Ħames Modi Kif Issib Studju tal-Bibbja
1. Jekk hija taʼ sfida li nsibu studju tal-Bibbja fit-territorju tagħna, x’għandna nagħmlu, u għala?
1 Hija taʼ sfida għalik li ssib lil xi ħadd maʼ min tistudja l-Bibbja? Ibqaʼ pprova. Ġeħova jbierek lil dawk li ma jaqtgħux qalbhom f’li jagħmlu r-rieda tiegħu. (Gal. 6:9) Hawn taħt se ssib ħames suġġerimenti t’għajnuna.
2. Kif nistgħu nkunu diretti biex nibdew studju?
2 Kun Dirett: Ħafna nies jafu li aħna noffru It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ!, iżda forsi ma jafux li noffru studji tal-Bibbja. Għala ma tipprovax tkun dirett meta tagħti xhieda minn dar għal dar? Tistaʼ wkoll tistaqsi lin-nies interessati li żżurhom regolarment jekk jixtiqux studju tal-Bibbja. Jekk ma jaċċettawx, tistaʼ tkompli tħallilhom xi letteratura u tikkultiva l-interess. Wieħed ħu kien ilu bosta snin iżur lil koppja miżżewġa bħala rotta bir-rivisti. Hu mar jagħtihom l-iktar rivisti reċenti, iżda hu u jdur lura biex jitlaq ġietu l-idea li jistaqsihom: “Tixtiequ studju tal-Bibbja?” Baqaʼ skantat xħin qalulu iva. Illum, dawn mgħammdin.
3. Għandna nassumu li dawk li jattendu l-laqgħat ikunu qed jistudjaw il-Bibbja maʼ xi ħadd? Spjega.
3 Dawk li Jattendu l-Laqgħat: Tassumix li l-uħud interessati li tara fil-laqgħat tal-kongregazzjoni diġà jkollhom studju tal-Bibbja. Wieħed ħu jgħid: “Iktar minn nofs l-istudji li kelli bdew għax tkellimt maʼ dawk li kienu qed jattendu l-laqgħat.” Waħda oħt iddeċidiet li tavviċina lil waħda mara mistħija li kellha żewġt ibniet mgħammdin fil-kongregazzjoni tal-oħt. Il-mara kienet ilha tattendi l-laqgħat għal madwar 15-il sena u dejjem kienet tidħol fis-Sala tas-Saltna eżatt malli tibda l-laqgħa u titlaq eżatt malli tispiċċa. Il-mara aċċettat li tibda studju u eventwalment ġiet fil-verità. L-oħt tikteb: “Jiddispjaċini li stennejt 15-il sena biex nistaqsiha jekk tixtieqx tistudja!”
4. Semmi mod ieħor kif nistgħu nsibu studju tal-Bibbja.
4 Staqsi Jekk Hemmx Xi Ħadd Interessat: Waħda oħt tipprova takkumpanja lil oħrajn għall-istudji tal-Bibbja tagħhom. Bil-permess tal-oħt li tkun qed tikkonduċi l-istudju, fi tmiem l-istudju hi tistaqsi lill-istudenta jekk tafx b’xi persuni oħrajn li għandhom mnejn jieħdu gost ikollhom studju huma stess. Meta toffri l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? lil xi ħadd li tkun qed iżżur, tistaʼ forsi tistaqsih: “Taf lil xi ħadd ieħor li jieħu pjaċir ikollu dan il-ktieb ukoll?” Kultant, iċ-ċirkustanzi ma jippermettux lill-pubblikaturi u lill-pijunieri li jikkonduċu studju maʼ xi ħadd li jiltaqgħu miegħu fit-territorju. Għalhekk, ħalli lil oħrajn ikunu jafu li int disponibbli biex tikkonduċi studju tal-Bibbja.
5. Għala għandna mnejn nistaqsu lill-imseħbin fiż-żwieġ taʼ xi membri tal-kongregazzjoni jekk iridux studju?
5 Imseħbin fiż-Żwieġ li Mhumiex tal-Istess Twemmin: Hemm xi pubblikaturi fil-kongregazzjoni tiegħek li huma miżżewġin lil xi ħadd li mhuwiex tal-istess twemmin? Xi wħud li mhumiex tal-istess twemmin joqogħdu lura milli jitkellmu dwar il-Bibbja mar-raġel jew mal-mara Kristjana tagħhom, imma forsi jaċċettaw li jistudjaw maʼ xi ħadd li ma jkunx jagħmel parti mill-familja tagħhom. Spiss ikun aħjar li tikkonsulta mas-sieħeb jew is-sieħba Kristjana tagħhom minn qabel sabiex tiddetermina xi jkun l-aħjar mod kif tavviċina lil dak li jkun.
6. It-talb kemm hu taʼ valur meta tkun qed tipprova ssib studju?
6 It-Talb: Tissottovalutax il-qawwa li għandu t-talb. (Ġak. 5:16) Ġeħova jwiegħed li jismaʼ t-talb tagħna meta dan ikun fi qbil mar-rieda tiegħu. (1 Ġw. 5:14) Wieħed ħu li kellu skeda mimlija daqs bajda beda jitlob għal studju tal-Bibbja. Martu bdiet tiddubita kemm se jkollu ħin biex jieħu ħsieb student, speċjalment jekk l-istudent ikollu ħafna problemi. Allura, hi esprimiet dan it-tħassib lil Ġeħova meta talbet biex żewġha jsib studju. It-talb tagħhom ġie mwieġeb madwar ġimagħtejn wara meta pijuniera fil-kongregazzjoni sabet raġel li ried jistudja u għaddiet l-istudju lil dan il-ħu. Il-mara tikteb: “Lil dawk kollha li forsi jħossu li studju tal-Bibbja huwa wisq stressanti biex jikkonduċuh, ngħidilhom: Kunu speċifiċi fit-talb tagħkom, u tiqfux titolbu dwar il-kwistjoni. Aħna esperjenzajna iktar ferħ milli stajt nimmaġina.” Jekk tippersevera, anki int għandek mnejn tkun tistaʼ ssib studju tal-Bibbja u tesperjenza l-ferħ li tgħin lil xi ħadd jaqbad “it-triq li tieħu għall-ħajja.”—Mt. 7:13, 14.