Noffru Sagrifiċċji Aċċettabbli lil Jehovah
XI DARBA fl-istorja, setaʼ jiġi osservat fenomenu rimarkevoli fid-daħla tal-Lvant tal-Ġnien taʼ Għeden.a Hemmhekk, kien hemm għassa xi kerubini setgħanin li d-dehra minaċċuża tagħhom kienet tindika biċ-ċar li ħadd ma kellu jissogra jgħaddi. Daqstant taʼ tkexkix kienet ix-xafra li kien hemm taqbad taʼ sejf idur, li x’aktarx bil-lejl kienet tixħet dija tal-biżaʼ fuq is-siġar taʼ madwarha. (Ġenesi 3:24) Kien kemm kien taʼ interess, kulmin kien jarah kien attent li jżomm ċertu distanza.
Kajjin u Abel wisq probabbli żaru dawk l-inħawi ħafna drabi. Billi dawn twieldu meta Adam u Eva kienu barra l-ġnien, huma setgħu biss jispekulaw dwar kif setgħet kienet il-ħajja fil-Ġenna, kif kienu jgħixu darba l-ġenituri tagħhom, bix-xtieli fertili u msoqqijin tajjeb u l-abbundanza taʼ frott u ħaxix. Issa dak il-ftit li setaʼ jidher mill-Għeden mingħajr ebda dubju deher bħala ġnien mhux ikkultivat u maħnuq bil-ħaxix.
Adam u Eva żgur li kienu spjegaw lil uliedhom għala l-ġnien kien ittraskurat u għalfejn kienu tkeċċew minnu. (Ġenesi 2:17; 3:6, 23) Min jaf kemm ħassewhom frustrati Kajjin u Abel! Huma setgħu jarawh il-ġnien, imma ma setgħux jidħlu fih. Kienu tant qrib tal-Ġenna u fl-istess ħin tant ’il bogħod. L-imperfezzjoni kienet ħassrithom, u Kajjin u Abel setgħu jagħmlu ftit li xejn dwarha.
Ir-relazzjoni tal-ġenituri tagħhom żgur li ma setgħetx ittejjeb l-affarijiet. Meta Alla kkundanna lil Eva, hu qalilha: “Lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu.” (Ġenesi 3:16) Bi twettiq taʼ din il-profezija, Adam bilfors li beda jeżerċita d-dominazzjoni tiegħu fuq martu, forsi billi ma baqax jittrattaha bħala sieħba u ajjutanta. U Eva mid-dehra bdiet tiddependi żżejjed fuq dan ir-raġel. Kummentarju wieħed saħansitra jasal biex jiddeskrivi ‘x-xewqa’ tagħha bħala “xewqa kważi bħal marda.”
Il-Bibbja ma tgħidx kemm din is-sitwazzjoni taż-żwieġ effettwat ir-rispett tas-subien lejn il-ġenituri tagħhom. Iżda huwa evidenti li Adam u Eva taw eżempju li ħawwad lil uliedhom.
Jagħżlu Toroq Differenti
Eventwalment, Abel sar ragħaj u Kajjin sar bidwi. (Ġenesi 4:2) Hekk kif kien jindokra l-merħliet tiegħu, Abel mingħajr ebda dubju kellu ħafna ħin biex jimmedita fuq il-profezija stramba li tlissnet qabel ma l-ġenituri tiegħu tkeċċew mill-Għeden: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Abel żgur li qagħad iberren f’moħħu, ‘Kif se titwettaq din il-wegħda t’Alla rigward żerriegħa li se tgħaffeġ lis-serp, u l-għarqub taʼ din iż-żerriegħa kif se jiġi misħuq?’
Wara xi żmien, x’aktarx meta kienu saru adulti maturi, Kajjin u Abel għamlu offerta kull wieħed lil Jehovah. Ladarba Abel kien ragħaj, m’hijiex ħaġa kbira li hu ppreżenta “mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom.” B’kuntrast, Kajjin offra “frott taʼ l-art.” Jehovah aċċetta s-sagrifiċċju t’Abel, imma “lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx.” (Ġenesi 4:3-5) Għala le?
