Noffru Sagrifiċċji li Jogħġbu lil Alla
“IL-ĦAJJA ġiet mill-mewt—hekk kienu jemmnu l-Azteki, li kienu jissagrifikaw lill-bnedmin fuq skala li qatt ma kien hawn bħala fil-Mesoamerika,” jgħid il-ktieb The Mighty Aztecs. Il-ktieb ikompli: ‘Hekk kif kiber l-imperu, huma kienu jissagrifikaw lill-bnedmin biex jipprovaw jibnu fiduċja fl-imperu.’ Skond enċiklopedija oħra, in-numru taʼ sagrifiċċji umani li kienu jagħmlu l-Azteki laħaq l-20,000 fis-sena.
Kemm jekk minħabba biżaʼ u inċertezza u kemm jekk imqanqlin minn sentimenti taʼ ħtija u rimors, matul l-istorja n-nies offrew sagrifiċċji taʼ xi tip jew ieħor lill-allat tagħhom. Mill-banda l-oħra, il-Bibbja turi li ċerti sagrifiċċji ġew stabbiliti b’mod divin—minn Ġeħova, l-Alla li jistaʼ kollox. Għalhekk, ikun xieraq li nistaqsu: Liema tip taʼ sagrifiċċji jogħġbuh lil Alla? U għandhom l-offerti u s-sagrifiċċji jkunu parti mill-qima llum?
Offerti u Sagrifiċċji fil-Qima Vera
Meta ġie fformat il-ġens taʼ Iżrael, Ġeħova ta istruzzjonijiet dettaljati dwar kif ried l-Iżraelin iqimuh, u dan kien jinkludi offerti u sagrifiċċji. (Numri, kapitli 28 u 29) Xi offerti kienu mill-prodotti tar-rabaʼ; offerti oħrajn kienu jinvolvu sagrifiċċji t’annimali bħal barrin, nagħaġ, mogħoż, ħamiem, u gamiem. (Levitiku 1:3, 5, 10, 14; 23:10-18; Numri 15:1-7; 28:7) Kien hemm offerti tal-ħruq li kellhom jinħarqu kompletament fin-nar. (Eżodu 29:38-42) Kien hemm ukoll sagrifiċċji tas-sliem, jew tal-komunjoni, fejn dawk li kienu joffruhom kienu jipparteċipaw billi jieklu minn dak li kien qed jiġi sagrifikat lil Alla.—Levitiku 19:5-8.
L-offerti u s-sagrifiċċji kollha li kienu jiġu preżentati lil Alla taħt il-Liġi Mosajka kienu mod kif iqimu lil Alla u kif jirrikonoxxuh bħala s-Sovran taʼ l-univers. Permezz taʼ sagrifiċċji bħal dawn, l-Iżraelin kienu jesprimu l-gratitudni tagħhom lejn Ġeħova għall-barka u l-protezzjoni tiegħu kif ukoll biex jiksbu l-maħfra għal dnubiethom. Sakemm kienu jibqgħu josservaw lealment dak li Ġeħova kien jeħtieġ minnhom għall-qima, huma kienu jiġu mberkin bil-kbir.—Proverbji 3:9, 10.
Għal Ġeħova, l-iktar ħaġa importanti kienet l-attitudni taʼ dawk li kienu joffru s-sagrifiċċji. Permezz tal-profeta tiegħu Ħosegħa, Ġeħova qal: “Għaliex jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.” (Ħosegħa 6:6) B’hekk, meta n-nies tbiegħdu mill-qima vera u ħadu sehem f’kondotta laxka u xerrdu demm innoċenti, ma kienu jiswew għalxejn is-sagrifiċċji li kienu qed jippreżentaw fuq l-artal taʼ Ġeħova. Għalhekk, permezz taʼ Isaija, Ġeħova qal lill-ġens taʼ Iżrael: “X’tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom? . . . Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad, u mix-xaħam tal-bhejjem smien. Id-demm tal-gniedes u l-ħrief, u taʼ l-imtaten ma jogħġobnix.”—Isaija 1:11.
