Ninkuraġġixxu lil Xulxin fil-Ministeru
1 Ilkoll kemm aħna napprezzaw meta ħaddieħor jinkuraġġina b’xi “kelma li tingħad f’waqtha.” (Prov. 25:11) Meta naħdmu m’oħrajn fil-ministeru, kif nistgħu nkunu ċerti li l-konversazzjoni tagħna tinkuraġġixxi lil dawk li jkunu magħna?
2 Konversazzjoni Inkuraġġanti: Kemm hu inkuraġġanti li ninkludu affarijiet spiritwali fil-konversazzjoni tagħna waqt li nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar! (Salm 37:30) Nistgħu nitkellmu dwar il-preżentazzjoni tagħna jew nirrakkontaw xi esperjenzi inkuraġġanti li gawdejna reċentement fis-servizz taʼ l-għalqa. (Atti 15:3) Sibna xi punt interessanti fil-qari persunali tal-Bibbja, fir-rivisti reċenti, jew f’xi laqgħa tal-kongregazzjoni? Nistgħu forsi niddiskutu punti minn xi taħdita pubblika li smajna dan l-aħħar fis-Sala tas-Saltna.
3 Għandna mnejn inħossuna skuraġġiti meta xi inkwilin iqajjem xi oġġezzjoni li ma nkunux nistgħu nwieġbu għaliha. Ikun taʼ benefiċċju għalina jekk wara li nitilqu minn quddiem il-bieb nieħdu ftit minuti biex nikkunsidraw flimkien maʼ seħibna fil-ministeru kif nistgħu nittrattaw sitwazzjoni simili fil-futur, forsi billi nużaw il-ktieb Reasoning. U jekk għoġobna xi punt mill-preżentazzjoni taʼ dak li qed naħdmu miegħu, nistgħu ninkuraġġuh b’kelma taʼ tifħir ġenwina.
4 Ħu l-Inizjattiva: Hemm xi wħud fil-grupp taʼ l-istudju tal-ktieb tagħna li ilna ftit ma naħdmu magħhom? Stedina lil xi ħadd biex joħroġ magħna fil-ministeru se tirriżulta f’li “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Rum. 1:12) Pijunieri regulari u awżiljarji jieħdu pjaċir ikollhom oħrajn li jaħdmu magħhom, speċjalment kmieni fil-għodu jew tard wara nofsinhar, meta jistaʼ jkun hemm inqas pubblikaturi fil-ministeru. Aħna nistgħu nappoġġaw lill-pijunieri billi nagħmlu lilna nfusna disponibbli. Hemm xi pubblikatur marid u li minħabba saħħa batuta jinsab limitat f’dak li jistaʼ jagħmel fil-ministeru? Jekk nagħmlu pjanijiet biex lil dawn l-uħud noħorġuhom magħna, forsi fuq xi studju tal-Bibbja, jistaʼ jkun taʼ benefiċċju kemm għalihom u kemm għalina.—Prov. 27:17.
5 Tifħir u espressjonijiet t’apprezzament huma dejjem inkuraġġanti, anki f’affarijiet żgħar. Għandna nżommu dan f’moħħna meta nkunu qed naħdmu m’oħrajn fil-ministeru, ladarba rridu ‘nibqgħu nibnu lil xulxin.’—1 Tess. 5:11.