Xi wħud jalludu għall-fatt li s-sagrifiċċju t’Abel kien mill-“bikri tal-merħla tiegħu,” (Korsiv tagħna.) fil-waqt li taʼ Kajjin kien sempliċement “frott mill-art.” Imma l-problema ma kinitx fil-kwalità tal-prodott li offra Kajjin, għax ir-rakkont jgħidilna li Jehovah ħares “lejn Abel u l-offerta tiegħu,” u ma ħarisx “lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu.” (Korsiv tagħna.) Għalhekk, Jehovah ra primarjament il-kundizzjoni tal-qalb taʼ l-adoratur. Meta għamel hekk, b’liema ħaġa induna? Lhud 11:4 jgħid li kien “permezz tal-fidi” li Abel offra s-sagrifiċċju tiegħu. Għalhekk, Kajjin mid-dehra kien nieqes minn dik il-fidi li għamlet lis-sagrifiċċju t’Abel aċċettabbli.
F’dan ir-rigward, huwa taʼ min jinnota li l-offerta t’Abel involviet it-tixrid tad-demm. Hu għandu mnejn bix-xieraq ikkonkluda li l-wegħda t’Alla rigward żerriegħa li kien se jkollu għarqubu misħuq, kienet tinvolvi l-issagrifikar taʼ ħajja. L-offerta t’Abel setgħet b’hekk kienet talba għal tpattija, u esprimiet il-fidi li Alla kien se jipprovdi sagrifiċċju propizjatorju għad-dnubiet fiż-żmien xieraq.
B’kuntrast, Kajjin x’aktarx li ma ħasibx ħlief superfiċjalment dwar l-offerta li għamel. “L-offerta tiegħu kienet biss rikonoxximent dwar Alla bħala benefattur,” issuġġerixxa kummentatur tal-Bibbja tas-seklu 19. “Din sempliċement irrivelat li hu ma rrikonoxxa l-ebda vjolazzjoni attwali bejnu u bejn il-Ħallieq tiegħu, lanqas ebda bżonn taʼ stqarrija tad-dnub jew dipendenza fuq xi tpattija.”
Barra minn hekk, bħala l-ewwel imwieled, Kajjin saħansitra għandu mnejn bi prużunzjoni ppretenda li hu kien dik iż-żerriegħa mwiegħda li kellha teqred lis-Serp, Satana. Eva wkoll setgħet kellha xewqat ambizzjużi bħal dawn dwar l-ewwel imwieled tagħha. (Ġenesi 4:1) M’għandniex xi ngħidu, jekk dan kien dak li stennew Kajjin u Eva, arralhom bil-kbir.
Il-Bibbja ma tgħidx kif Jehovah indika l-approvazzjoni tiegħu għas-sagrifiċċju t’Abel. Xi wħud jissuġġerixxu li kien ikkonsmat permezz taʼ nar mis-sema. Kien x’kien il-każ, malli rrealizza li l-offerta tiegħu ġiet irrifjutata, “Kajjin . . . saħan sewwa u wiċċu tqarras.” (Ġenesi 4:5) Kajjin kien se jispiċċa ħażin.
Il-Parir taʼ Jehovah u t-Tweġiba taʼ Kajjin
Jehovah rraġuna maʼ Kajjin. Hu staqsieh, “Għala sħant u għala għaddast rasek?” Dan ta opportunità kbira lil Kajjin biex jeżamina s-sentimenti u l-motivi tiegħu. “Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb,” kompla Jehovah, “terfaʼ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma inti tistaʼ trażżnu.”—Ġenesi 4:6, 7. (Ara l-kaxxa f’paġna 23.)
Kajjin ma tax widen. Minflok, ħa lil Abel f’għalqa daqsxejn ’il bogħod u qatlu. Iktar tard, meta Jehovah staqsa dwar fejn setaʼ kien Abel, Kajjin kompla żied gidba mad-dnub tiegħu. “Ma nafx,” wieġbu. “Jaqaw jien għassies taʼ ħija?”—Ġenesi 4:8, 9.