“Ħaġa li Jiena Ma Qabbadthomx”
B’kuntrast ċar maʼ l-Iżraelin, l-abitanti taʼ Kangħan kienu joffru lil uliedhom bħala sagrifiċċji lill-allat tagħhom, inkluż l-alla t’Għammon imsejjaħ Molek, magħruf ukoll bħala Milkom jew Molok. (1 Slaten 11:5, 7, 33; Atti 7:43) Il-ktieb Halley’s Bible Handbook jgħid: “Il-Kangħanin kienu jqimu, billi jieħdu sehem fl-immoralità sesswali bħala parti mir-rit reliġjuż fil-preżenza taʼ l-allat tagħhom, u mbagħad, kienu joqtlu lill-ewwel wild tagħhom bħala sagrifiċċju lill-istess allat.”
Kienu prattiċi bħal dawn jogħġbuh lil Alla Ġeħova? Dażgur li le. Hekk kif l-Iżraelin kienu waslu biex jidħlu fl-art taʼ Kangħan, Ġeħova tahom il-kmand dokumentat f’Levitiku 20:2, 3: “Għid lil ulied Iżrael: ‘Jekk xi ħadd minn ulied Iżrael, jew mill-barranin li jgħammru f’Iżrael, jagħti ’l xi ħadd minn nislu lil Molek, jagħtuh il-mewt billi jħaġġru l-poplu. U jien indur għalih, u neqirdu minn fost il-poplu tiegħu, għax ikun ta lil nislu lil Molek, u niġġes is-santwarju tiegħi u pprofana l-isem qaddis tiegħi.’”
Għalkemm jidher impossibbli, xi Iżraelin li żvijaw mill-qima vera adottaw din il-prattika demonika taʼ li jissagrifikaw lil uliedhom lill-allat foloz. Rigward dan, Salm 106:35-38 jgħid: “Imma tħalltu mal-ġnus, u tgħallmu d-drawwiet tagħhom. Taw qima lill-idoli tagħhom, li saru bħal nassa għalihom. Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten lil uliedhom subjien u bniet. Xerrdu demm bla ħtija, demm uliedhom subjien u bniet, li ssagrifikaw lill-idoli taʼ Kangħan; u l-art tniġġset bid-dmija.”
Ġeħova, biex jesprimi kemm kien jistmerr din il-prattika, qal hekk permezz tal-profeta tiegħu Ġeremija rigward ulied Ġuda: “Qiegħdu l-allat moqżieża fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi biex ikasbruha. U bnew is-santwarju taʼ Tofet li hemm fil-wied taʼ Ben Ħinnom, u hemm ħarqu ’l uliedhom subjien u bniet, ħaġa li jiena ma qabbadthomx, u lanqas qatt ma ġiet f’rasi.”—Ġeremija 7:30, 31.
Minħabba li ħa sehem fi prattiċi daqshekk diżgustanti, il-ġens taʼ Iżrael fl-aħħar tilef il-favur t’Alla. Il-belt kapitali tiegħu, Ġerusalemm, maż-żmien ġiet meqruda, u n-nies ittieħdu bħala lsiera lejn Babilonja. (Ġeremija 7:32-34) B’mod ċar, il-prattika taʼ sagrifiċċji umani bħala offerti m’hijiex ġejja mill-Alla l-veru u m’hijiex parti mill-qima pura. Kull forma taʼ sagrifiċċju uman hija demonika, u l-aduraturi veri t’Alla jiċħdu kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam maʼ din il-prattika.
Is-Sagrifiċċju Bħala Fidwa taʼ Ġesù Kristu
Madankollu, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Għala, mela, il-Liġi taʼ Ġeħova għall-Iżraelin kienet tirrikjedi s-sagrifiċċji taʼ l-annimali?’ L-appostlu Pawlu kkunsidra propju din il-mistoqsija u pprovda din it-tweġiba: “Għala, allura, il-Liġi? Ġiet miżjuda biex tagħmel in-nuqqasijiet jidhru, sakemm jasal in-nisel li lilu saret il-wegħda . . . Għaldaqstant, il-Liġi kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu.” (Galatin 3:19-24) Is-sagrifiċċji taʼ l-annimali taħt il-Liġi Mosajka kienu qed jirrapreżentaw simbolikament sagrifiċċju akbar li Alla Ġeħova kellu jipprovdi għall-bnedmin—dak taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Ġesù rrefera għal dan l-att kollu mħabba meta qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.
