Ibqgħu Ibnu lil Xulxin
1 L-appostlu Pawlu għamel kulma setaʼ biex isaħħaħ lil sħabu fit-twemmin. (Atti 14:19-22) Bl-istess mod, aħna ninkwetaw meta ħutna jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, u nkunu rridu ngħinuhom. Il-Bibbja tindika li kulħadd, mhux l-anzjani biss, għandu jinteressa ruħu f’ħaddieħor. (Rum. 15:1, 2) Ikkunsidra żewġ modi kif nistgħu nagħtu kas it-twissija taʼ mħabba: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 Tess. 5:11.
2 Agħraf il-Ħtiġijiet t’Oħrajn: Il-Kelma t’Alla tgħid li Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” (Atti 9:36, 39) Hi nnotat lil dawk li kienu fil-bżonn u għamlet kulma setgħet biex tgħinhom. X’eżempju mill-aħjar tatna! Forsi ssir taf li xi ħadd imdaħħal fiż-żmien għandu bżonn rikba biex jiġi għal-laqgħa. Jew jistaʼ jkun hemm xi pijunier li f’ġurnata minnhom matul il-ġimgħa ma jkollu lil ħadd maʼ min jaħdem fis-servizz taʼ l-għalqa wara nofsinhar. Jekk int tagħraf li hemm din il-ħtieġa u toffri għajnuna prattika, immaġina kemm se jkun inkuraġġit dak l-individwu!
3 Konversazzjonijiet Spiritwali: Nistgħu nibnu lil oħrajn ukoll bid-diskors tagħna. (Efes. 4:29) Anzjan taʼ l-esperjenza osserva: “Jekk trid tkun inkuraġġanti, tkellem dwar affarijiet spiritwali. Biex tibda konversazzjoni li tibni, tistaʼ tuża mistoqsija sempliċi, bħal per eżempju, ‘Kif sirt taf bil-verità?’” Uri interess sinċier fiż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni, f’dawk li huma skuraġġiti u f’dawk li forsi jistħu. (Prov. 12:25) Tħallix id-diskussjonijiet dwar id-divertiment tad-dinja joħonqu d-diskussjonijiet spiritwali tajbin maʼ sħabek fit-twemmin.—Rum. 1:11, 12.
4 Iżda, x’tistaʼ tgħid biex tibni lil oħrajn? Fil-qari u l-istudju persunali tiegħek tal-Bibbja, dan l-aħħar sibt xi prinċipju li kabbarlek l-apprezzament lejn Ġeħova? Ġejt imqanqal b’xi ħaġa li smajt f’taħdita pubblika jew fl-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa? Jew messitlek qalbek xi esperjenza li ssaħħaħ il-fidi? Jekk taħżen dan il-ġawhar spiritwali, dejjem se jkollok xi ħaġa inkuraġġanti x’taqsam maʼ ħaddieħor.—Prov. 2:1; Lq. 6:45.
5 Billi noffru għajnuna prattika u nużaw ilsienna bl-għerf, jalla nibqgħu nibnu lil xulxin.—Prov. 12:18.