Qiegħda l-Familja Tiegħek Tipprepara Biex Issalva?
1 Profeziji Bibliċi mwettqin jagħtu evidenza konvinċenti tat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar li qed joqrob b’ħeffa. Issa ngħixu fi żminijiet kritiċi li huma simili ħafna għal dawk taʼ qabel id-Dilluvju. (Mt. 24:37-39) Noè salva mill-qerda taʼ dik id-dinja tal-qedem minħabba li “kien jimxi sewwa maʼ Alla.” (Ġen. 6:9) Noè żgur li għallem lil familtu t-triqat taʼ Ġeħova għaliex huma wkoll salvaw mid-Dilluvju. B’liema mod nistgħu nimitaw lil Noè u nippreparaw bħala familja biex insalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar?
2Predikatur tal-Ġustizzja: Noè ppersevera għal madwar 40 sa 50 sena bħala “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Il-ġirien tiegħu, kemm jekk taħt l-influwenza t’anġli ribellużi li ħadu iġsma umani u kemm jekk le, żgur li żżuffjettaw bl-ippridkar tiegħu. Fil-ministeru tagħna spiss niltaqgħu m’apatija u twaqqigħ għaċ-ċajt, u dan jagħti prova li din is-sistema tinsab fi tmiemha. (2 Pt. 3:3, 4) Madankollu, għall-kuntrarju tan-nies fi żmien Noè, ħafna qed iwieġbu għall-isforzi tagħna u qed ‘jiġru’ lejn il-qima taʼ Ġeħova. (Is. 2:2) Aħna se nsalvaw ‘lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna’ biss jekk nipperseveraw. (1 Tim. 4: 16) Kemm hu vitali għall-ġenituri li jgħallmu lil uliedhom dwar l-urġenza tax-xogħol taʼ l-ippridkar kemm bil-kliem u kemm bl-eżempju!—2 Tim. 4:2.
3 Għamel “Kull Ma Ordnalu”: Is-salvazzjoni taʼ Noè u taʼ familtu ddependiet milli jsegwu bir-reqqa l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. (Ġen. 6:22) Huwa importanti wkoll għalina llum li nkunu ‘lesti biex nobdu’ d-direzzjoni mill-Bibbja u mill-ilsir leali. (Ġak. 3:17) Tfal adulti f’familja waħda jiftakru kif missierhom applika s-suġġerimenti li rċieva mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Per eżempju, hu kkonduċa studju tal-familja kull ġimgħa u kien jieħu lill-familja fil-ministeru fi tmiem il-ġimgħa kif rikkmandat. Hu stinka biex jaħdem maʼ xi ħadd minn uliedu fil-ministeru kull ġimgħa. Il-lealtà tiegħu f’li jagħmel ‘kull ma kien ordnat’ ħalliet impressjoni kbira fuq uliedu, u s-sitta li huma kibru biex ikunu qaddejja leali taʼ Ġeħova.
4 It-tmiem taʼ din is-sistema se jiġi f’daqqa. (Lq. 12:40) Billi nimitaw lil Noè u neżerċitaw fidi għas-salvazzjoni, aħna u l-familja tagħna żgur li se nkunu lesti!—Ebr. 11:7.