Noffru Sagrifiċċji b’Ruħna Kollha lil Ġeħova
“Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova.”—KOL. 3:23.
ARA JEKK TISTAX TWIEĠEB:
Kif nistgħu nonoraw lil Ġeħova fl-attivitajiet tagħna taʼ kuljum?
Liema sagrifiċċji nagħmlu fil-qima tagħna lil Alla?
Liema affarijiet nistgħu nagħtu lil Ġeħova?
1-3. (a) Ladarba Ġesù ta ħajtu bħala sagrifiċċju, ifisser dan li Ġeħova m’għadux jeħtieġ xi tip taʼ sagrifiċċji mingħandna? Spjega. (b) Liema mistoqsija forsi jkollna dwar is-sagrifiċċji tagħna?
FL-EWWEL seklu E.K., Ġeħova wera biċ-ċar lill-poplu tiegħu li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa kien temm il-Liġi Mosajka. (Kol. 2:13, 14) L-offerti kollha tas-sagrifiċċji li l-Lhud kienu ilhom jagħmlu għal mijiet taʼ snin ma kinux għadhom neċessarji u lanqas ma kienu għadhom taʼ valur. Il-Liġi kienet wettqet l-irwol tagħha billi ‘mexxiethom qishom tfal lejn Kristu.’—Gal. 3:24.
2 Dan ma jfissirx li l-Kristjani m’għadhomx interessati fis-sagrifiċċji. Għall-kuntrarju, l-appostlu Pietru tkellem dwar il-bżonn li ‘noffru sagrifiċċji spiritwali aċċettabbli għal Alla permezz taʼ Ġesù Kristu.’ (1 Pt. 2:5) Ukoll, l-appostlu Pawlu kien għamilha ċara li kull parti mill-ħajja taʼ Kristjan hi bħal “sagrifiċċju” dedikat lil Alla.—Rum. 12:1.
3 Għalhekk, mela, Kristjan jagħmel sagrifiċċji għal Ġeħova, jew billi joffrilu ċerti affarijiet jew billi ma jibqax jagħmel ċerti affarijiet. Minn dak li nafu dwar is-sagrifiċċji li kienu joffru l-Iżraelin, kif nistgħu nagħmlu ċert li s-sagrifiċċji tagħna huma aċċettabbli għal Ġeħova?
FIL-ĦAJJA TAʼ KULJUM
4. X’għandna niftakru dwar l-attivitajiet fil-ħajja taʼ kuljum?
4 Jistaʼ jkun diffiċli li tifhem kif l-affarijiet li nagħmlu kuljum jistaʼ jkollhom x’jaqsmu maʼ li noffru sagrifiċċji lil Ġeħova. Attivitajiet bħax-xogħol tad-dar, ix-xogħol tal-iskola, ix-xogħol sekulari, jew ix-xiri għandhom mnejn ma jidhrux li huma attivitajiet li jistgħu jeffettwaw ir-relazzjoni tagħna miegħu. Imma jekk iddedikajt ħajtek lil Ġeħova jew tittama li tagħmel dan fil-futur qarib, huwa importanti li tiftakar li dawn l-attivitajiet taʼ kuljum jistgħu verament jeffettwaw ir-relazzjoni tiegħek miegħu. Aħna Kristjani 24 siegħa kuljum, u għandna bżonn nużaw il-prinċipji tal-Bibbja f’kull sitwazzjoni taʼ ħajjitna. Hu għalhekk li Pawlu ħeġġiġna: “Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin.”—Aqra Kolossin 3:18-24.
5, 6. X’jistaʼ jgħinna niddeċiedu kif għandna nġibu ruħna u nilbsu?
5 L-attivitajiet taʼ Kristjan minn jum għal jum mhumiex parti mis-servizz sagru tiegħu. Madankollu, il-fatt li Pawlu jħeġġiġna biex naħdmu ‘b’ruħna kollha qisu għal Ġeħova’ jġegħelna naħsbu dwar kif għandna nġibu ruħna f’kull ħin. Allura, x’nitgħallmu minn dan? Aħna dejjem naġixxu u nilbsu kif jixraq għal Kristjan? Jew, fl-attivitajiet tagħna taʼ kuljum, jistaʼ jkun li nistħu ngħidu li aħna Xhieda taʼ Ġeħova, forsi minħabba l-mod kif inġibu ruħna jew minħabba l-mod kif nilbsu? Jalla qatt ma jkun dan! Aħna ma rridu nagħmlu xejn li jistaʼ jitfaʼ dell ikrah fuq l-isem t’Alla.—Is. 43:10; 2 Kor. 6:3, 4, 9.
6 Ejja neżaminaw kif xewqa li naħdmu ‘b’ruħna kollha qisu għal Ġeħova’ teffettwa diversi aspetti tal-ħajja. Hekk kif nagħmlu dan, żomm f’moħħok li s-sagrifiċċji kollha li l-Iżraelin kienu jippreżentaw lil Ġeħova kellhom ikunu l-aqwa nett li kellhom.—Eżo. 23:19.
KIF TIĠI EFFETTWATA ĦAJTEK
7. X’hemm involut fid-dedikazzjoni tagħna lil Alla?
7 Meta ddedikajt ruħek lil Ġeħova, ħadt deċiżjoni tajba. Wegħedt li tuża ħajtek kollha fis-servizz tiegħu. Dan kien ifisser li kont se tqiegħed lilu l-ewwel f’kull sitwazzjoni fil-ħajja. (Aqra Ebrej 10:7.) Bla dubju, kellek riżultati eċċellenti meta għamilt sforz biex titgħallem dak li jaħseb Ġeħova dwar kwistjoni speċifika u mbagħad aġixxejt skont ir-rieda tiegħu. (Is. 48:17, 18) Aħna poplu qaddis u hieni għax nimitaw lil Ġeħova, li jgħallimna.—Lev. 11:44; 1 Tim. 1:11.
8. Għala hu importanti li niftakru li s-sagrifiċċji tal-Iżraelin kienu qaddisin għal Ġeħova?
8 Is-sagrifiċċji li l-Iżraelin offrew lil Ġeħova kienu kunsidrati qaddisin. (Lev. 6:25; 7:1) Il-kelma Ebrajka tradotta “qdusija” tagħti l-idea taʼ li tkun separat, jew li tappartjeni biss lil Alla. Sabiex is-sagrifiċċji tagħna jkunu aċċettabbli għal Ġeħova, għandna nżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li mhix nadifa fid-dinja. M’għandna nħobbu xejn li Ġeħova jobgħod. (Aqra l-1 Ġwanni 2:15-17.) B’mod ċar, dan ifisser li nevitaw kwalunkwe sħubija jew ħaġa li tistaʼ tagħmilna mhux nodfa f’għajnejn Alla. (Is. 2:4; Riv. 18:4) Ifisser ukoll li m’għandniex inħallu lil għajnejna jkomplu jħarsu lejn dak li mhuwiex nadif jew li hu immorali jew li nħallu lil moħħna jiffantasizza dwar affarijiet bħal dawn.—Kol. 3:5, 6.
9. Il-mod kif nittrattaw lil oħrajn, għala hu importanti?
9 Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin: “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” (Ebr. 13:16) Mela jekk dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb u ngħinu lil oħrajn, Ġeħova se jqis l-azzjonijiet tagħna bħala li huma sagrifiċċju aċċettabbli għalih. Jekk nuru mħabba għal oħrajn, nuru li aħna Kristjani veri.—Ġw. 13:34, 35; Kol. 1:10.
SAGRIFIĊĊJI FIL-QIMA
10, 11. (a) Ġeħova kif iqis l-ippritkar u l-qima tagħna? (b) Dan x’għandu jqanqalna nagħmlu?
10 Wieħed mill-iktar modi ovvji li fih aħna bħala Kristjani nagħmlu affarijiet tajbin għal oħrajn hu permezz tal-“istqarrija pubblika tat-tama tagħna.” Taħtaf int kull opportunità biex tagħti xhieda? Din l-attività Kristjana essenzjali, Pawlu sejħilha “sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebr. 10:23; 13:15; Ħos. 14:2) Jistaʼ jkun t’għajnuna li naħsbu dwar kemm nużaw ħin biex nippritkaw l-aħbar tajba u dwar kif nistgħu ntejbu l-mod kif nippritkaw. Ħafna taħditiet fil-Laqgħa tas-Servizz jgħinuna nagħmlu dan. Imma dak li verament għandna niftakru hu li s-servizz tal-għalqa tagħna u l-attivitajiet taʼ xhieda informali huma “sagrifiċċju taʼ tifħir,” parti mill-qima tagħna, u għalhekk is-sagrifiċċju tagħna għandu jkun l-aqwa nett li nistgħu noffru. Naturalment, ilkoll għandna ċirkustanzi differenti, imma l-attitudni tagħna dwar li naqdu lil Ġeħova spiss teffettwa kemm nużaw ħin biex nippritkaw.
