox fid-​Dilluvju taʼ żmien Noè.—Ġenesi 4:​17-24.

Lezzjonijiet Għalina

Aħna nistgħu nitgħallmu mir-​rakkonti dwar Kajjin u Abel. L-​appostlu Ġwanni jinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex iħobbu lil xulxin, “mhux bħal Kajjin, li kien mill-​Ħażin u qatel lil ħuh. . . . Għax għemilu [Kajjin] kien ħażin u dak taʼ ħuh kien tajjeb.” Ġwanni jistqarr ukoll: “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-​ħajja taʼ dejjem.” Iva, il-​mod kif nittrattaw lil sħabna l-​Kristjani jeffettwa r-​relazzjoni li għandna m’Alla kif ukoll il-​prospetti futuri tagħna. Ma nistgħux nobogħdu lil xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin u fl-​istess ħin ikollna l-​approvazzjoni t’Alla.—1 Ġwann 3:​11-15; 4:20.

Kajjin u Abel kellhom l-​istess trobbija, imma Kajjin ma kellux fidi f’Alla. Fil-​fatt, hu wera l-​ispirtu tax-​Xitan, il-​‘qattiel u missier il-​gidba’ tal-​bidu. (Ġwann 8:44) It-​triq li qabad Kajjin turi li lkoll kemm aħna għandna għażla, li dawk li jagħżlu li jagħmlu d-​dnub jinqatgħu minn Alla, u li Jehovah jagħmel ħaqq minn dawk li ma jurux indiema.

Mill-​banda l-​oħra, Abel wera fidi f’Jehovah. Tabilħaqq, “kien permezz tal-​fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin . . . [“biha,” KŻ] kiseb xhieda li hu kien raġel ġust, u Alla tah xhieda tad-​doni tiegħu.” Għalkemm fl-​Iskrittura ma nsibu lanqas kelma waħda biss li qal Abel, permezz tal-​fidi eżemplari tiegħu, “għadu jsammaʼ leħnu.”—Lhud 11:4.

Abel kien l-​ewwel f’lista twila taʼ wħud li żammew l-​integrità. Demmu, li ‘għajjat lil Jehovah mill-​art,’ ma ntesiex. (Ġenesi 4:10; Luqa 11:​48-51) Jekk nuru fidi bħalma għamel Abel, aħna wkoll nistgħu ngawdu relazzjoni prezzjuża u dejjiema maʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 22]

IL-​BIDWI U R-​RAGĦAJ

Ftit mir-​responsabbiltajiet li Alla ta lil Adam fil-​bidu kienu li jikkultiva l-​art u jieħu ħsieb l-​annimali. (Ġenesi 1:28; 2:15; 3:23) Ibnu Kajjin għażel li jkun bidwi, u Abel sar ragħaj. (Ġenesi 4:2) Ladarba qabel id-​Dilluvju l-​ikel tal-​bniedem kien jikkonsisti biss fi frott u ħaxix, għala kienu jrabbu n-​nagħaġ?—Ġenesi 1:29; 9:​3, 4.

In-​nagħaġ għandhom bżonn lil min jieħu ħsiebhom biex dawn joktru. Il-​fatt li Abel kien ragħaj juri li l-​bniedem kien irabbi l-​annimali domestiċi sa mill-​bidu taʼ l-​istorja umana. L-​Iskrittura ma tgħidilniex jekk l-​ewwel bnedmin użawx il-​ħalib taʼ l-​annimali fl-​ikel tagħhom, imma anki dawk li d-​dieta tagħhom hija veġetarjana jistgħu jagħmlu użu mis-​suf tan-​nagħaġ. U meta n-​nagħaġ imutu, il-​ġlud tagħhom jintużaw għal skopijiet utli. Per eżempju, biex ilibbes lil Adam u lil Eva, Jehovah ipprovdielhom “ħwejjeġ tal-​ġild.”—Ġenesi 3:21.

Kien x’kien, jidher raġunevoli li wieħed jassumi li Kajjin u Abel fil-​bidu kienu jikkooperaw flimkien. Huma pproduċew xi ħaġa li l-​membri l-​oħra tal-​familja kienu jeħtieġu sabiex ikollhom biżżejjed x’jilbsu u x’jieklu.

[Stampa f’paġna 23]

“Għemilu [Kajjin] kien ħażin u dak taʼ ħuh kien tajjeb”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja