Ippriedka bla Waqfien
1 Kultant, forsi nħossu li t-territorju tagħna nħadem darba wara l-oħra u bir-reqqa imma bi ftit riżultati tajbin. Madankollu, għandna għalxiex inkomplu nippridkaw.—Mt. 28:19, 20.
2 Bħala Xiehda: Ġesù bassar li l-ippridkar tas-Saltna kellu jkun parti sinifikanti mis-sinjal kompost “tal-konklużjoni tas-sistema” u li kellu jsir “bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mt. 24:3, 14) Meta n-nies josservawna nieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna, tingħata xiehda qawwija. Wara li nitilqu mill-inħawi, xi nies forsi jitkellmu dwar iż-żjara tagħna għal sigħat jew ġranet wara, anki jekk ma semgħux il-messaġġ. Jekk napprezzaw għala mmorru fuq il-ministeru se niġu megħjunin biex nipperseveraw. Aħna nogħġbu lil Ġeħova bis-sehem tagħna fit-twettiq tal-profezija Biblika permezz tax-xiehda li nagħtu u l-messaġġ taʼ twissija li nwasslu.—2 Tess. 1:6-9.
3 Hemm Bżonn il-Perseveranza: Minħabba li n-nies għandhom ħafna aljenazzjonijiet u ħafna affarijiet li jiħdulhom mill-ħin tagħhom, hemm bżonn il-perseveranza min-naħa tagħna meta nistinkaw biex inkabbru l-interess tagħhom. Ix-Xhieda kienu jmorru għand waħda mara kull ġimgħa għal sena sħiħa qabel ma ddeċidiet li tistidinhom ġewwa għal diskussjoni minn fuq il-Bibbja. Tant ħadet gost b’dak li semgħet li aċċettat studju tal-Bibbja, bdiet tattendi l-laqgħat, u ma damitx m’esprimiet ix-xewqa li titgħammed.
4 Il-kundizzjonijiet tad-dinja qed jinbidlu malajr, u anki n-nies. Ħafna li m’aċċettawx iż-żjara tagħna fil-passat forsi issa jkunu lesti jilqgħu t-tama rifreskanti li naqsmu magħhom. Jekk persuna waħda biss twieġeb b’mod favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna, il-perseveranza tagħna tkun vallapena.
5 Madwar id-dinja, iktar u iktar nies qed “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru.” (Eżek. 9:4) Ir-riżultati taʼ l-ippridkar tagħna jagħtu prova li dawk li huma disposti sewwa qed iwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna. (Is. 2:2, 3) Għalhekk, ejja nkomplu nippridkaw mingħajr waqfien billi bl-imħabba nipperseveraw f’li ‘nġibu aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.’—Is. 52:7, New World Translation; Atti 5:42.