Roddu Ħajr lil Ġeħova għall-Qalb Tajba bl-Imħabba Tiegħu
Il-Mewt taʼ Kristu Se Tiġi Kommemorata fl-24 taʼ Marzu
1. Ġeħova kif uriena qalb tajba bl-imħabba?
1 Is-salmista stqarr: “Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu [“għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu,” New World Translation], għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” (Salm 107:8) Il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla hija iktar minn sempliċement sentiment teneru li hu jħoss għall-poplu tiegħu. Dan jidher ċar fl-espressjonijiet ispirati taʼ tifħir: “Tjubitek [jew, il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek], Mulej, tweżinni.” (Salm 94:18) X’turija straordinarja taʼ qalb tajba bl-imħabba wera Ġeħova meta ta lil ibnu l-waħdieni għalina!—1 Ġw. 4:9, 10.
2. Kif nistgħu rroddu ħajr lil Ġeħova?
2 Hekk kif toqrob it-tifkira tal-mewt taʼ Kristu, kif nistgħu rroddu ħajr lil Alla li jurina “qalb tajba bl-imħabba”? (Salm 59:17, NW) Ilkoll kemm aħna għandna nkunu rridu nwarrbu ftit ħin biex nimmeditaw fuq l-aħħar jiem taʼ Ġesù fuq l-art. (Salm 143:5) Ikun taʼ benefiċċju wkoll jekk insegwu l-iskeda speċjali għall-qari tal-Bibbja għat-Tifkira li hemm fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2005, u, jekk inhu possibbli, anki naqraw u nagħmlu ftit riċerka mill-kapitli 112-16 fil-ktieb L-Aqwa Bniedem flimkien maʼ pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq il-Bibbja. Immedita dwar is-siltiet li taqra, u kun medhi fihom. (1 Tim. 4:15) Riflessjoni bit-talb fuq il-Kelma t’Alla mhux biss issaħħaħ lil qalbna imma tesprimi wkoll l-imħabba tagħna għal Ġeħova.—Mt. 22:37.
3, 4. (a) Kif nistgħu nimitaw l-ispirtu taʼ ħutna fil-Liberja? (b) Lil min bi ħsiebek tistieden għat-Tifkira?
3 Ħeġġeġ lill-Oħrajn biex Iroddu Ħajr lil Alla: Is-sena l-oħra 16,760,607 attendew it-Tifkira mad-dinja kollha. F’raħal fil-Liberja, l-aħwa kitbu ittra lill-kap tal-belt biex jinformawh dwar l-intenzjoni tagħhom li josservaw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fil-belt tiegħu. Il-kap ta l-permess tiegħu lill-aħwa biex jużaw il-grawnd lokali tal-futbol għall-avveniment u għamel avviż dwar it-Tifkira mal-belt kollha, waqt li stieden lin-nies biex jattendu. Għalkemm kien hemm biss ħames pubblikaturi f’dan ir-raħal, l-attendenza għat-Tifkira kienet taʼ 636 ruħ!
4 Bl-istess mod, aħna rridu ngħinu kemm jistaʼ jkun nies biex jingħaqdu magħna għall-osservanza tat-Tifkira. Għala ma tagħmilx lista taʼ dawk li tixtieq tistieden? L-istampi fil-paġni taʼ wara taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Marzu u t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Marzu jestendu stedina għat-Tifkira. Jistgħu jintużaw ukoll l-inviti tat-Tifkira li jiġu stampati. Ittajpja jew ikteb pulit il-ħin u l-post tat-Tifkira fuq l-invit, u ħalli wieħed maʼ kull individwu li tistieden. Hekk kif joqrob l-24 taʼ Marzu, erġaʼ għaddilhom biex tfakkarhom u tagħmel l-aħħar arranġamenti magħhom.
5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lill-istudenti tal-Bibbja biex jattendu?
5 Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja li għadhom mhux qed jiġu l-laqgħat biex jattendu u jibbenefikaw bis-sħiħ minn dan l-avveniment? Qattaʼ ftit minuti waqt kull studju biex tibni l-apprezzament għall-importanza taʼ l-osservanza. Tistaʼ ssib materjal eċċellenti fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Marzu, 2004, paġni 3-7, u fil-ktieb Reasoning, paġni 266-9.
6. Għala huwa importanti li nilqgħu lill-viżitaturi fit-Tifkira?
6 Ilqaʼ lill-Viżitaturi: Fit-Tifkira, kellem lill-viżitaturi u agħtihom merħba. (Rum. 12:13) Agħmel mezz li toqgħod bil-qiegħda ħdejn dawk li tkun stidint, u ara li jkollhom Bibbja u ktieb taʼ l-għanjiet. Għandna nieħdu l-inizjattiva speċjalment biex nagħtu merħba mill-qalb lil ħutna li huma inattivi u li għamlu sforz biex jattendu. L-interess kollu mħabba tagħna jistaʼ jgħinhom jerġgħu jibdew jassoċjaw regolarment mal-kongregazzjoni. (Lq. 15:3-7) F’din l-okkażjoni tant sagra, jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninkuraġġixxu lill-oħrajn ħalli jingħaqdu magħna f’radd il-ħajr lil Ġeħova għall-“qalb tajba bl-imħabba taʼ l-għaġeb” tiegħu.—Salm 31:21, NW.