Kif Nistgħu Ngħinu lil Dawk li Jattendu t-Tifkira?
1. Liema xiehda qawwija se tingħata fit-22 taʼ Marzu, 2008?
1 Fit-22 taʼ Marzu, 2008, miljuni taʼ nies madwar id-dinja se jingħataw xiehda qawwija. Dawk li jattendu t-Tifkira se jisimgħu dwar l-imħabba kbira taʼ Ġeħova f’li jipprovdi fidwa għall-umanità. (Ġw. 3:16) Se jitgħallmu dwar is-Saltna u kif Ġeħova se jużaha biex iwettaq ir-rieda tiegħu għall-art kollha. (Mt. 6:9, 10) Se jaraw b’għajnejhom stess l-imħabba u l-unità tal-poplu t’Alla u se jesperjenzaw l-ospitalità mill-qalb tagħna.—Salm 133:1.
2. Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja li jkunu preżenti?
2 Studenti tal-Bibbja: Fost dawk li se jattendu se jkun hemm uħud li għadhom kif bdew jistudjaw il-Bibbja magħna. Laqqagħhom maʼ l-aħwa. Spjega kif isiru l-laqgħat taʼ kull ġimgħa, u dawwarhom ftit ħalli jaraw is-Sala tas-Saltna. Matul it-taħdita, il-kelliemi se jinkuraġġixxi lil dawn l-uħud biex ikomplu jagħmlu progress spiritwali. Tistaʼ tuża l-kummenti tiegħu bħala bażi biex tinkuraġġixxi lill-istudenti tiegħek.
3. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lill-pubblikaturi inattivi li jattendu?
3 Uħud Inattivi: Uħud minn dawk li jattendu se jkunu pubblikaturi inattivi. Ħu l-inizjattiva biex tilqagħhom mill-qalb. Evita li tistaqsi mistoqsijiet persunali jew li tgħid xi ħaġa li tistaʼ timbarazzahom. Ftit wara t-Tifkira, l-anzjani għandhom iżuru lil dawk inattivi li jkunu attendew, ifaħħruhom għall-isforzi tagħhom biex ġew, u jistidnuhom mill-qalb biex jattendu l-laqgħa li jmiss tal-kongregazzjoni.
4. Kif nistgħu lkoll kemm aħna ngħinu lill-viżitaturi?
4 Viżitaturi: Xi wħud minn dawk li jattendu għandhom mnejn ikunu nies li nafuhom jew membri tal-familja li nkunu stidinna personalment. Oħrajn forsi jkunu rċivew stedina waqt il-kampanja speċjali. Jekk tara individwi li ma tafhomx, ħu l-inizjattiva biex tintroduċi ruħek u biex tagħtihom merħba. Jistaʼ jkun li qed jattendu waħda mil-laqgħat tagħna għall-ewwel darba. Fil-konversazzjoni tiegħek forsi ssir taf kif tistaʼ tikkuntattjahom. Permezz taʼ żjara persunali jew telefonata qasira ftit ġranet wara t-Tifkira, forsi tistaʼ tipprova tinkuraġġihom jitgħallmu iktar u toffri studju tal-Bibbja.
5. X’nistgħu ngħidu biex nibdew studju tal-Bibbja?
5 L-informazzjoni fit-taħdita tat-Tifkira tistaʼ tintuża bħala pedament biex tintroduċi l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fi żjara lura. Per eżempju, il-kelliemi tat-Tifkira se jaqra Isaija 65:21-23. Fiż-żjara lura, forsi tistaʼ ssemmi t-taħdita u tgħid, “Ħalli nurik xi barkiet oħrajn li huma possibbli permezz tal-fidwa.” Imbagħad ikkunsidra paġni 4-5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Jew forsi tistaʼ tgħid, “Ħafna jaħsbu dwar meta se nesperjenzaw it-twettiq tal-profezija taʼ Isaija.” Imbagħad ikkunsidra paragrafi 1-3 f’kapitlu 9. Mod ieħor kif toffri studju tal-Bibbja hu li ssemmi xi ħaġa milli qal il-kelliemi, toffri l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, u turi kif isir l-istudju.
6. Liema opportunitajiet għandna hekk kif nobdu l-kmand taʼ Ġesù biex nikkommemoraw il-mewt tiegħu?
6 Jalla lkoll kemm aħna nfittxu opportunitajiet biex ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja, lill-pubblikaturi inattivi, u lill-viżitaturi li se jattendu. (Lq. 22:19) Ġeħova żgur se jbierek kwalunkwe żjieda fl-attività li nistgħu nagħmlu fis-servizz tagħna tas-Saltna.