11 Aħna regolarment inqimu lil Ġeħova sew id-dar u sew fil-kongregazzjoni. Hu jirrikjedi li nagħmlu dan. Għalkemm m’għandniex għalfejn nobdu l-liġi tas-Sabat jew immorru Ġerusalemm għall-festi, xorta waħda nistgħu nitgħallmu minn dawn il-liġijiet. Kuljum ikollna ħafna affarijiet x’nagħmlu, imma Alla xorta jistenna li nużaw ftit mill-ħin tagħna biex nistudjaw il-Bibbja, nitolbu, u nattendu l-laqgħat. U l-kap tal-familja għandu r-responsabbiltà li jistudja l-Bibbja mal-kumplament tal-familja tiegħu. (1 Tess. 5:17; Ebr. 10:24, 25) Għalhekk, hu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Nistaʼ ntejjeb il-kwalità tal-qima tiegħi?’
12. (a) L-offerta tal-inċens fil-qima tal-qedem maʼ xiex tistaʼ titqabbel illum? (b) Kif nistgħu noffru t-talb tagħna bħal inċens?
12 Is-Sultan David kanta lil Ġeħova: “Jalla t-talba tiegħi tkun imħejjija bħall-inċens quddiemek.” (Salm 141:2) Huwa tajjeb li naħsbu dwar kemm nitolbu spiss u dwar xiex nitolbu. Il-ktieb tar-Rivelazzjoni jqabbel “it-talb tal-qaddisin” mal-inċens. Dan jgħid li t-talb aċċettabbli jitlaʼ għand Ġeħova bħal riħa tfuħ. (Riv. 5:8) F’Iżrael tal-qedem, l-inċens li regolarment kien jiġi offrut fuq l-artal taʼ Ġeħova kellu jkun imħejji bir-reqqa skont riċetta speċjali. Ġeħova kien jaċċettah biss jekk kien ikun offrut skont l-istruzzjonijiet li kien tahom. (Eżo. 30:34-37; Lev. 10:1, 2) B’mod simili, jekk nitolbu bil-mod kif Ġeħova għallimna nitolbu u nqisu t-talb bħala xi ħaġa qaddisa, nistgħu nkunu ċerti li se jaċċetta t-talb tagħna.
NAGĦTU U NIRĊIEVU
13, 14. (a) Epafroditu u l-kongregazzjoni taʼ Filippi, x’għamlu għal Pawlu? (b) Pawlu kif ħassu dwar dan? (ċ) Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Epafroditu u tal-Filippin?
13 Il-flus li nagħtu biex nappoġġaw ix-xogħol taʼ madwar id-dinja hu bħal sagrifiċċju, kemm jekk nagħtu ħafna kif ukoll jekk nagħtu ftit. (Mk. 12:41-44) Fl-ewwel seklu E.K., il-kongregazzjoni f’Filippi bagħtet lil Epafroditu Ruma biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Pawlu. Epafroditu ħa miegħu xi flus għal Pawlu bħala għotja mill-kongregazzjoni. Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Filippin kienu ġenerużi maʼ Pawlu. Huma bagħtu din l-għotja lil Pawlu għax ma riduhx iħabbel rasu dwar il-flus imma, minflok, riduh juża iktar mill-ħin tiegħu fil-ministeru. Pawlu x’ħaseb dwar l-għotja? Hu sejħilha “riħa tfuħ, sagrifiċċju aċċettabbli, li jogħġob lil Alla.” (Aqra Filippin 4:15-19.) Pawlu kien verament grat għall-qalb tajba tal-Filippin, u Ġeħova ħa pjaċir ukoll.
14 Illum, bl-istess mod, Ġeħova japprezza ferm il-kontribuzzjonijiet tagħna għax-xogħol taʼ madwar id-dinja. Iktar minn hekk, hu jwiegħed li jekk nibqgħu npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna, hu se jieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tagħna, spiritwalment u fiżikament.—Mt. 6:33; Lq. 6:38.
URI L-APPREZZAMENT TIEGĦEK
15. X’inhuma xi affarijiet li għalihom int grat lejn Ġeħova?
15 Għandna ħafna raġunijiet għal xiex inkunu grati lejn Ġeħova. Kuljum għandna nirringrazzjawh għall-għotja tal-ħajja. Hu jagħtina kulma għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin, bħall-ikel, l-ilbies, id-dar fejn ngħixu, u n-nifs li nieħdu. Iktar minn hekk, il-fidi tagħna, ibbażata fuq għarfien eżatt, tagħtina tama. Għalhekk, għandna nqimu lil Ġeħova u noffrulu sagrifiċċji taʼ tifħir minħabba min hu u minħabba dak li għamel għalina.—Aqra Rivelazzjoni 4:11.
