Int Kif Twieġeb?
1. Ħafna minna liema diffikultajiet niffaċċjaw?
1 Tħobb int il-Kelma t’Alla imma ssibha diffiċli biex tiftakar dettalji dwar rakkonti Bibliċi jew fejn stqarrijiet speċifiċi huma dokumentati fl-Iskrittura? Tixtieq li wliedek ikollhom fehma eżatta dwar il-fatti u t-tagħlim bażiku tal-Bibbja? L-artiklu speċjali “How Would You Answer?” (Int Kif Twieġeb?) pubblikat kull xahar f’paġna 31 taʼ l-Awake! jistaʼ jgħin kemm liż-żgħar kif ukoll lill-kbar biex isiru iktar familjari mal-Kelma t’Alla.—Atti 17:11.
2. Kif jistgħu jintużaw id-diversi partijiet taʼ l-artiklu speċjali “How Would You Answer?”
2 Kif tistaʼ tuża bl-aħjar mod dan l-artiklu speċjali? Il-ħarġa taʼ l-Awake! taʼ Jannar 2006 tat dawn is-suġġerimenti li ġejjin: “Ħu ftit ħin biex tħares lejn paġna 31 . . . Xi partijiet mill-paġna se jkunu taʼ interess għall-qarrejja żgħar; oħrajn se jkunu taʼ sfida għall-memorja taʼ studenti tal-Bibbja iktar avanzati. Il-parti ‘When in History?’ (Meta fl-Istorja?) se tgħinek tagħmel tabella kronoloġika li turi meta għexu l-karattri Bibliċi u meta seħħew ġrajjiet ewlenin. Fil-waqt li t-tweġibiet għall-parti ‘From This Issue’ (Minn Din il-Ħarġa) se jinstabu fir-rivista, it-tweġibiet għall-biċċa l-kbira mill-mistoqsijiet l-oħrajn se jidhru f’paġna speċifika fl-istess ħarġa, fejn se jkunu stampati bil-maqlub. Għala ma tagħmilx ftit riċerka qabel ma taqra dawn it-tweġibiet u mbagħad taqsam dak li tkun tgħallimt m’oħrajn? Għandek mnejn tuża wkoll dan l-artiklu speċjali, ‘How Would You Answer?’ bħala bażi għal diskussjonijiet Bibliċi mal-familja jew maʼ xi grupp.”
3. Kif ibbenefikaw xi familji minn dan l-artiklu speċjali, u lilek liema partijiet jogħġbuk l-iktar?
3 Tabilħaqq, ħafna familji jħobbu jużaw dan l-artiklu speċjali bħala bażi għall-istudju tal-familja. Waħda omm tikteb: “Jien u żewġi ħsibna li tkun idea tajba li ninkludu l-parti ‘Children’s Picture Search’ (Tfittxija taʼ l-Istampi għat-Tfal) fl-istudju tal-familja tagħna sabiex nagħmluh ħaj u interessanti għat-tifla tagħna li għandha tliet snin. Tgħidx kemm nieħdu pjaċir narawha taqbad b’ħeġġa kbira l-kopja persunali tagħha taʼ l-Awake! u taqleb paġna paġna sakemm issib dak li tkun qed tfittex.” Missier fil-Brażil jgħid: “Jien u ibni taʼ sebaʼ snin inħobbuh ħafna dan l-artiklu speċjali fl-Awake! Dan għen lil Moises biex joqgħod attent, ifittex l-iskritturi, jifhem it-tifsir taʼ l-istampi, u jifhem id-dati.” Ashley, li għandha tmien snin, tikteb: “Grazzi taʼ l-artiklu ‘How Would You Answer?’ fuq wara taʼ l-Awake! Permezz tiegħu nitgħallem ħafna dwar il-Bibbja.”
4. Il-familja kif tistaʼ tuża dan l-artiklu speċjali bħala parti mill-materjal għall-istudju tal-Bibbja tal-familja tagħhom?
4 Għala ma tużax l-artiklu speċjali “How Would You Answer?” kultant bħala parti mill-istudju tal-familja tiegħek? Tistaʼ tuża l-Index jew il-Watchtower Library fuq CD-ROM biex tfittex it-tweġibiet taʼ xi mistoqsijiet li huma iktar diffiċli. Meta tagħmel hekk, tkun qed tgħallem lil uliedek kif jagħmlu riċerka. Jekk għandek tfal akbar, għala ma tistaqsihomx jagħmlu l-iktar parti komplikata billi jfittxu t-tweġibiet għal “Who Am I?” (Min Jien?) jew “When in History?” (Meta fl-Istorja?) qabel l-istudju tal-familja? Imbagħad, jistgħu jaqsmu r-riżultati tar-riċerka tagħhom matul l-istudju. L-użu b’mod effettiv taʼ din il-paġna huwa mezz wieħed kif il-ġenituri jnaqqxu l-Kelma t’Alla f’uliedhom, billi jgħinuhom isiru jafu “l-kitba qaddisa” mindu jkunu trabi.—2 Tim. 3:15; Dt. 6:7.