Kemm qabel il-qtil t’Abel u kemm wara, Kajjin irrifjuta li ‘jagħmel it-tajjeb.’ Hu għażel li jħalli d-dnub jaħkmu, u minħabba dan, Kajjin tkeċċa mill-inħawi fejn kienet tgħix il-familja umana. Ġie stabbilit “sinjal,” forsi sempliċement digriet solenni, sabiex ħadd ma kellu jivvendika l-mewt t’Abel billi joqtol lil Kajjin.—Ġenesi 4:15.
Iktar tard Kajjin bena belt, u semmiegħa għal ibnu. Mhux taʼ b’xejn li d-dixxendenti tiegħu saru magħrufin għall-vjolenza tagħhom. Eventwalment, il-linja taʼ Kajjin spiċċat meta l-Għarqa taʼ żmien Noè kinset lin-nies il-ħżiena kollha.—Ġenesi 4:17-24; 7:21-24.
Ir-rakkont Bibliku dwar Kajjin u Abel ma ġiex ippreservat sempliċement biex wieħed jieħu pjaċir jaqrah. Pjuttost, “nkiteb għat-tagħlim tagħna” u ‘jiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar.’ (Rumani 15:4; 2 Timotju 3:16) X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont?
Lezzjoni Għalina
Il-Kristjani llum, bħal Kajjin u Abel, huma mistednin li joffru sagrifiċċju lil Alla—mhux xi offerta maħruqa litterali, imma “sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.” (Lhud 13:15) Fil-preżent dan qed isir fuq skala mad-dinja kollha, hekk kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’iktar minn 230 pajjiż. (Mattew 24:14) Qiegħed int tieħu sehem f’dan ix-xogħol? Mela, tistaʼ tibqaʼ ċert li “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu.”—Lhud 6:10.
Bħall-offerti taʼ Kajjin u Abel, is-sagrifiċċju tiegħek m’huwiex iġġudikat minn kif jidher minn barra—per eżempju, sempliċement min-numru taʼ sigħat li tqattaʼ fil-ministeru. Jehovah jħares iktar fil-fond. Ġeremija 17:10 jgħid li hu ‘jifli l-qalb’ u saħansitra ‘jgħarbel il-ġewwieni’—l-iktar ħsibijiet, sentimenti, u motivazzjonijiet profondi tal-personalità taʼ dak li jkun. Għalhekk, il-kwistjoni vera hi l-motiv, u mhux l-ammont. Tassew, sew jekk is-sagrifiċċju jkun kbir u sew jekk ikun żgħir, dan ikun taʼ valur għal Alla jekk jiġi offrut minn qalb li hija mqanqla mill-imħabba.—Qabbel Mark 12:41-44 maʼ 14:3-9.
Fl-istess ħin, irridu nkunu konxji li Jehovah ma jaċċettax sagrifiċċji zopop, bħalma m’aċċettax l-offerta b’nofs qalb taʼ Kajjin. (Malakija 1:8, 13) Jehovah jesiġi li tagħtih l-aħjar tiegħek, li taqdih b’qalbek, b’ruħek, b’moħħok, u bis-saħħa tiegħek kollha. (Mark 12:30) Qed tagħmlu dan? Mela, għandek għalfejn tqis is-sagrifiċċju tiegħek b’sodisfazzjon. Pawlu kiteb: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor.”—Galatin 6:4.
Kajjin u Abel kellhom l-istess trobbija. Imma ż-żmien u ċ-ċirkustanzi taw l-opportunità lil kull wieħed minnhom sabiex jiżviluppa karatteristiċi uniċi. Kajjin kompla dejjem isir iktar itturmentat minħabba l-għira, il-piki, u r-rabja.