16. Kif nuru li aħna grati għas-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa?
16 Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa hu għotja prezzjuża mingħand Alla għall-umanità. Din l-għotja turi kemm Alla jħobbna. (1 Ġw. 4:10) Kif nuru li aħna grati għaliha? Pawlu stqarr: “L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna, peress li dan iġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd; . . . u miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Kor. 5:14, 15) Pawlu kien qed jgħid li jekk verament napprezzaw il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, se nużaw ħajjitna biex nonoraw lil Alla u lil Ibnu. Nuru l-imħabba u l-apprezzament tagħna għal Alla u għal Kristu bl-ubbidjenza tagħna u bix-xewqa tagħna biex nippritkaw u nagħmlu dixxipli.—1 Tim. 2:3, 4; 1 Ġw. 5:3.
17, 18. Xi wħud b’liema modi żiedu s-sagrifiċċju taʼ tifħir tagħhom lil Ġeħova? Agħti eżempju.
17 Huwa possibbli li ttejjeb is-sagrifiċċju taʼ tifħir li toffri lil Alla? Wara li rriflettew fuq l-affarijiet tajbin kollha li Alla għamel għalihom, ħafna ġew imqanqlin jagħmlu bidliet biex ikollhom iktar ħin għax-xogħol tal-ippritkar u għal xogħol ieħor fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Xi wħud saħansitra setgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji għal xahar jew iktar kull sena, waqt li oħrajn setgħu jaqdu bħala pijunieri regulari. Oħrajn ħadu sehem fi proġetti taʼ bini li jintuża għall-qima taʼ Ġeħova. Mhumiex dawn modi eċċellenti biex nuru l-apprezzament tagħna? Jekk dawn isiru b’motiv xieraq—biex nuru gratitudni u niżżu ħajr—dawn l-atti taʼ servizz sagru huma aċċettabbli għal Alla.
18 Ħafna Kristjani tqanqlu juru l-gratitudni tagħhom lejn Ġeħova. Morena hi waħda minnhom. Hi trabbiet bħala Kattolika, imma kellha ħafna mistoqsijiet dwar Alla u l-iskop tal-ħajja. Fittxet għat-tweġibiet kemm fil-Kattoliċiżmu kif ukoll fil-filosofija Asjatika. Imma kien biss wara li bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova li l-mistoqsijiet tagħha twieġbu b’mod ċar. Morena kienet grata ħafna lejn Ġeħova għal dak li tgħallmet mill-Bibbja, għax dan taha hena veru. Għalhekk, riedet tirringrazzjah billi tuża l-enerġija kollha tagħha fis-servizz tiegħu. Eżatt wara li tgħammdet, bdiet taqdi fuq bażi regulari bħala pijuniera awżiljarja, u malli ċ-ċirkustanzi tagħha ppermettew, bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Dan kien 30 sena ilu, u Morena għadha fis-servizz full-time.
19. Kif tistaʼ żżid is-sagrifiċċji tiegħek lil Ġeħova?
19 M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna qaddejja leali taʼ Ġeħova li ċ-ċirkustanzi tagħhom ma jippermettulhomx jaqdu bħala pijunieri. Minkejja dak li nistgħu nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova, ilkoll kemm aħna nistgħu noffrulu sagrifiċċji aċċettabbli. Bl-imġiba tagħna, napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja u niftakru li nirrappreżentaw lil Ġeħova l-ħin kollu. Bil-fidi, hemm bżonn li jkollna fiduċja li Alla se jwettaq l-iskopijiet tiegħu. B’xogħlijiet mill-aħjar, ngħinu fit-tixrid tal-aħbar tajba. B’qalbna kollha u b’apprezzament għal dak kollu li Ġeħova għamel għalina, ejja nkomplu noffru sagrifiċċji b’ruħna kollha lil Ġeħova.
[Kumment f’paġna 25]
Tqanqlek it-tjubija taʼ Ġeħova biex ittejjeb is-sagrifiċċju taʼ tifħir tiegħek?
[Stampa f’paġna 23]
Taħtaf int kull opportunità biex tagħti xhieda?