Agħtuhom Merħba!
1. Liema okkażjoni tagħtina opportunità mill-aqwa biex nagħtu xhieda, u għala?
1 L-ebda okkażjoni ma tagħtina opportunità aħjar biex nagħtu xhieda minn dik li tagħtina t-Tifkira kull sena. Ikkunsidra: Din is-sena hu mistenni li jkollna iktar minn għaxar miljun viżitatur għat-Tifkira biex jisimgħu dwar l-akbar żewġ turijiet taʼ mħabba li saru permezz tal-fidwa. (Ġw. 3:16; 15:13) Se jitgħallmu dwar il-barkiet li huma disponibbli għalihom grazzi għall-għotja taʼ Ġeħova. (Is. 65:21-23) Imma l-kelliemi mhuwiex l-uniku wieħed li se jagħti xhieda f’din l-okkażjoni. Dawk kollha li jattendu se jkollhom l-opportunità biex jagħtu xhieda liema bħalha billi minn qalbhom jagħtu merħba lill-viżitaturi.—Rum. 15:7.
2. Kif nistgħu nagħtu merħba mill-qalb lill-viżitaturi?
2 Minflok ma taqbad u ssib fejn se toqgħod bilqiegħda u tistenna bil-kwiet sakemm jibda l-programm, għala ma tiħux l-inizjattiva biex tintroduċi ruħek maʼ dawk taʼ madwarek? Il-viżitaturi għandhom mnejn iżommu lura għax ma jkunux jafu eżatt x’se jiġri. It-tbissima dħulija u t-tislima kordjali tagħna se tgħinhom iħossuhom komdi u milqugħin. Biex issir taf jekk xi ħadd ikunx ġie għax irċieva stedina, tistaʼ tistaqsih jekk din hijiex l-ewwel darba li attenda waħda mil-laqgħat tagħna jew jekk jafx lil xi ħadd mill-kongregazzjoni. Forsi tistaʼ tistiednu joqgħod bilqiegħda ħdejk ħalli jara miegħek mill-Bibbja u l-ktieb tal-għanjiet. Jekk qed tintuża Sala tas-Saltna, forsi tistaʼ tagħmillu tur qasir. Wara t-taħdita, offri li twieġeb kwalunkwe mistoqsija li jagħmillek. Jekk il-kongregazzjoni tiegħek ikollha titlaq malajr għax tkun ġejja kongregazzjoni oħra, għandek mnejn tgħidlu: “Nixtieq inkun naf x’deherlek mill-programm. Hemm xi mod kif nistaʼ nikkuntattjak?” Imbagħad agħmel arranġamenti biex tikkuntattjah ġurnata oħra. L-anzjani speċjalment għandhom jagħmlu sforz biex iħeġġu lill-pubblikaturi inattivi li jattendu.
3. Għala hu importanti li nieħdu l-inizjattiva biex nagħtu merħba lill-viżitaturi fit-Tifkira?
3 Għal ħafna viżitaturi, din se tkun l-ewwel darba li jduqu l-ferħ, il-paċi, u l-unità tal-ġenna spiritwali li ngawdu bħala l-poplu taʼ Ġeħova. (Salm 29:11; Is. 11:6-9; 65:13, 14) Il-viżitaturi x’se jiftakru mit-Tifkira? Ħafna jiddependi mill-inizjattiva li tittieħed biex jingħataw merħba.