Sforz l-imħabba għal Alla u għall-bnedmin, Ġesù ta l-ħajja umana perfetta tiegħu minn jeddu bħala fidwa għan-nisel taʼ Adam. (Rumani 5:12, 15) Ġesù qal: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) L-ebda bniedem ieħor fuq l-art ma setaʼ jifdi lill-bnedmin mill-jasar tad-dnub u l-mewt li nbigħu fih minn Adam. (Salm 49:8, 9 [49:7, 8, NW]) B’hekk, Pawlu spjega li Ġesù “daħal darba għal dejjem fil-post qaddis, le, mhux bid-demm tal-mogħoż u taʼ l-għoġiela, imma b’demmu stess, u kisbilna ħelsien taʼ dejjem.” (Ebrej 9:12) Billi aċċetta d-demm bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla “ħassar il-kitba kontra tagħna.” Jiġifieri, Ġeħova warrab il-patt tal-Liġi, bl-offerti u s-sagrifiċċji li kien jirrikjedi, u b’hekk introduċa ‘l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem.’—Kolossin 2:14; Rumani 6:23.
Sagrifiċċji u Offerti Spiritwali
Ladarba s-sagrifiċċji u l-offerti taʼ l-annimali m’għadhomx parti mill-qima vera, hemm bżonn nagħmlu xi sagrifiċċji llum? Iva, tabilħaqq. Ġesù Kristu għex ħajja kollha sagrifiċċji biex jaqdi lil Alla u fl-aħħar offra lilu nnifsu għall-bnedmin. Għaldaqstant, hu ddikjara: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mattew 16:24) Dan ifisser li kulmin irid isir segwaċi taʼ Ġesù jrid jagħmel ċerti sagrifiċċji speċifiċi. X’inhuma dawn?
L-ewwelnett, segwaċi ġenwin taʼ Kristu ma jibqax jgħix għalih innifsu imma jgħix biex jagħmel ir-rieda t’Alla. Hu jpoġġi r-rieda u x-xewqat persunali tiegħu wara dawk t’Alla. Innota kif ipoġġiha l-appostlu Pawlu: “Ħuti, nitlobkom bil-ħrara minħabba l-mogħdrijiet t’Alla biex tippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom. U tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.”—Rumani 12:1, 2.
Barra minn hekk, il-Bibbja tindika li l-espressjonijiet tagħna taʼ tifħir jistgħu jitqiesu bħala sagrifiċċji offruti lil Ġeħova. Il-profeta Ħosegħa uża l-frażi “l-barrin żgħar tat-tifħir,” biex juri li Alla jikkunsidra t-tifħir taʼ xofftejna bħala wieħed mill-aqwa sagrifiċċji. (Ħosegħa 14:2, NW) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani Ebrej: ‘Offru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.’ (Ebrej 13:15) Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħabirku ħafna f’li jippridkaw l-aħbar tajba u jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Huma qed joffru sagrifiċċji taʼ tifħir lil Alla lejl u nhar madwar id-dinja.—Rivelazzjoni 7:15.
Flimkien max-xogħol taʼ l-ippridkar, fost is-sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla hemm inkluż li wieħed jagħmel il-ġid m’oħrajn. “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn,” ħeġġeġ Pawlu, “għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” (Ebrej 13:16) Fil-fatt, dawk li joffru sagrifiċċji taʼ tifħir lil Alla jrid ikollhom kondotta xierqa jekk iridu li s-sagrifiċċji tagħhom jogħġbuh. Pawlu wissa: “Ġibu ruħkom kif jixraq lill-aħbar tajba dwar il-Kristu.”—Filippin 1:27; Isaija 52:11.
Bħal fil-passat, is-sagrifiċċji kollha li jsiru biex jappoġġaw il-qima vera se jirriżultaw f’ferħ kbir u f’barkiet minn Ġeħova. Għalhekk, jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noffru sagrifiċċji li verament jogħġbu lil Alla!
[Stampa f’paġna 18]
‘Issagrifikaw lil uliedhom subjien u bniet lill-idoli taʼ Kangħan’
[Stampi f’paġna 20]
Billi jippridkaw l-aħbar tajba u jkunu t’għajnuna b’modi oħrajn, il-Kristjani veri joffru sagrifiċċjili jogħġbu lil Alla