B’kuntrast, lil Abel Alla jiftakar fih bħala raġel twajjeb. (Mattew 23:35) Id-determinazzjoni tiegħu biex jogħġob lil Alla akkost taʼ kollox lil Abel għamlitu ferm differenti minn dawk l-ingrati fil-familja tiegħu—Adam, Eva, u Kajjin. Il-Bibbja tgħidilna li għalkemm Abel miet, hu “għadu jsammaʼ leħnu.” Is-servizz leali tiegħu lejn Alla huwa parti mir-rekord storiku permanenti misjub fil-Bibbja. Jalla nsegwu l-eżempju t’Abel billi kontinwament noffru sagrifiċċji aċċettabbli lil Alla.—Lhud 11:4.
[Nota taʼ taħt]
a Ħafna jaħsbu li l-Ġnien taʼ Għeden kien jinstab f’reġjun muntanjuż fin-naħa tal-Lvant tat-Turkija taʼ żmienna.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
Mudell għall-Kristjani li Jagħtu l-Pariri
“GĦALA sħant u għala għaddast rasek?” B’din il-mistoqsija, Jehovah rraġuna b’qalb tajba maʼ Kajjin. Hu ma sforzax lil Kajjin biex jinbidel, għax Kajjin kien aġent morali ħieles. (Qabbel Dewteronomju 30:19.) Minkejja dan, Jehovah ma qagħadx jaħsibha biex jindika l-konsegwenzi tal-korsa stinata taʼ Kajjin. Hu wissa lil Kajjin:“Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik.”—Ġenesi 4:6, 7.
Taʼ min jinnota li saħansitra b’din it-twiddiba qawwija, Jehovah ma ttrattax lil Kajjin bħala ‘kawża mitlufa.’ Pjuttost, hu qal lil Kajjin dwar il-barkiet li kien se jkollu jekk ibiddel l-attitudnijiet tiegħu, u esprima fiduċja li Kajjin setaʼ kieku ried jegħlibha din il-problema. “Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb,” qallu Jehovah, “terfaʼ rasek?” Hu staqsa wkoll lil Kajjin rigward id-dagħdigħa qattiela li kellu: ‘lnti tistaʼ trażżnu?’
Illum, l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana għandhom jimitaw l-eżempju taʼ Jehovah. Kif inhu mniżżel fit-2 Timotju 4:2, huma għandhom kultant ‘iċanfru’ u ‘jwiddbu,’ mingħajr tlaqliq waqt li jindikaw il-konsegwenzi tal-korsa stinata taʼ dak li jkun żbalja. Fl-istess ħin, l-anzjani għandhom ‘iwissu.’ Il-kelma Griega pa·raʼkle·tos tfisser “biex tinkuraġġixxi.” “It-twissija m’hijiex ħarxa, ma toħloqx polemika, jew ma tikkritikax,” jinnota t-Theological Dictionary of the New Testament. “Il-fatt li din tistaʼ tfisser ukoll faraġ jindika l-istess ħsieb.”
B’mod sinjifikanti, il-kelma Griega relatata, pa·raʼkle·tos, tistaʼ tirreferi għal wieħed li jgħin jew avukat fi kwistjoni legali. Għalhekk, saħansitra meta l-anzjani jagħtu twiddiba f’waqtha, għandhom jiftakru li huma jridu jgħinu—mhux jiħduha kontra—dak l-individwu li għandu bżonn il-parir. Bħal Jehovah, l-anzjani għandhom ikunu pożittivi, billi jkollhom fiduċja li dak li qed jingħatalu l-parir jistaʼ jegħleb il-problema tiegħu.—Galatin 6:1.
M’għandniex xi ngħidu, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-individwu li jrid japplika t-twissija. (Galatin 6:5; Filippin 2:12) L-anzjani li jagħtu l-parir se jsibu li xi wħud ma jagħtux kas it-twissijiet tagħhom, sewwa sew bħalma Kajjin għażel li jinjora t-twiddiba mingħand il-Ħallieq innifsu. Madankollu, meta l-anzjani jimitaw lil Jehovah, il-Mudell perfett għall-Kristjani li jagħtu l-pariri, jistgħu jibqgħu ċerti li jkunu għamlu dak kollu li kellhom jagħmlu sabiex jgħinu lill-individwi.